Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri għandhom rwol ewlieni biex jikkollegaw il-Kummissjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Ir-Rappreżentanza hija kruċjali fil-komunikazzjoni ma’ diversi udjenzi, hija u żżomm ir-relazzjonijiet mal-media u tipprovdi informazzjoni u analiżi politika.
Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew(EPLO). Iż-żewġ Istituzzjonijiet huma ospitati taħt saqaf wieħed f’kull Stat Membru, fid-“Djar tal-Unjoni Ewropea”.
L-Istituzzjonijiet Ewropej ma’ biebek
Dar l-Ewropa, inawgurata fl-2009, hija d-dar Maltija tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-bini, fil-qalba tal-Belt Valletta, iservi bħala lok għal attivitajiet ta’ informazzjoni inklużi seminars, taħditiet, wirjiet, żjarat tal-iskejjel u avvenimenti kulturali, kollha bl-Unjoni Ewropea bħala l-punt fokali tagħhom.
Sibna hawn:
Dar l-Ewropa, 254, Triq San Pawl, il-Belt Valletta, VLT 1215 (eżatt wara s-Suq tal-Belt ta’ Triq il-Merkanti)
Ħinijiet tal-ftuħ: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 09:00–16:00
X’noffru?
Aħna nservu bħala punt ċentrali ta’ kuntatt għaċ-ċittadini dwar kwistjonijiet Ewropej u d-drittijiet taċ-ċittadini.
Għandna għażla ta’ pubblikazzjonijiet u fuljetti, u l-istaff tagħna jista’ jiggwidak biex ikollok aċċess għal informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha.
Sala tal-konferenzi
Is-sala tal-konferenzi tista’ jintuża mingħajr ħlas għal avvenimenti mhux kummerċjali b'rabta mal-UE. Skont kif ikunu mqassmin is-siġġijiet, is-sala tista’ tilqa’ sa 70 ruħ.
Għal aktar informazzjoni:
comm-rep-mtec [dot] europa [dot] eu (comm-rep-mt[at]ec[dot]europa[dot]eu) jew ċempel (+356) 2342 5000
IMPORTANTI Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-attivitajiet minn entitajiet esterni jsiru biss f’konformità mar-regolamenti lokali fis-seħħ.
Il-ħarsien tal-ambjent u s-sostenibbiltà f’Dar l-Ewropa
Il-Kummissjoni Ewropea kienet l-ewwel istituzzjoni tal-UE li rreġistrat mal-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (Eco-Management and Audit Scheme, EMAS), u bħalissa, 12-il istituzzjoni u korp tal-UE huma rreġistrati mal-EMAS.
Biex tappoġġa l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-impenn tal-Kummissjoni li ssir istituzzjoni newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2030, fl-2020 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li testendi l-EMAS għal Djar l-Ewropa li jinsabu fl-Istati Membri. Ir-Rappreżentanza fil-Belt Valletta hija waħda mill-ewwel żewġ Djar l-Ewropa magħżula biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-EMAS. Bi ftehim mal-Parlament Ewropew, l-EMAS qed tiġi implimentata flimkien mal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-PE.
Dar l-Ewropa f’Malta qiegħda fi triqitha lejn iċ-ċertifikazzjoni EMAS
Dar l-Ewropa diġà tħeġġeġ lis-sħab kollha tagħha biex inaqqsu l-konsum tar-riżorsi fl-attivitajiet ta’ kuljum ta’ Dar l-Ewropa: li jiġu eliminati l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li jitnaqqas l-iskart, li kemm jista’ jkun l-affarijiet jintużaw mill-ġdid jew jiġu riċiklati, sabiex ikollha impronta tal-karbonju iżgħar, għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Taħt l-EMAS, il-Kummissjoni tfittex li dejjem ittejjeb is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali u l-prestazzjoni ambjentali tagħha, u b’hekk tnaqqas l-impatt ambjentali tax-xogħol tagħha ta’ kuljum.
L-iskema tiżgura li l-aspetti ambjentali kollha, mill-konsum tal-enerġija sal-iskart u l-emissjonijiet, jiġu implimentati b’mod konformi mal-liġi u trasparenti.
L-EMAS fl-Istituzzjonijiet tal-UE
Bis-saħħa tal-firxa gradwali tagħha fi Djar l-Ewropa kollha, iċ-ċertifikazzjoni EMAS mhux biss se jkollha kopertura akbar, iżda se tkun qed isservi ta’ ambaxxatur għall-ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni fl-Istati Membri.