Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet23 Marzu 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta9 min qari

L-Ukrajna: Appoġġ mill-UE li jgħin lill-Istati Membri biex jaqdu l-ħtiġijiet tar-refuġjati

Support Ukraine

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tiddeskrivi l-azzjonijiet li qed jittieħdu biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna u l-poplu tagħha. Sa mill-invażjoni Russa mhux ipprovokata u ġġustifikata, madwar tliet miljun persuna u nofs – prinċipalment nisa u tfal – waslu fl-UE fi żmien erba' ġimgħat. Madwar 6.5 miljun ruħ huma stmati li ġew spostati internament. L-akkoljenza tal-UE għal dawk li waslu fit-territorju tagħha timmanifesta ruħha fl-attivazzjoni għall-ewwel darba tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li toffri assistenza rapida u status legali ċar. Lil hinn mill-appoġġ immedjat ipprovdut f'termini ta' assistenza fil-fruntiera, akkoljenza u protezzjoni ċivili, l-UE llum qed tieħu passi oħra biex tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji jkollhom aċċess b'mod effettiv għad-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u l-impjiegi — karatteristiċi tal-istil ta' ħajja Ewropew.

L-appoġġ disponibbli jinkludi: 

  • Protezzjoni speċjali għat-tfal: Jeħtieġ li t-tfal jiġu garantiti aċċess rapidu għad-drittijiet tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni. Huwa importanti li jiġu rreġistrati hekk kif jidħlu fl-UE. L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tipprovdi qafas komprensiv għall-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet tat-tfal. Il-koordinaturi nazzjonali li issa huma stabbiliti permezz tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal għandhom rwol importanti x'jaqdu biex jimmobilizzaw u jikkoordinaw l-isforzi fil-livell nazzjonali u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali. F'dan il-kuntest, qed tingħata attenzjoni speċifika lit-tfal minn istituti (bħal orfanotrofji), u tfal f'riskju ta' traffikar u ħtif. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħejji Proċeduri Operattivi Standard apposta għat-trasferimenti ta' minorenni mhux akkumpanjati. 
  • L-aċċess għall-edukazzjoni: L-għajnuna lit-tfal tal-iskola, lill-istudenti u lill-għalliema f'dawn iż-żminijiet diffiċli hija prijorità. Il-Kummissjoni se tlaqqa' flimkien lill-Istati Membri biex jibdew jaqsmu l-esperjenzi u jidentifikaw dak li huwa meħtieġ biex titkompla l-edukazzjoni tat-tfal spostati. Il-pjattaforma School Education Gateway se sservi bħala punt uniku ta' kuntatt għall-materjal edukattiv mill-Ukrajna u għall-materjal tal-Istati Membri bil-lingwa Ukrena. Se jkun essenzjali wkoll li jintużaw il-kapaċitajiet tal-għalliema Ukreni minn fost dawk li għadhom kif jaslu fl-Ewropa. Il-komunità eTwinning tista' tgħin lill-gruppi li jinħolqu fl-ispazju sigur tal-pjattaforma biex jiġu appoġġati l-għalliema. Il-flessibbiltà fil-programm ta' finanzjament Erasmus+ se tintuża wkoll biex tiġi appoġġata l-edukazzjoni tal-istudenti refuġjati u l-integrazzjoni tal-persunal tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li qed jaħarbu mill-gwerra.
  • Aċċess għall-kura tas-saħħa: Bis-saħħa ta' mekkaniżmu ta' solidarjetà stabbilit mill-Kummissjoni, il-persuni fi bżonn urġenti ta' kura speċjalizzata tal-isptar jistgħu jiġu ttrasferiti malajr bejn l-Istati Membri għal dawn it-trattamenti, u diġà hemm disponibbli 10,000 sodda. L-ECDC jimmonitorja s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-prattika u ħareġ linji gwida dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard infettiv. Il-Kummissjoni, permezz tal-HERA, tappoġġa wkoll il-provvista tal-vaċċini, filwaqt li tiffoka partikolarment fuq it-tilqim tat-tfal. Fl-aħħar nett, se tieħu azzjonijiet immirati dwar is-saħħa mentali u tappoġa l-kura kontra t-trawma għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, inkluż it-twaqqif ta' network ta' professjonisti tas-saħħa mentali li jitkellmu bl-Ukren. 
  • Aċċess għall-impjiegi: L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu miżuri biex jgħinu lil dawk li jaslu biex jeżerċitaw malajr id-dritt tagħhom għax-xogħol u għat-taħriġ vokazzjonali. Dan jinkludi li n-nies jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li jingħataw appoġġ lingwistiku jew għan-negozju, u li jiġi żgurat aċċess għall-indukrar tat-tfal, filwaqt li s-servizzi pubbliċi għall-impjiegi jkollhom rwol importanti fejn jaġixxu bħala intermedjarji bejn dawk li qed ifittxu xogħol u s-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni żiedet il-lingwa Ukrena fl-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għal ċittadini mhux tal-UE biex tgħin lil persuni Ukreni li qed ifittxu impjieg u biex dawk li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom juru l-ħiliet tagħhom u jkollhom aċċess għal opportunitajiet u gwida dwar il-passi li jmiss. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll inizjattiva pilota ġdida msejħa Riżerva ta' Talent biex tqabbel il-ħiliet mal-postijiet tax-xogħol disponibbli. Inizjattivi oħra tal-Kummissjoni f'dan il-qasam jinkludu l-iżvilupp ta' linji gwida ġodda li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fl-Ukrajna u l-ħidma mas-sħab soċjali biex is-settur privat jiġi infurmat dwar id-drittijiet taħt il-qasam tal-protezzjoni temporanja u l-programmi disponibbli.
  • Aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-abitazzjonijiet: biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati għal akkomodazzjoni xierqa, l-inizjattiva l-ġdida għal “djar sikuri” se tgħin lill-Ewropej li jagħmlu djarhom disponibbli, filwaqt li timmobilizza finanzjament immirat u riżorsi onlajn kif meħtieġ. Barra minn hekk, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif ukoll il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, se jiġu mobilizzati biex is-sistemi ta' akkoljenza pubblika jissaħħu. Fuq medda itwal ta' żmien, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jgħin biex tingħata akkomodazzjoni soċjali lill-familji u l-individwi fil-komunità, u l-Fond jista' jkopri kemm ix-xiri kif ukoll ir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjonijiet. Il-Fond Soċjali Ewropew jista' jappoġġa servizzi u akkomodazzjonijiet bbażati fil-komunità, speċjalment għal dawk bi bżonnijiet speċjali, diżabbiltà, tfal u anzjani. 

Is-solidarjetà fil-prattika 

Il-Kummissjoni waqqfet Pjattaforma ta' Solidarjetà, li tlaqqa' flimkien l-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE, biex tikkoordina l-appoġġ lill-Istati Membri fil-bżonn. Il-pjattaforma se tgħin fl-organizzazzjoni tat-trasferimenti ta' persuni fl-UE lejn l-Istati Membri li għandhom kapaċità ta' akkoljenza, u tista' tgħin ukoll biex jiġu stabbiliti konnessjonijiet lejn pajjiżi mhux tal-UE li diġà qed jospitaw komunitajiet sinifikanti Ukreni, bħall-Kanada jew ir-Renju Unit. Is-solidarjetà ġiet ukoll mis-settur privat, b'ħafna kumpaniji tat-trasport jorganizzaw ferroviji bi skop umanitarju u jagħtu biljetti b'xejn lil dawk li qed jaħarbu. L-UE qed tgħin biex jiġu rripatrijati ċ-ċittadini mhux Ukreni li nqabdu fil-gwerra fl-Ukrajna, pereżempju bl-ewwel titjiriet umanitarji ta' ritorn volontarju appoġġati mill-Frontex, mill-Polonja għat-Taġikistan u l-Kirgiżistan. 

Soluzzjonijiet rapidi u flessibbli bħala appoġġ għas-solidarjetà 

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni immedjata biex tgħin timmobilizza l-appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri li jospitaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Dan jinkludi l-proposta dwar l-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (Cohesion's Action for Refugees in Europe, CARE) u l-emendi fil-Fondi tal-Affarijiet Interni tal-2014–2020. L-appoġġ imfassal apposta permezz tal-Istrument ta' Appoġġ Tekniku se jipprovdi għajnuna lill-Istati Membri biex jibnu kapaċità istituzzjonali u operazzjonali biex jilqgħu lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, filwaqt li jsaħħaħ l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom u jsir l-aħjar użu mill-fondi disponibbli tal-UE biex il-familji jew it-tfal mhux akkumpanjati jingħataw akkomodazzjoni. Barra minn hekk, il-fondi disponibbli permezz ta' REACT-EU, b'mod partikolari l-porzjon tagħha tal-2022 ta' EUR 10 biljun, jistgħu jintużaw mill-Istati Membri. Se jkunu disponibbli pagamenti ta' prefinanzjament addizzjonali li jammontaw għal EUR 3.4 biljun permezz ta' REACT-EU biex jitħaffef l-aċċess għall-fondi, biex jiġu appoġġati l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk qrib il-fruntiera tal-UE mal-Ukrajna. Huwa disponibbli wkoll finanzjament sinifikanti permezz tal-qafas finanzjarju miftiehem għall-2021–2027, kemm mill-fondi tal-Affarijiet Interni kif ukoll dawk tal-Politika ta' Koeżjoni.

Membri tal-Kulleġġ qalu hekk 

Il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, qalet: “It-tfal jammontaw għal madwar nofs il-wasliet kollha mill-bidu tal-gwerra. Dawn it-tfal għaddew minn esperjenzi trawmatizzanti u raw ħajjithom tinqaleb ta' taħt fuq mil-lum għall-għada. Huwa d-dmir u r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li nilqgħuhom u nindukrawhom kif xieraq, inklużi t-tfal b'diżabilità. Il-prijorità immedjata issa hija li noffru lil dawn it-tfal post fejn jistgħu jħossuhom siguri, fejn jingħataw aċċess rapidu u indiskriminat għall-appoġġ psiko-soċjali, għall-kura tas-saħħa, għan-nutrizzjoni u għall-edukazzjoni. Minorenni mhux akkumpanjati, tfal separati mill-ġenituri tagħhom u tfal orfni jeħtieġ li jiġu immedjatament irreġistrati u appoġġati mis-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal biex ma jispiċċawx vittma tat-traffikar u l-abbuż. B'din il-Komunikazzjoni qed nieħdu azzjonijiet konkreti filwaqt li nqisu, f'kull stadju, l-aħjar interessi ta' dawn it-tfal”. 

Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas qal: “Id-Direttiva dwar il-protezzjoni temporanja issa tinsab fis-seħħ u qed tagħti lil miljuni ta' persuni aċċess immedjat għall-kura medika, għall-iskejjel, għall-impjiegi u għall-akkomodazzjoni. Illum il-Kummissjoni qed tiddeskrivi serje ta' miżuri oħra biex tgħin lill-Istati Membri jpoġġu dawn id-drittijiet fil-prattika. Mit-twaqqif ta' pjattaforma biex jinżamm materjal skolastiku, sa mekkaniżmu għat-trasferimenti mediċi fl-UE, Riżerva ta' Talent tal-UE għal dawk li qed ifittxu impjieg u inizjattiva għal Akkomodazzjoni Sikura, se nsarrfu r-rieda tajba tal-Ewropej f'għajnuna prattika għal miljuni ta' nies mġiegħla jitilqu minn djarhom.”

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson qalet: “Miljuni ta' nies ġew spostati u jeħtieġ li t-turija ta' solidarjetà nsarrfuha f'azzjoni. Il-pjattaforma l-ġdida ta' solidarjetà tinsab fis-seħħ u diġà qed taħdem, biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jqabblu l-ħtiġijiet mal-kapaċitajiet. Dawk li jaħarbu mill-gwerra jeħtieġ li d-drittijiet tagħhom jerġgħu jiġu stabbiliti malajr. Għandhom ikunu jistgħu jaħdmu, ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa, għal saqaf fuq rashom u jkunu jistgħu jpoġġu lit-tfal tagħhom fl-iskejjel.” 

Il-kuntest

Fid-dawl tal-invażjoni militari tal-Ukrajna, bla provokazzjoni u bla ġustifikazzjoni mir-Russja, l-UE għamlet disponibbli għajnuna umanitarja diretta, assistenza ta' emerġenza għall-protezzjoni ċivili, appoġġ fil-fruntiera, kif ukoll status legali ċar li jippermetti lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra biex jingħataw fis protezzjoni fl-UE.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tkompli tibni fuq id-deċiżjoni meħuda fl-4 ta' Marzu biex tiġi introdotta protezzjoni temporanja għall-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra, li tagħtihom id-dritt għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni. Din tikkomplimenta l-linji gwida operazzjonali tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Tikkomplimenta wkoll il-linji gwida operazzjonali tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, maħsuba biex jgħinu lill-gwardji tal-fruntiera tal-Istati Membri fil-ġestjoni effiċjenti tal-wasliet fil-fruntieri mal-Ukrajna.

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni dwar l-akkoljenza għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: it-tħejjija tal-Ewropa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet 

Skeda informattiva 

Sit web - Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna 

Sit web - Informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
23 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta