Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet8 April 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Ewrobarometru Standard 96 – Rapport Nazzjonali

BAROMETER

 

Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għandha l-pjaċir tippubblika r-Rapport Nazzjonali tal-aħħar Stħarriġ Standard tal-Ewrobarometru (EB96).

 

Ir-rapport nazzjonali juri s-sejbiet ewlenin tax-xogħol fil-post li sar bejn it-18 ta’ Jannar u t-8 ta’ Frar 2022. B’kollox, saru 500 intervista ma’ parteċipanti li jgħixu f’Malta li għandhom 15-il sena jew aktar. Ir-rapport ikopri għadd ta’ suġġetti: il-perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni personali tal-parteċipanti stess, Malta u l-qagħda ekonomika tagħha, u l-Unjoni Ewropea; il-perċezzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea; il-fiduċja fl-istituzzjonijiet; u l-midja u s-sorsi tal-aħbarijiet.

Tul dan il-perjodu kien għad hemm għadd ta’ restrizzjonijiet biex inaqqsu l-firxa tal-coronavirus. Tul l-2021, l-ekonomija Maltija kibret b’9% wara li fl-2020 kienet ċkienet b’7%.  Fis-26 ta’ Marzu 2022 saret l-elezzjoni ġenerali. Meta sar ix-xogħol fuq l-istħarriġ, id-data tal-elezzjoni kienet għadha mhux magħrufa. Huwa probabbli li dawn l-aspetti kollha influwenzaw ir-risposti tal-parteċipanti.

 

Perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni personali

Il-perċezzjonijiet tal-parteċipanti f’Malta dwar is-sitwazzjoni personali tagħhom huma pjuttost pożittivi. 87% tal-parteċipanti huma sodisfatti jew sodisfatti ħafna b’ħajjithom.

Meta ntalbu jagħżlu l-aktar żewġ kwistjonijiet importanti li kienu qed jaffaċċaw fil-mument minn sett predeterminat ta’ kwistjonijiet, il-parteċipanti l-aktar li semmew kienu l-prezzijiet li qed jogħlew, l-inflazzjoni, u l-għoli tal-ħajja. Dawn kienu segwiti mill-ambjent u t-tibdil fil-klima, li ssemmew minn 26% tal-parteċipanti, u s-saħħa, imsemmija minn 20% tal-parteċipanti.

Il-maġġoranza tal-parteċipanti f’Malta huma wkoll ottimisti dwar il-futur. 79% qalu li jaqblu kompletament jew li għandhom tendenza li jaqblu li għandhom kunfidenza fil-futur tagħhom.

 

 

Malta u l-qagħda ekonomika tagħha

Il-fehmiet tal-parteċipanti dwar il-kwistjonijiet ewlenin li Malta qed taffaċċa bħalissa jirriflettu l-kwistjonijiet personali ewlenin. Fuq nett fil-lista hemm il-prezzijiet li qed jogħlew/l-għoli tal-ħajja/l-inflazzjon, li 54% (+31pp mis-sena li għaddiet) semmewha bħala waħda miż-żewġ kwistjonijiet l-aktar importanti. Il-kwistjonijiet l-oħra li ssemmew kienu l-ambjent u t-tibdil fil-klima bi 30% (+3pp), is-saħħa b’25% (-16pp) u s-sitwazzjoni ekonomika b’20% (-16pp).

Il-parteċipanti fl-istħarriġ urew tendenza li jkollhom fehmiet pożittivi dwar is-sitwazzjoni f’Malta, u 58% iddeskrivew is-sitwazzjoni attwali f’Malta bħala tajba ħafna jew pjuttost tajba.

Għall-kuntrarju tal-perċezzjonijiet tal-individwi dwarhom stess, il-fehmiet dwar il-futur ta’ Malta mhumiex daqstant pożittivi. Jidher li hemm biża’ dwar il-futur. Tabilħaqq, 30% jistennew li s-sitwazzjoni se tmur għall-agħar fit-12-il xahar li ġejjin, filwaqt li 28% jistennew li s-sitwazzjoni se tmur għall-aħjar.

 

Perċezzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea

Dan iċ-ċiklu tal-Ewrobarometru kkonferma għal darb’oħra l-perċezzjonijiet pożittivi ħafna li l-parteċipanti fl-istħarriġ f’Malta għandhom dwar l-Unjoni Ewropea, fejn 52% tal-parteċipanti qalu li l-affarijiet fl-Unjoni Ewropea mexjin fit-triq it-tajba.

Barra minn hekk, 74% huma ottimisti ħafna jew pjuttost ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipanti f’Malta jaraw is-sħubija fl-UE bħala xi ħaġa pożittiva ħafna għall-pajjiż, u 76% qalu li ma jaqblux mal-istqarrija li Malta tista’ taffaċċa l-futur aħjar jekk tkun barra mill-UE. Barra minn hekk, żewġ terzi tal-parteċipanti jaħsbu li l-munita unika kienet pożittiva għall-ekonomija ta’ Malta.

 

Fiduċja fl-istituzzjonijiet

Il-persunal tas-saħħa u mediku għadu bil-kif l-aktar fdat, kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-parteċipanti fl-istħarriġ f’Malta jafdaw lill-istituzzjonijiet Ewropej aktar mill-medja fl-UE, u żiedu l-livell ta’ fiduċja tagħhom f’dawn l-istituzzjonijiet. Il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea hija fost l-ogħla f’Malta meta mqabbla mal-bqija tal-UE.

Il-Midja u s-Sorsi tal-Aħbarijiet
Sett ieħor ta’ mistoqsijiet kien jitratta l-użu tal-midja u s-sorsi tal-aħbarijiet. Ir-riżultati juru sitwazzjoni li qed tevolvi, b’bidliet fil-mod li bih il-parteċipanti fl-istħarriġ f’Malta jġibu l-aħbarijiet u fil-konsum tal-midja. Il-parteċipanti f’Malta jużaw l-internet ħafna aktar mill-medja tal-UE, sew biex jaqraw l-aħbarijiet, jaraw it-televiżjoni jew biex jużaw il-mezzi soċjali. It-tabella ta’ hawn taħt tagħti informazzjoni dwar l-użu ta’ kull mezz individwali ta’ kuljum jew kważi ta’ kuljum.

Mezz

Malta

Unjoni Ewropea (EU27)

Jaraw it-televiżjoni fuq is-sett tat-TV

67%

77%

Jaraw it-televiżjoni fuq l-internet

33%

17%

Jaraw it-televiżjoni b’kollox

75%

81%

Jużaw il-mezzi soċjali

71%

44%

Jaqraw l-aħbarijiet fuq l-internet

60%

42%

Jisimgħu r-radju

42%

43%

Jaqraw l-istampa miktuba

12%

21%

Jisimgħu l-poddati

6%

6%

 

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
8 April 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta