Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet5 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta1 min qari

L-Ewrobarometru: L-Ewropej japprovaw ir-rispons tal-UE għall-gwerra fl-Ukrajna

EU - UKRAINE FLAG
Europe 2022

Stħarriġ tal-Ewrobarometru Flash fl-Istati Membri kollha tal-UE, li ġie ppubblikat illum, juri kunsens kbir fost iċ-ċittadini tal-UE favur ir-rispons tal-UE għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna. 

Il-maġġoranza tal-Ewropej jaħsbu li minn mindu bdiet il-gwerra, l-UE wriet solidarjetà (79 %) u kienet magħquda (63 %) u rapida (58 %) fir-reazzjoni tagħha.

Dawk li wieġbu huma ferm favur l-appoġġ sod għall-Ukrajna u l-poplu tagħha. B'mod partikolari, aktar minn disgħa minn kull għaxra li wieġbu (93 %) japprovaw l-appoġġ umanitarju lill-persuni affettwati mill-gwerra. 88 % tal-Ewropej japprovaw l-idea li fl-UE jintlaqgħu n-nies li qed jaħarbu mill-gwerra. 80 % japprovaw l-appoġġ finanzjarju pprovdut lill-Ukrajna. 66 % jaqblu li “l-Ukrajna għandha tingħaqad mal-UE meta tkun lesta”, 71 % jemmnu li l-Ukrajna hija parti mill-familja Ewropea u 89 % jissimpatizzaw mal-Ukreni.

L-appoġġ għas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja wara l-attakk militari tagħha kontra l-Ukrajna huwa wkoll għoli ħafna. Il-maġġoranza l-kbira tal-Ewropej (80 %) japprovaw is-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja. 79 % tal-Ewropej japprovaw is-sanzjonijiet kontra l-oligarki Russi biex jimponu kostijiet ekonomiċi u politiċi ċari fuq l-elit politiku tar-Russja responsabbli għall-invażjoni.

Żewġ terzi tal-Ewropej (67 %) japprovaw li l-UE tiffinanzja x-xiri u l-forniment ta' tagħmir militari lill-Ukrajna. Barra minn hekk, 75 % jikkunsidraw li l-gwerra fl-Ukrajna turi li “neħtieġu kooperazzjoni militari akbar fi ħdan l-UE”.

L-istħarriġ juri wkoll l-appoġġ wiesa' għall-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-enerġija li għandhom l-għan li jneħħu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. Hemm kunsens kbir biex jimtlew kompletament il-ħażniet tal-gass fl-UE biex jiġu evitati riskji ta' skarsezza għax-xitwa li ġejja (86 %), dwar il-UE tieħu miżuri biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bini, it-trasport u l-merkanzija (85 %), u dwar il-fatt li l-gwerra fl-Ukrajna tagħmilha aktar urġenti li jsir investiment fl-enerġiji rinnovabbli (84 %). 90 % tal-Ewropej jaqblu li għandhom jittieħdu miżuri fil-livell Ewropew biex jiġi limitat l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-konsumaturi u l-kumpaniji. 86 % ta' dawk l-Ewropej li wieġbu qalu li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għandha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-akkwist tagħhom. 

Sfond

Dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash sar fis-27 Stat Membru bejn it-13 u l-20 ta' April 2022. 26,066 ċittadin tal-UE ġew intervistati online.

Għal aktar informazzjoni

Ewrobarometru Flash 506

EU's response to the war in Ukraine - May 2022 - - Eurobarometer survey (europa.eu)

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
5 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta