Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet29 Ġunju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

L-Ukrajna: Il-Politika ta' Koeżjoni żżid l-appoġġ biex tittratta l-konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna bl-“Assistenza Flessibbli għat-Territorji”

EU - UKRAINE FLAG
Europe 2022

Illum, il-Kummissjoni għamlet pass importanti ieħor biex tgħin lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lis-sħab jittrattaw il-konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna billi adottat l-“Assistenza Flessibbli għat-Territorji (Flexible Assistance to Territories, FAST-CARE)”. Dan huwa pakkett komprensiv ġdid li jestendi l-appoġġ diġà pprovdut bl-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa(Cohesion's Action for Refugees in Europe, CARE) billi joffri aktar appoġġ u aktar flessibbiltà għall-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni.

CARE mmobilizzat investimenti għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, servizzi tat-traduzzjoni jew it-taħriġ għal persuni spostati, kif ukoll għall-pajjiżi li jirċevuhom. Madankollu, hekk kif il-ħtiġijiet ikomplu jikbru, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u r-reġjuni tal-UE appellaw lill-Kummissjoni biex tippreżenta inizjattivi ġodda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f'dan ir-rigward.

FAST-CARE qed iwieġeb għal dawn it-talbiet billi joffri flessibbiltà addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll biex itaffi d-dewmien fl-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE minħabba l-effett ikkombinat tal-COVID-19 u l-ispejjeż għoljin tal-enerġija, in-nuqqas ta' materja prima u tal-forza tax-xogħol ikkawżati mill-gwerra.

Il-pakkett jintroduċi tliet bidliet għal-leġiżlazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020 u 2021-2027 biex ikompli jitħaffef u jiġi ssimplifikat l-appoġġ tal-Istati Membri għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, filwaqt li jkompli jiġi megħjun l-irkupru tar-reġjuni mill-pandemija tal-COVID-19:

  • Aktar appoġġ għal dawk li jilqgħu persuni spostati - Stati Membri, awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili 
    • Il-pagamenti ta' prefinanzjament jiżdiedu bi EUR 3.5 biljun addizzjonali li għandhom jitħallsu fl-2022 u l-2023, li se jipprovdu likwidità addizzjonali rapida lill-Istati Membri kollha. Dan jiżdied mat-EUR 3.5 biljun ta' pagamenti ta' prefinanzjament li diġà saru permezz ta' REACT-EU minn Marzu 2022.
    • Il-possibbiltà ta' kofinanzjament ta' 100 % mill-UE fil-perjodu 2014-2020 issa hija estiża għal miżuri li jippromwovu l-integrazzjoni soċjoekonomika ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Din il-possibbiltà hija estiża wkoll għall-programmi 2021-2027, li għandhom jiġu rieżaminati sa nofs l-2024.
    • L-Istati Membri jistgħu jżidu l-ammont tal-ispiża ta' unità simplifikata biex ikopru l-ħtiġijiet bażiċi tar-refuġjati minn EUR 40 introdotti minn CARE, għal EUR 100 fil-ġimgħa għal kull persuna. Huma jistgħu jitolbu dawn l-ispejjeż għal perjodu ta' mhux aktar minn 26 ġimgħa, minn 13-il ġimgħa mil-lum. Dan jippermetti aktar simplifikazzjoni tal-użu tal-fondi għal persuni spostati.
    • Il-possibbiltà ta' finanzjament inkroċjat diġà mogħtija taħt CARE bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) se tiġi estiża għall-Fond ta' Koeżjoni. Dan ifisser li l-Fond ta' Koeżjoni issa jista' wkoll jimmobilizza riżorsi biex jittratta l-konsegwenzi tal-isfidi migratorji.
  •  L-iżgurar li l-investimenti jmorru fejn ikunu meħtieġa
    • Mill-inqas 30 % tar-riżorsi mobilizzati mill-flessibbiltajiet ipprovduti jenħtieġ li jingħataw lil operazzjonijiet ġestiti minn awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw f'komunitajiet lokali biex dawk li jġorru l-piż tal-isforzi jirċievu appoġġ adegwat.
    • In-nefqa tal-operazzjonijiet li jittrattaw l-isfidi migratorji issa tista' tiġi ddikjarata retroattivament għar-rimborż, anki meta l-operazzjoni tkun diġà tlestiet.
    • Il-programmi jistgħu jappoġġaw operazzjonijiet barra l-ambitu ġeografiku tal-programm, iżda fl-Istat Membru. Dan jippermetti li l-appoġġ jiġi dirett fejn huwa l-aktar meħtieġ peress li r-refuġjati ta' spiss jiċċaqalqu fl-Istati Membri.
  • Appoġġ prattiku biex tissolva l-problema ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti.
    • Proġetti ta' aktar minn EUR 1 miljun (pereżempju, fis-settur tal-kostruzzjoni), appoġġati bil-programmi 2014-2020 iżda li ma setgħux jitlestew fil-ħin minħabba żidiet fil-prezzijiet, nuqqas ta' materja prima u forza tax-xogħol, jistgħu jkomplu jiġu appoġġati taħt il-programmi 2021-2027.
    • Aktar flessibbiltà għall-Istati Membri fl-għeluq tal-programmi biex jimmassimizzaw l-ammont tal-fondi li jistgħu jiksbu anki meta l-implimentazzjoni tkun ittardjat.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Fi kliem il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-servizz tan-Nies, Valdis Dombrovskis: “L-UE tinsab f'solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna kontra l-aggressjoni brutali tar-Russja. L-Istati Membri tal-UE laqgħu miljuni ta' Ukreni li ħarbu minn din il-gwerra, iżda jridu wkoll jittrattaw il-konsegwenzi ekonomiċi tagħha - pereżempju spejjeż żejda u diffikultajiet fil-katina tal-provvista. Il-proposta tal-lum għandha objettiv umanitarju u ekonomiku importanti: biex jitjieb l-appoġġ tal-UE għall-persuni spostati mill-Ukrajna u biex jiġi ssimplifikat ix-xogħol tal-Istati Membri biex iwettqu proġetti ewlenin iffinanzjati mill-UE li issa qed jirriskjaw li jiddewmu. Aħna se nagħmlu dan billi nagħmlu r-regoli tal-politika ta' koeżjoni tal-UE aktar sempliċi u flessibbli, filwaqt li nsegwu l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u naderixxu mal-objettivi tagħna tal-Patt Ekoloġiku.”

 Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mhux provokata u mhux ġustifikata mir-Russja qed jikbru minn jum għall-ieħor. Sa mill-bidu, il-Politika ta' Koeżjoni kienet qed toffri rispons komprensiv u prammatiku għad-diversi diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Illum, bil-proposti tagħna tal-FAST-CARE, aħna nżidu l-assistenza tagħna billi nipproponu flessibbiltà addizzjonali u aktar mezzi bil-Politika ta' Koeżjoni biex nintegraw ċittadini ta' pajjiżi terzi u nappoġġaw lil dawk li qed jagħmlu dan b'mod dirett. Dawn il-proposti se jikkontribwixxu wkoll biex jittaffa l-impatt negattiv ikkombinat tal-COVID u tal-gwerra fl-implimentazzjoni tal-programmi.” 

Fi kliem il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit“L-UE sa issa laqgħet aktar minn 6.2 miljun persuna li qed jaħarbu mill-gwerra tar-Russja ta' aggressjoni fl-Ukrajna. L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jagħmlu xogħol kbir f'ċirkostanzi diffiċli ħafna biex jipprovdu ikel, kenn, edukazzjoni, konsulenza u opportunitajiet ta' impjieg lil dawk li jaslu. Il-pakkett FAST CARE huwa mod konkret biex tiġi pprovduta solidarjetà addizzjonali lill-Istati Membri kollha bl-għodod u l-fondi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.”

 Il‑passi li jmiss

L-emendi proposti għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2014-2020 u għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 jeħtieġu adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

 Informazzjoni ġenerali

L-UE tkompli tappoġġa lill-Ukrajna fid-dawl tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata mir-Russja.  Hija tappoġġa wkoll lill-Istati Membri tagħha fl-isforzi tagħhom biex jilqgħu lir-refuġjati mill-Ukrajna.

CARE introduċiet livelli għoljin ta' flessibbiltà għall-Istati Membri biex jużaw il-fondi disponibbli tal-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020 u r-riżorsi mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn biex jappoġġaw lin-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna u jipprovdu assistenza materjali bażika bħall-ikel u l-ħwejjeġ.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħallset EUR 3.5 biljun ta' prefinanzjament permezz ta' REACT-EU u kompliet tissimplifika l-mobilizzazzjoni ta' fondi bis-saħħa tal-introduzzjoni ta' spejjeż unitarji għal kull persuna, biex tkopri l-ħtiġijiet immedjati tar-refuġjati bħall-ikel, l-assistenza materjali bażika, l-akkomodazzjoni u t-trasport. Barra minn hekk, il-pakkett tal-2022 ta' EUR 10 biljun ta' fondi mir-REACT-EU jista' jintuża immedjatament biex jiġu ttrattati dawn il-ħtiġijiet ġodda.

Il-proposti leġiżlattivi tal-lum ikomplu jestendu l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-partijiet ikkonċernati. Huma jottimizzaw l-użu effettiv tal-fondi u jittrattaw il-ħtiġijiet ulterjuri tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali wara l-gwerra fl-Ukrajna.

Għal aktar informazzjoni

Sit web - Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

L-Ukrajna: L-UE tkabbar is-solidarjetà ma' dawk li qed jaħarbu mill-gwerra

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Politika ta' Koeżjoni żżid l-appoġġ biex tittratta l-konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna bl-“Assistenza Flessibbli għat-Territorji”

Komunikazzjoni u proposta għal Regolament dwar il-FAST-CARE

CARE — Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
29 Ġunju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta