F’Diċembru tal-2020, il-mexxejja tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea qablu dwar Pjan ta’ Rkupru biex jgħin fit-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.
Permezz tal-baġit fit-tul tal-UE, flimkien mal-istrument temporanju ta’ NextGenerationEU, total ta’ EUR 2.018 triljun se jgħinu biex tinbena Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.
Il-Pjan ta’ Rkupru għal Malta

L-irkupru tal-Ewropa mill-konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 huwa ta’ importanza vitali għall-interessi ekonomiċi ta’ Malta, b’mod partikolari minħabba l-importanza tal-industrija tat-turiżmu tagħha.
Il-Kummissjoni Ewropea tistima li l-PDG reali ta’ Malta naqas b’ 7.8 % fl-2020, ferm ogħla mill-medja tal-UE u taż-żona tal-euro, li jirriżulta mill-impatt serju li kellha l-pandemija tal-COVID-19 fuq id-dħul mit-turiżmu u fuq l-effett kbir li kellha fuq il-konsum domestiku.
Fit-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2021 tagħha, il-Kummissjoni rrevediet il-projezzjoni tat-tkabbir tal-PDG reali ta’ Malta għall-2021 ’l fuq minn projezzjonijiet preċedenti għal 5.6 %. Dan kien dovut għal prestazzjoni aktar b’saħħitha milli mistenni fil-bidu tas-sena, titjib fl-indikaturi tal-fiduċja, kif ukoll ir-ritmu għoli tat-tilqim u t-titjib fis-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika. Dan huwa ogħla mir-rata medja ta’ tkabbir ta’ 4.8 % prevista għaż-Żona tal-Euro fl-2021. Tbassir daqstant qawwi, ta’ 5.8 %, huwa mistenni fl-2022 bis-saħħa ta’ rkupru gradwali fis-settur tat-turiżmu, prospetti favorevoli għal domanda esterna għal servizzi oħra, u rkupru fl-investiment privat u pubbliku, appoġġat ukoll mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
X’hemm fil-Pjan ta’ Rkupru għal Malta?

NextGenerationEU, l-istrument temporanju ta’ rkupru tal-UE, se jappoġġa lil Malta billi jgħin biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-coronavirus u billi jgħin biex l-ekonomija ta’ Malta ssir aktar reżiljenti. Il-Maltin li pparteċipaw fi stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat mill-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Settembru 2021, esprimew l-aktar opinjoni pożittiva fl-UE kollha fir-rigward ta’ NextGenerationEU. 78 % kienu tal-opinjoni li l-proġetti ta’ NextGenerationEU se jgħinu l-irkupru tal-pandemija, u 80 % li dawn il-proġetti se jgħinu biex jitħejjew għal sfidi futuri.
• Malta mistennija tirċievi EUR 316.4 f’għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan il-finanzjament se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri kruċjali ta’ investiment u riforma deskritti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta. Il-pjan ikopri sitt oqsma, inkluż it-trasport sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari, l-enerġija nadifa u l-effiċjenza enerġetika fil-bini, it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema legali, proġetti mmirati lejn is-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, kif ukoll riformi istituzzjonali. Jiddedika 54 % tal-allokazzjoni totali tiegħu għal miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi u 26 % għal miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali.
• Se jkun hemm ukoll EUR 112 miljun disponibbli fl-2021 taħt REACT-EU u EUR 21 miljun mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
• Malta se tirċievi wkoll EUR 838 miljun f’allokazzjonijiet tal-Politika ta’ Koeżjoni mill-aħħar baġit fit-tul tal-UE.
• Dan l-aħħar il-Kummissjoni ħarġet EUR 420 miljun f’appoġġ finanzjarju lil Malta taħt l-istrument SURE. Dan l-appoġġ finanzjarju huwa pprovdut fil-forma ta’ self mogħti b’termini favorevoli u se jgħin lil Malta tindirizza żidiet f’daqqa fin-nefqa pubblika biex tippreserva l-impjiegi fil-kuntest tal-kriżi pandemika.
It-twettiq tal-Pjan ta’ Rkupru ta’ Malta

Malta ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza fit-13 ta’ Lulju 2021. Fis-16 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni pożittiva tal-pjan ta’ Malta għall-irkupru u r-reżiljenza. Waqt li ppreżentat il-valutazzjoni, il-President von der Leyen qalet: “Dan il-pjan imur lil hinn mill-fatt li 54% minnu ser jappoġġa l-għanijiet ekoloġiċi tagħna. Dan huwa wieħed mill-aktar pjanijiet ekoloġiċi li l-Kummissjoni approvat s’issa.”
Mal-adozzjoni tal-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni, Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, qal: “Illum, approvajna l-pjan ta’ rkupru ta’ Malta biex tinħoloq ekonomija aktar ġusta, aktar diġitali u sostenibbli. Dan il-pjan jilħaq il-bilanċ it-tajjeb, b’aktar minn nofs l-allokazzjoni totali mmirata lejn l-objettivi tal-klima billi jnaqqas id-domanda għall-enerġija u l-iskart tal-pajjiż. Dan jinkludi investimenti biex jiġi ffinanzjat it-trasport sostenibbli, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini u jiġu riformati s-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart. Fil-qasam diġitali, Malta se tkompli tiddiġitalizza l-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi tagħha, inklużi l-kura tas-saħħa u l-ġudikatura. Nilqa’ wkoll l-enfasi tal-pjan fuq l-indirizzar tal-indipendenza ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Malta tindirizza parzjalment l-isfidi relatati mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u aħna se naħdmu mal-awtoritajiet tagħha biex nagħmlu aktar fil-futur.”
Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: “L-implimentazzjoni tal-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza fis-snin li ġejjin se tgħin biex tittrasforma l-irkupru ekonomiku b’saħħtu tal-pajjiż f’fażi ta’ tkabbir sostnut u sostenibbli. Appoġġat minn EUR 316 miljun f’finanzjament minn NextGenerationEU, il-pjan fih firxa impressjonanti ta’ miżuri għall-ekonomija ekoloġika ta’ Malta, jagħti spinta lill-kompetittività diġitali tagħha u jsaħħaħ aktar is-sistema tas-saħħa tagħha. Nilqa’ wkoll l-impenji importanti għas-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja, it-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-għeluq tal-opportunitajiet għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa.”
Il-Pjan Nazzjonali ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza 2021
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Malta tippreżenta pjan uffiċjali għall-irkupru u r-reżiljenza
Programmi ta’ finanzjament u offerti tal-UE u proċeduri ta’ applikazzjoni
NextGenerationEU: Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-pjan ta’ rkupru u reżiljenza ta’ Malta ta’ EUR 316.4 miljun.
X’hemm fil-Pjan ta’ Rkupru tal-UE?
Il-baġit fit-tul tal-UE, li ġie miżjud biex jindirizza l-isfidi relatati mal-COVID-19, jiżgura li aktar minn 50 % tal-Pjan ta’ Rkupru jkun iddedikat għall-modernizzazzjoni, permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjonijiet klimatiċi u diġitali, u t-tħejjija, l-irkupru u r-reżiljenza.
Dan il-pakkett b’ħarsa għall-ġejjieni, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, se jiġġieled it-tibdil fil-klima, u se jagħti attenzjoni speċifika lill-protezzjoni tal-bijodiversità. 30 % tal-baġit tal-UE se jintefaq fuq dawn il-prijoritajiet.
NextGenerationEU se tipprovdi EUR 750 biljun addizzjonali, li minnhom EUR 672.5 biljun se jitwasslu permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) fil-forma ta’ self u għotjiet biex jappoġġaw ir-riformi strutturali u l-investimenti mwettqa mill-pajjiżi tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea implimentat ukoll Strument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) ġdid biex jipprovdi għarfien espert imfassal apposta għall-pajjiżi tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi.
Aqra aktar dwar it-TSI u xi wħud mill-proġetti ta’ riforma li qed jiġu appoġġati.
Is-Semestru Ewropew, li huwa l-qafas għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ekonomika, ġie adattat ukoll peress li huwa marbut mill-qrib mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u se jiżgura li r-riformi strutturali jkunu parti integrali mill-irkupru għal kull pajjiż.
Biex jaċċessaw il-fondi għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kull pajjiż membru tal-UE pprovda pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li fih mill-inqas 37 % tan-nefqa hija allokata għall-klima u 20 % għall-investimenti u r-riformi diġitali, u li trid tiġi implimentata sal-2026.
Aktar dwar il-pjan ta’ rkupru tal-UE
Is-Semestru Ewropew 2021 — ċiklu eċċezzjonali
Programmi ta’ finanzjament u offerti tal-UE u proċeduri ta’ applikazzjoni