Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet13 Frar 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

It-Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2023: L-ekonomija tal-UE mistennija tevita r-reċessjoni, iżda għad hemm ostakli

Winter Forecast
European Commission, 2023

Kważi sena wara li r-Russja bdiet il-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, l-ekonomija tal-UE bdiet l-2023 fuq bażi aħjar minn dik ipproġettata fil-ħarifa. It-tbassir interim tax-xitwa jżid il-prospetti tat-tkabbir għal din is-sena għal 0.8 % fl-UE u 0.9 % fiż-żona tal-euro. Iż-żewġ oqsma issa huma mistennija li jevitaw bi żbrixx ir-reċessjoni teknika li kienet antiċipata għall-bidu tas-sena. It-tbassir inaqqas ukoll ftit il-proġettazzjonijiet tal-inflazzjoni kemm għall-2023 kif ukoll għall-2024.

Il-prospettivi jitjiebu bis-saħħa ta' reżiljenza msaħħa

Wara espansjoni robusta fl-ewwel nofs tal-2022, il-momentum tat-tkabbir naqas fit-tielet trimestru, għalkemm kemxejn inqas milli kien mistenni. Minkejja x-xokkijiet negattivi eċċezzjonali, l-ekonomija tal-UE evitat li tnaqqas mir-ritmu fir-raba' trimestru, kif kien previst fit-Tbassir tal-Ħarifa. Ir-rata ta' tkabbir annwali għall-2022 issa hija stmata għal 3.5 %, kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro.

Żviluppi favorevoli mit-Tbassir tal-Ħarifa 'l hawn tejbu l-prospettiva tat-tkabbir għal din is-sena. Id-diversifikazzjoni kontinwa tas-sorsi tal-provvista u tnaqqis qawwi fil-konsum ħallew il-livelli tal-ħażna tal-gass aktar mill-medja staġjonali tas-snin li għaddew, u l-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa waqgħu sew taħt il-livelli ta' qabel il-gwerra. Barra minn hekk, is-suq tax-xogħol tal-UE kompla jirreġistra riżultati tajbin, bir-rata tal-qgħad li baqgħet 6.1 %, l-aktar livell baxx sa tmiem l-2022. Il-fiduċja qed titjieb u l-istħarriġiet ta' Jannar jissuġġerixxu li l-attività ekonomika hija mistennija wkoll li tevita tnaqqis fl-ewwel trimestru tal-2023.

Madankollu, il-kurrenti negattivi jibqgħu b'saħħithom. Il-konsumaturi u n-negozji għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' spejjeż għoljin tal-enerġija, u l-inflazzjoni sottostanti (l-inflazzjoni kumplessiva minbarra l-enerġija u l-ikel mhux ipproċessat) kienet għadha qed tiżdied f'Jannar, u kompliet tnaqqas il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi. Hekk kif tippersisti l-pressjoni inflazzjonarja, l-issikkar monetarju huwa mistenni li jkompli għaddej, u se jkun ta' piż fuq l-attività tan-negozju filwaqt li jeżerċita pressjoni fuq l-investiment.

It-tkabbir previst għall-2023 fit-tbassir interim tax-xitwa ta' 0.8 % fl-UE u ta' 0.9 % fiż-żona tal-euro huwa rispettivament 0.5 u 0.6 pp ogħla minn dak fit-tbassir tal-ħarifa. Ir-rata ta' tkabbir għall-2024 tibqa' l-istess, jiġifieri 1.6 % u 1.5 % għall-UE u għaż-żona tal-euro, rispettivament. Sa tmiem il-perjodu tat-tbassir, il-volum tal-output huwa stabbilit li jkun kważi 1 % ogħla minn dak ipproġettat fit-tbassir tal-ħarifa.

Wara li laħqet l-ogħla livell tagħha ta' fl-2022, l-inflazzjoni għandha tonqos matul il-perjodu tat-tbassir

It-tliet xhur konsekuttivi ta' moderazzjoni tal-inflazzjoni kumplessiva jissuġġerixxu li l-ogħla livell tagħha issa għaddejnieh, kif kien antiċipat fit-tbassir tal-ħarifa. Wara li laħqet l-ogħla livell storiku ta' 10.6 % f'Ottubru, l-inflazzjoni naqset, bl-istima rapida ta' Jannar niżlet għal 8.5 % fiż-żona tal-euro. It-tnaqqis kien xprunat prinċipalment minn tnaqqis fl-inflazzjoni tal-enerġija, filwaqt li l-inflazzjoni sottostanti għadha ma laħqitx l-ogħla livell tagħha.

Il-previżjoni tal-inflazzjoni ġiet riveduta kemxejn 'l isfel meta mqabbla mal-ħarifa, li prinċipalment tirrifletti l-iżviluppi fis-suq tal-enerġija. L-inflazzjoni sottostanti hija mbassra li tonqos minn 9.2 % fl-2022 għal 6.4 % fl-2023 u għal 2.8 % fl-2024 fl-UE. Fiż-żona tal-euro, hija pproġettata li tonqos minn 8.4 % fl-2022 għal 5.6 % fl-2023 u għal 2.5 % fl-2024.

Ir-riskji fil-prospettivi huma aktar ibbilanċjati

Filwaqt li l-inċertezza fit-tbassir għadha għolja, ir-riskji għat-tkabbir huma ġeneralment ibbilanċjati. Id-domanda domestika tista' tirriżulta ogħla milli kien ipproġettat jekk it-tnaqqis reċenti fil-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa jinħass fuq il-prezzijiet tal-konsumatur b'mod aktar qawwi, u l-konsum ikun aktar reżiljenti milli mistenni. Madankollu, it-treġġigħ lura potenzjali ta' dan it-tnaqqis ma jistax jiġi eskluż fil-kuntest ta' tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi. Id-domanda esterna tista' tirriżulta li tkun ukoll aktar robusta wara li ċ-Ċina reġet fetħet – li jista', madankollu, jixpruna inflazzjoni globali.

Ir-riskji għall-inflazzjoni għadhom fil-biċċa l-kbira marbuta mal-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija, u huma wħud mir-riskji identifikati għat-tkabbir. Speċjalment fl-2024, jipprevalu r-riskji pożittivi għall-inflazzjoni, peress li l-pressjoni fuq il-prezzijiet tista' tirriżulta usa' u aktar profonda milli mistenni jekk it-tkabbir fil-pagi kellu jistabbilizza ruħu b'rati ogħla mill-medja għal perjodu sostnut.

Tagħrif ġenerali

It-tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2023 jipprovdi aġġornament fit-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2022 li ġie ppreżentat fil-11 ta' Novembru 2022, u jiffoka fuq il-PDG u l-iżviluppi fl-inflazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Dan it-tbassir jiddependi b'mod kruċjali fuq is-suppożizzjoni purament teknika li l-aggressjoni fl-Ukrajna mir-Russja mhux se teskala iżda se tkompli matul il-perjodu tat-tbassir. Huwa bbażat ukoll fuq ġabra ta' suppożizzjonijiet tekniċi li saru sas-27 ta' Jannar u li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi. Rigward id-data kollha l-oħra li dieħla, inklużi s-suppożizzjonijiet dwar il-politiki governattivi, dan it-tbassir iqis l-informazzjoni sal-1 ta' Frar, inkluż l-1 ta' Frar.

Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika żewġ rapporti ta' tbassir komprensivi (fir-rebbiegħa u fil-ħarifa) u żewġ rapporti ta' tbassir interim (fix-xitwa u fis-sajf) kull sena. It-tbassiriet interim ikopru l-PDG annwali u trimestrali u l-inflazzjoni għas-sena attwali u ta' wara għall-Istati Membri kollha, kif ukoll l-aggregati maż-żona tal-euro u l-UE kollha kemm hi.

It-tbassir li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea se jkun it-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2023, skedat li jiġi ppubblikat f'Mejju 2023.

Għal Aktar Informazzjoni

Id-dokument sħiħ: It-Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2023

Segwi l-Viċi President Eżekuttiv Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Gentiloni fuq Twitter: @PaoloGentiloni

Segwi lid-DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
13 Frar 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta