Erasmus+
Erasmus+ hu l-programm tal-UE li jappoġġja l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa.
Erasmus+ jgħin lil persuni ta’ kull età u sfond jiżviluppaw u jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza fl-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet f’pajjiżi differenti. Dan isaħħaħ il-ħiliet u l-għarfien interkulturali u jgħin lin-nies isiru ċittadini impenjati. Il-programm Erasmus+ 2021–2027 iqiegħed enfasi qawwija fuq l-inklużjoni soċjali, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika. Huwa għandu baġit stmat ta’ EUR 26.2 biljun. Dan huwa kważi d-doppju tal-finanzjament meta mqabbel mal-programm predeċessur tiegħu (2014–2020).
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jipprovdi finanzjament u appoġġ liż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li qed ifittxu opportunità li jieħdu sehem fi proġetti li huma ta’ benefiċċju għall-komunitajiet, kemm barra mill-pajjiż kif ukoll f’pajjiżhom stess. Il-finanzjament tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa pprovdut fil-forma ta’ għotjiet lill-organizzazzjonijiet permezz ta’ sejħiet għal proposti. Iż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom f’attivitajiet bħal dawn jeħtieġ li jirreġistraw fil-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà joffri post għal dawk iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet, li jkollhom għotja, biex jimplimentaw l-attivitajiet u biex isibu lil xulxin.
Traineeships fl-istituzzjonijiet tal-UE
Kull waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE għandha programm ta’ traineeship.
Traineeships fil-Kummissjoni Ewropea (Blue Book). Hemm żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ ħames xhur fil-Kummissjoni Ewropea — waħda li tibda f’Marzu u t-tieni waħda li tibda f’Ottubru. Biex tapplika għal waħda mis-sessjonijiet, trid tippjana minn qabel, peress li d-dati tal-għeluq huma fl-aħħar ta’ Awwissu preċedenti għas-sessjoni ta’ Marzu u fl-aħħar ta’ Jannar għas-sessjoni ta’ Ottubru. Iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini mhux tal-UE jistgħu japplikaw u t-trainees ta’ suċċess jirċievu allowance ta’ kull xahar. L-applikanti jridu jkunu gradwati u jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ żewġ lingwi tal-UE (iċ-ċittadini mhux tal-UE jrid ikollhom waħda biss).
Nota: Fil-Kummissjoni Ewropea, huwa possibbli wkoll li tapplika għal traineeship fit-traduzzjoni, pereżempju, jew għal traineeship xjentifiku (Ċentru Konġunt tar-Riċerka).
Rokna tat-tagħlim
Jekk int student tal-iskola primarja jew sekondarja, hawnhekk issib logħob, kompetizzjonijiet u kotba tal-attivitajiet biex jgħinuk tiskopri l-UE b’mod divertenti, fil-klassi jew id-dar. Tista' wkoll issir taf aktar dwar l-istudju jew il-volontarjat barra mill-pajjiż.
Jekk int għalliem u trid tgħin lill-istudenti tiegħek jitgħallmu dwar l-UE u kif taħdem, dan huwa sors ta' materjal tat-tagħlim għall-etajiet kollha. Minbarra li ssib ispirazzjoni għal pjanijiet ta' lezzjonijiet, tista' wkoll tiskopri opportunitajiet ta' netwerking ma' skejjel u għalliema oħra madwar l-UE.