Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet6 April 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Skemi ta' “passaport tad-deheb”: Il-Kummissjoni tipproċedi bil-każ ta' ksur kontra MALTA

Maltese Passport

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Malta (INFR(2020)2301) rigward l-iskema tagħha taċ-ċittadinanza b'investiment, magħrufa wkoll bħala skema ta' “passaporti tad-deheb”. Il-Kummissjoni tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE għal pagamenti jew investimenti determinati minn qabel mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat, qed jikser il-liġi tal-UE.

Il-valuri Ewropej mhumiex għall-bejgħ

L-iskema ta' ċittadinanza b'investiment timmina l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE, u għandha implikazzjonijiet għall-Unjoni b'mod ġenerali. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru tal-UE hija fl-istess ħin ċittadin tal-UE. Iċ-ċittadinanza tal-UE awtomatikament tagħti d-dritt għall-moviment liberu, l-aċċess għas-suq intern tal-UE, u d-dritt li tivvota u li tiġi eletta fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali. Ir-riskji inerenti ta' skemi bħal dawn ġew enfasizzati fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tat-28 ta' Marzu, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Istati Membri li għadhom iħaddmu skemi ta' ċittadinanza b'investiment jeħtieġ li jtemmuhom immedjatament. Ir-rakkomandazzjoni titlob ukoll lill-Istati Membri biex jiżguraw kontrolli b'saħħithom tal-iskemi ta' residenza għall-investituri. Permessi ta' residenza mogħtija b'tali skemi lil ċittadini Russi jew Belarussi, li huma soġġetti għal sanzjonijiet tal-UE b'rabta mal-gwerra fl-Ukrajna, jinħtieġ li jiġu rtirati immedjatament.

L-iskema Maltija tal-“passaport tad-deheb”

Fl-20 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' avviż formali lil Malta fejn talbet li tittermina l-iskema tagħha ta' ċittadinanza b'investiment u sussegwentement bagħtet avviż formali ieħor fid-9 ta' Ġunju 2021, wara l-introduzzjoni ta' skema ġdida minn Malta fi tmiem l-2020.

Malta dan l-aħħar issospendiet din l-iskema l-ġdida għaċ-ċittadini Russi u Belarussi wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Filwaqt li dan kien pass pożittiv, Malta qed tkompli tħaddem l-iskema għaċ-ċittadini l-oħra kollha u ma esprimiet l-ebda intenzjoni li twaqqafha. Il-Kummissjoni tqis li tali skema tikser il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera (l-Artikolu 4(3) TUE) u tikser l-istatus innifsu taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati (l-Artikolu 20 TFUE). Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li llum tibgħat opinjoni motivata lil Malta.

Il-passi li jmiss

Malta issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tippreżenta dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Kuntest

Skemi ta' ċittadinanza b'investiment, jew skemi ta' “passaport tad-deheb”, jippermettu li persuna tikseb nazzjonalità ġdida bbażata fuq pagament jew investiment u fin-nuqqas ta' rabta ġenwina mal-pajjiż ta' naturalizzazzjoni. Dawn l-iskemi huma differenti mill-iskemi ta' residenza tal-investituri (jew il-“viżi tad-deheb”) li jippermettu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jiksbu permess ta' residenza biex jgħixu f'pajjiż tal-UE.

Il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf taċ-ċittadinanza nazzjonali huma rregolati mid-dritt nazzjonali ta' kull Stat Membru, mingħajr preġudizzju għar-rispett dovut lejn id-dritt tal-UE. Billi n-nazzjonalità ta' Stat Membru hija l-unika prekundizzjoni għaċ-ċittadinanza tal-UE, u għall-aċċess sussegwenti għad-drittijiet mogħtija mit-Trattati, il-Kummissjoni kienet qed tissorvelja mill-qrib l-iskemi tal-investituri li jagħtu n-nazzjonalità tal-Istati Membri.

F'Ottubru 2020, il-Kummissjoni kienet bdiet ukoll proċedura ta' ksur kontra Ċipru għall-iskema tiegħu ta' ċittadinanza b'investiment. Ċipru ħassar l-iskema tiegħu u ma baqax jirċievi applikazzjonijiet ġodda fl-1 ta' Novembru 2020. Madankollu, kompla jipproċessa l-applikazzjonijiet pendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru fid-9 ta' Ġunju 2021. Minn dak iż-żmien 'l hawn, Ċipru waqaf jipproċessa l-applikazzjonijiet u, mill-15 ta' Ottubru 2021, irrevoka ċ-ċittadinanza ta' 39 investitur. Il-Kummissjoni qed tivvaluta bir-reqqa s-sitwazzjoni f'Ċipru qabel ma tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss.

Il-Kummissjoni kienet ukoll f'kuntatt mal-Bulgarija, biex tenfasizza t-tħassib tagħha rigward skema ta' ċittadinanza b'investiment imħaddma minn dan l-Istat Membru. Fl-24 ta' Marzu 2022, il-Parlament Bulgaru approva emenda għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Bulgara, li għandha l-għan li ttemm l-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment.

Mit-tnedija tal-ewwel skema tagħha fl-2014 (il-“programm ta' investituri individwali”), Malta nnaturalizzat numru kbir ta' investituri u l-membri tal-familja tagħhom. Fi tmiem l-2020, Malta stabbiliet skema ġdida, wara li dik oriġinali waslet qrib il-limitu tagħha ta' 1,800 applikant ewlieni li kellhom suċċess. L-iskema l-ġdida żżomm il-prinċipju li n-nazzjonalità tista' tingħata sistematikament, għal pagamenti determinati minn qabel, mingħajr ebda rabta ġenwina bejn l-applikant u Malta. Fit-2 ta' Marzu 2022, Malta ħabbret li kienet issospendiet, sakemm jingħata avviż ieħor, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet minn ċittadini tal-Federazzjoni Russa u tal-Belarussja.

Għal aktar informazzjoni

Ittra ta' intimazzjoni – 20 ta' Ottubru 2020

Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali – 9 ta' Ġunju 2021

Bażi tad-data dwar il-ksur

Proċedura ta' ksur tal-UE

Link għall-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' April 2022

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
6 April 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta