Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 4 Ġunju 2022
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 2 min qari

Il-Kummissarju Dalli ltaqgħet mal-Kunsilli tan-Nisa u tal-Ugwaljanza ta’ Wrocław fil-Muniċipju ta’ Wrocław

Helena Dalli

Il-Kummissarju Dalli ltaqgħet mal-Kunsilli tan-Nisa u tal-Ugwaljanza ta’ Wrocław fil-Muniċipju ta’ Wrocław biex tiddiskuti kif l-awtoritajiet lokali u l-UE jistgħu jikkollaboraw lejn il-kisba tal-ugwaljanza għal kulħadd. 

 

Il-Kummissarju Dalli mbagħad fetħet id-diskussjoni tal-panel “Is the idea of equal opportunities in the EU still alive?” fil-Konferenza tal-S&D ‘A Europe of Equal Opportunities’, organizzata fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Il-Kummissarju stabbilixxiet il-prijoritajiet tal-ugwaljanza għax-xhur li ġejjin. Din il-ħarifa, il-Kummissjoni se tressaq Strateġija Ewropea dwar l-Indukrar bil-għan li tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu indukrar tat-tfal affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja. Il-Kummissarju ddeskriviet kif il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex timplimenta l-Istrateġija tal-UE dwar l-LGBTIQ, u appellat lill-pajjiżi tal-UE biex jippreżentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom. Il-Kummissarju Dalli ferħet ukoll liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet lokali Pollakki għar-rispons tagħhom biex jilqgħu u jappoġġaw lill-Ukraini li jaslu fl-Ewropa. Fakkret dwar kif in-nisa, it-tfal u kategoriji oħrajn esposti għall-vjolenza sesswali, l-istupru jew it-traffikar għandu jkollhom appoġġ soċjali u mediku xieraq. 

 

Il-Kummissarju Dalli qalet, “Il-Futur tal-Ewropa jrid ikun wieħed fejn l-Unjoni tal-Ugwaljanza tiġi implimentata orizzontalment għal kulħadd mingħajr eċċezzjoni — l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza razzjali, l-ugwaljanza tar-Rom, l-ugwaljanza tal-LGBTIQ, u l-ugwaljanza għall-persuni b’diżabilità. L-Ewropa trid tkun post fejn in-nies kollha fid-diversità kollha tagħhom jistgħu jkunu ħielsa, jirnexxu, u jgħixu ħajja sodisfaċenti. L-istrutturi għall-protezzjoni tal-ugwaljanza huma saħansitra aktar importanti minn qatt qabel minħabba l-vulnerabbiltajiet addizzjonali kkawżati mill-gwerra.” 

 

Il-Kummissarju mbagħad ħadet sehem fil-Pride Equality March f’Zielona Góra, li kellha t-tema speċjali tas-solidarjetà mal-Ukraina. Il-Kummissarju Dalli tkellmet dwar kif qed jiġu ffinanzjati djar sikuri għall-persuni LGBTIQ mal-fruntieri permezz tal-programm ta’ finanzjament għaċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri. Spjegat kif it-taħriġ dwar l-isterjotipi dannużi se jingħata lill-uffiċjali tal-protezzjoni u lill-interpreti tal-Appoġġ Ewropew għall-Asil. Il-Kummissarju mbagħad kixfet uffiċjalment il-pjazza ġdida taċ-ċentru tal-belt miżbugħa bil-bandiera tal-qawsalla. 

 

Il-Kummissarju Dalli qalet, “L-Ewropa trid tkun post fejn ilkoll nistgħu nkunu dak li aħna u ngħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza. L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-persuni LGBTIQ li sfaw vittmi tal-gwerra hija eżempju ċar ta’ kif jeħtieġ li naġixxu issa u nagħmlu aktar biex niżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom jiġu rispettati kemm fl-UE kif ukoll mal-fruntieri tagħha. Illum huwa jum biex niċċelebraw il-libertà iżda wkoll biex nagħmlu kuraġġ lill-vittmi kollha u naħdmu flimkien għal tmiem il-gwerra.”

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Ġunju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta