Illum, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta Strateġija ambizzjuża għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità 2021-2030 biex tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor fl-UE u lil hinn minnha, f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni bħala pedamenti tal-politiki tal-UE.
Il-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt li jieħdu sehem fl-oqsma kollha tal-ħajja, l-istess bħal kulħadd. Għalkemm dawn l-aħħar deċennji rajna progress fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni, għall-impjiegi, għall-attivitajiet ta' rikreazzjoni u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, għad fadal bosta ostakli. Wasal iż-żmien li nsaħħu l-azzjoni Ewropea.
Din l-istrateġija ġdida tibni fuq il-predeċessur tagħha, jiġifieri l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li għalih se jiġi adottat Pjan ta' azzjoni mill-Kummissjoni din il-ġimgħa, li jservi ta' boxxla għall-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali fl-Ewropa. L-istrateġija tappoġġa l-implimentazzjoni mill-UE u l-Istati Membri tagħha tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali.
Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza Vera Jourová qalet: “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni d'diżabilità għandha tkun fil-qalba tal-isforzi tagħna, inkluż fir-rispons tagħna għall-coronavirus. Il-persuni b'diżabilità kienu fost dawk l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19. Irridu nistinkaw biex niżguraw li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità u li drittijiethom jiġu garantiti!”
“Sa mill-bidu tiegħu, il-proġett Ewropew iffoka fuq it-tneħħija tal-ostakli, bi qbil mal-viżjoni tiegħu ta' Unjoni fid-Diversità. Madankollu, ħafna persuni b'diżabilità qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma' ostakli, pereżempju meta jkunu qed ifittxu xogħol jew jużaw it-trasport pubbliku', qalet il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli. Żiedet tgħid: “Il-persuni b'diżabilità għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod ugwali fl-oqsma kollha tal-ħajja. Li jkunu jistgħu jgħixu b'mod indipendenti, jitgħallmu f'ambjent inklużiv u jaħdmu bi standards xierqa huma kundizzjonijiet li rridu niżguraw għaċ-ċittadini kollha biex ikunu jistgħu jiffjorixxu u jgħixu ħajja sħiħa.”
Insaħħu l-parteċipazzjoni ugwali u n-nondiskriminazzjoni
L-istrateġija ta' għaxar snin tistabbilixxi inizjattivi importanti madwar tliet temi ewlenin:
- Id-drittijiet tal-UE: Il-persuni b'diżabilità għandhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE li jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor jew li jieħdu sehem fil-ħajja politika. Abbażi tal-esperjenza tal-proġett pilota li għadu għaddej fi tmien pajjiżi, sa tmiem l-2023 il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi Karta Ewropea tad-Diżabilità għall-pajjiżi kollha tal-UE li se tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta' diżabilità bejn l-Istati Membri u tgħin lill-persuni b'diżabilità jgawdu d-dritt tagħhom ta' moviment liberu. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fil-proċess elettorali fl-2023.
- L-għajxien indipendenti u l-awtonomija: Il-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu b'mod indipendenti u jagħżlu fejn u ma' min iridu jgħixu. Biex tappoġġa l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida u tniedi inizjattiva biex ittejjeb is-servizzi soċjali għall-persuni b'diżabilità.
- In-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs: L-istrateġija għandha l-għan li tipproteġi lill-persuni minn kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza. Għandha l-għan ukoll li tiżgura opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-ġustizzja, għall-edukazzjoni, għall-kultura, għall-isport jew għat-turiżmu. Għandu jiġi garantit ukoll aċċess ugwali għas-servizzi kollha tas-saħħa u għall-impjiegi.
Huwa impossibbli li tipparteċipa fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn meta l-ambjent tiegħek — dak fiżiku jew virtwali — ma jkunx aċċessibbli. Grazzi għall-qafas legali tal-UE (eż. l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, id-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web, id-drittijiet tal-passiġġieri) l-aċċess tjieb, għalkemm hemm bosta żoni li għadhom mhumiex koperti mir-regoli tal-UE, u hemm differenzi fl-aċċessibbiltà tal-bini, l-ispazji pubbliċi u xi modi ta' trasport. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi ċentru Ewropew tar-riżorsi “AccessibleEU” fl-2022, biex tibni bażi ta' għarfien ta' informazzjoni u prattiki tajba dwar l-aċċessibbiltà fis-setturi kollha.
It-twettiq tal-istrateġija: kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE u integrazzjoni fil-politiki interni u esterni
It-twettiq tal-ambizzjonijiet tal-istrateġija se jirrikjedi impenn qawwi mill-Istati Membri kollha. Il-pajjiżi tal-UE huma atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-Pjattaforma tad-Diżabilità, li tlaqqa' flimkien l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità u l-Kummissjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Il-Pjattaforma se jkollha preżenza online komprensiva u se tiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet matul is-sena. Il-persuni b'diżabilità se jipparteċipaw fid-djalogu u fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030. Il-Kummissjoni se tintegra l-kwistjonijiet dwar id-diżabilità fil-politiki u l-inizjattivi ewlenin kollha tal-UE. Minħabba li d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità ma jispiċċawx fil-fruntieri tal-Ewropa, il-Kummissjoni se tippromwovi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fid-dinja kollha. B'din l-istrateġija, l-UE se ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala promotur tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità. L-UE se tuża strumenti bħall-assistenza teknika u l-programmi finanzjarji, l-appoġġ permezz tad-delegazzjoni tal-UE, id-djalogi politiċi u ħidma f'fora multilaterali biex tappoġġa lil pajjiżi sħab fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u tipprovdi gwida għall-implimentazzjoni tal-SDGs b'mod inklużiv għad-diżabilità.
Kuntest
Kif ħabbret il-President von der Leyen, l-Istrateġija għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità 2021-2030 tikkontribwixxi għall-bini tal-Unjoni ta' Ugwaljanza, flimkien mal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE Kontra r-Razziżmu 2020-2025, l-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020‑2025 u l-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom.
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), adottata min-NU fl-2006, kienet pass importanti għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità: L-Istati Membri kollha huma parti għaliha u hija l-ewwel konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem konkluża wkoll mill-UE. Il-partijiet għall-Konvenzjoni jridu jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha b'diżabilità u jiżguraw l-ugwaljanza tagħhom taħt il-liġi. B'din l-Istrateġija, il-Kummissjoni qed tipprovdi l-qafas li jappoġġa l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-UNCRPD.
L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 wittiet it-triq għal Ewropa mingħajr ostakli, pereżempju permezz ta' direttivi bħall-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li jirrikjedi li prodotti u servizzi ewlenin bħat-telefowns, il-kompjuters, il-kotba elettroniċi, is-servizzi bankarji u l-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu aċċessibbli u utilizzabbli għall-persuni b'diversi diżabilitajiet. Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għall-ivvjaġġar bit-triq, bl-ajru, bil-ferrovija jew bil-baħar. Permezz ta' politiki għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-UE kienet fuq quddiem fil-livell globali fil-promozzjoni tal-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b'diżabilità.
Għal aktar informazzjoni
Komunikazzjoni: Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità 2021-2030
Verżjoni faċli biex tinqara: Strateġija għall-persuni b'diżabbiltà 2021-2030
Mistoqsijiet u Tweġibiet: Strateġija għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità 2021-2030
Skeda informattiva: Strateġija għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità 2021-2030
Aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-UE għall-persuni b'diżabilità
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 3 Marzu 2021