Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet urbani (irħula, bliet, insedjamenti) jiġbru u jittrattaw kif suppost l-ilmijiet mormija tagħhom, u b'hekk jeliminaw jew inaqqsu l-effetti mhux mixtieqa kollha tagħhom meta jiġu skarikati fil-korpi tal-ilma.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi ambizzjoni ta' Tniġġis Żero għall-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE, bħad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u li tissalvagwardja l-ambjent naturali, u huwa essenzjali li l-Istati Membri jimplimentawha bis-sħiħ.
Malta kellha tkun konformi bis-sħiħ mad-Direttiva mill-31 ta' Marzu 2007. Il-kwistjoni ewlenija f'Malta hija l-prestazzjoni tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi. L-agglomerazzjonijiet Maltin għandhom fis-seħħ sistema tal-ġbir muniċipali u l-ilma mormi qed jiġi dirett lejn impjant tat-trattament, madankollu, l-ilmijiet mormija li joħorġu mill-impjanti tat-trattament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' kwalità tad-direttiva. Dan huwa partikolarment il-każ tal-agglomerazzjoni tat-“Tramuntana ta' Malta”, peress li la l-ilmijiet tagħha qed jiġu skarikati f'żona sensittiva, dawn għandhom ikunu soġġetti għal trattament saħansitra iktar strett. Din is-sitwazzjoni hija prinċipalment ikkawżata mir-rimi tal-iskart mill-azjendi agrikoli (id-demel tal-annimali) fis-sistema muniċipali tal-ilma mormi, problema li ilha teżisti f'Malta, li xxekkel il-prestazzjoni tal-impjanti tat-trattament u li għaliha l-awtoritajiet għadhom ma sabux soluzzjonijiet.
Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Malta f'Diċembru 2016, u wara bagħtet opinjoni motivata f'Ottubru 2017. Minkejja xi progress li sar, l-awtoritajiet Maltin ma indirizzawx l-ilmenti bis-sħiħ. Il-Kummissjoni tqis li l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin sal-lum il-ġurnata ma kienu la sodisfaċenti u lanqas biżżejjed u għalhekk qed tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Kuntest
L-ilma mormi mhux trattat jista' jkun ikkontaminat b'batterji jew viruses u għalhekk jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, iġorr nutrijenti bħan-nitroġenu u l-fosforu, li jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ilma ħelu u lill-ambjent tal-baħar, billi jħeġġu t-tkabbir eċċessiv tal-alki, li min-naħa tagħhom jifgaw lil speċijiet oħra, proċess magħruf bħala l-ewtrofikazzjoni.
F'Settembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat l-għaxar rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi li wera titjib ġenerali fil-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi fil-bliet u l-irħula tal-Ewropa, iżda indika li hemm livelli differenti ta' suċċess fost l-Istati Membri.
Għal Aktar Informazzjoni
Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi — Ħarsa Ġenerali
Link għall-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Frar 2022
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 9 Frar 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta