
Il-Lingwa Maltija tas-Sinjali u l-Malti għall-barranin huma żewġ pilastri tal-Fiera tal-Lingwi li qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u l-Għaqda tal-Malti nhar il-Ħadd li ġej, biex tfakkar il-Jum Ewropew tal-Lingwi. Min jiġi jżur il-fiera se jkollu ċ-ċans jipprova lingwa barranija jew jibni fuq dak li diġà jaf minn lingwi li jinkludu l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ispanjol, billi jitkellem ma’ kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi. Voluntiera mill-għaqdiet tal-persuni neqsin mis-smigħ, flimkien ma’ interpreti, se jkunu qegħdin jgħallmu l-lingwa tas-sinjali, waqt li voluntiera mill-Għaqda tal-Malti se jkunu qegħdin jgħallmu kliem bażiku bil-Malti lil min ikun interessat.
“Iddeċidejna li dis-sena tkun ħaġa f’lokha li nippromwovu l-Malti lill-ħafna barranin li jgħixu hawn, minħabba li l-lingwa ta’ post tiftaħ il-bieb biex nifhmu lil xulxin aħjar u aktar integrazzjoni. Hawn, ħadna spunt mill-kampanja ‘L-Ilsien Malti għal Qalbi’ li qed issir taħt l-awspiċji tal-President George Vella,” qal David Schembri, l-Uffiċjal tal-Lingwa fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. “It-tagħlim tal-lingwi ġodda jwaqqa’ ħitan li jafu jkunu inviżibbli fil-komunitajiet tagħna, u kien għalhekk li ridna li minbarra lingwi Ewropej oħra, ninkludu l-Lingwa Maltija tas-Sinjali, waħda mit-tliet lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna flimkien mal-Malti u l-Ingliż”.
L-attività hija adattata għal nies ta’ kull età, u se jkun hemm ħafna materjal informattiv u promozzjonali offrut. Fil-fiera se jkun hemm ukoll kunċert tal-kantawtriċi magħrufa Alexandra Alden.
Fl-10:00 a.m., l-E.T. il-President George Vella se jkun qiegħed iżur il-fiera.
Informazzjoni
Din il-fiera tal-lingwi hija waħda minn ħafna attivitajiet li qed jiġu organizzati madwar l-UE biex ifakkru l-Jum Ewropew tal-Lingwi. Is-26 ta’ Settembru ilu jitfakkar bħala l-Jum Ewropew tal-Lingwi (JEL) mill-2001. L-għan huwa li titqajjem kuxjenza dwar il-varjetà kbira ta’ lingwi fl-Ewropa, li jiġu promossi l-wirt kulturali u d-diversità lingwistika, li nies ta’ kull età jitħeġġu jitgħallmu l-lingwi, u li jiġu promossi t-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, u professjonijiet oħrajn b’rabta mal-lingwi.
Informazzjoni prattika:
Venue: Pjazza Sant’Anna, Triq it-Torri, Tas-Sliema
Date: 25/09/2022
Time: 9:00 a.m. 12:00 p.m.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 23 Settembru 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta