Is-sostenibbiltà ġenerali tas-sajd tal-UE tjiebet u hemm inqas stokkijiet mistada żżejjed, skont Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2024”. Fl-istess ħin, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-attivitajiet tas-sajd u t-titjib kontinwu tal-istatus tal-istokkijiet tal-ħut. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq valutazzjonijiet xjentifiċi indipendenti.
Il-Komunikazzjoni tal-lum tiddeskrivi l-orjentazzjonijiet għall-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2024 u tibda proċess ta' konsultazzjoni mal-atturi interessati. Il-proposti se jkollhom l-għan li jżommu l-istokkijiet li diġà laħqu livelli sostenibbli f'dawk il-livelli, u li jgħinu biex l-istokkijiet tal-ħut l-oħra jirkupraw.
Titjib fl-Atlantiku tal-Grigal, fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed
Il-Komunikazzjoni turi li l-istokkijiet tal-ħut fil-Grigal tal-Atlantiku huma ġeneralment f'meded b'saħħithom, bl-aħħar valutazzjoni tindika l-aħjar riżultati tas-sostenibbiltà s'issa. Eżempju partikolarment pożittiv huwa l-Bajja ta' Biscay, li fl-aħħar valutazzjoni mill-2021 saret l-ewwel żona tal-baħar tal-UE mingħajr sajd żejjed ta' stokkijiet. Dan juri li d-deċiżjonijiet tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sajd sostenibbli qed jagħtu l-frott.
Fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, filwaqt li t-tocks bil-modqed isiru aktar b'saħħithom, il-mortalità mis-sajd għadha toħloq diffikultajiet. Ir-rata ta' mortalità mis-sajd għall-2020, l-aktar data reċenti disponibbli, hija l-aktar baxxa s'issa, iżda għadha 71 % ogħla mir-rata ta' sostenibbiltà rakkomandata. Għalhekk għadhom meħtieġasforzi addizzjonali. Barra minn hekk, il-komunitajiet tas-sajd qed jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima, u dan iwassal għal inċertezzi minħabba d-disponibbiltà dejjem tonqos tal-istokkijiet tal-ħut li jiddependu fuqhom għall-għajxien tagħhom. Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għandu impatt ukoll fuq l-aċċess tas-sajjieda għal riżorsi suffiċjenti u huma meħtieġa aktar sforzi biex dan jiġi miġġieled, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri, inklużi dawk li jinvolvu pajjiżi terzi.
Is-sitwazzjoni fil-Baltiku għadha ta' sfida, peress li pressjonijiet oħra minbarra s-sajd għandhom impatt fuq il-popolazzjonijiet tal-ħut. Il-Kummissjoni se tkompli tieħu miżuri biex tindirizza l-pressjonijiet varji kollha fuq l-istokkijiet tal-ħut u tgħin fit-titjib tal-istat tal-ekosistemi fil-Baħar Baltiku. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu bl-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura din is-sitwazzjoni billi jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE.
Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' miżuri fi Frar li għadda biex ittejjeb is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE u tindirizza ħafna minn dawk l-isfidi inklużi dawk ekonomiċi u ambjentali.
Fl-aħħar nett, l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha impatt fuq is-sajd tal-UE b'diversi modi, speċjalment fil-Baħar l-Iswed. Dan wassal għal tfixkil kontinwu tal-attivitajiet tas-sajd u tal-flussi kummerċjali, kellu impatt fuq il-parir xjentifiku u fuq ċerti negozjati fil-livell internazzjonali.
Il-passi li jmiss
L-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi, l-industrija tas-sajd, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u ċ-ċittadini interessati huma mħeġġa jaqsmu l-perspettivi tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali u d-direzzjonijiet futuri tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2024. Huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom sad-9 ta' Awwissu bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika online.
Wara l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tressaq it-tliet proposti tagħha għal Regolamenti dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2024: fl-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, kif ukoll il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Il-proposti se jqisu l-pjanijiet pluriennali u se jkunu bbażati fuq il-parir xjentifiku pprovdut mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), kif ukoll l-analiżi ekonomika pprovduta mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Il-proposti se jinkorporaw ukoll aġġustamenti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill ser jiddiskuti l-proposti tal-Kummissjoni u jiddeċiedi dwar il-kwoti tal-ħut għall-2024 fil-laqgħat tiegħu f'Ottubru u Diċembru ta' din is-sena.
Sfond
Kull sena, il-Kummissjoni toħroġ Komunikazzjoni li tipprovdi aġġornamenti dwar l-istat tas-sajd tal-UE u tagħti bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar is-sitwazzjoni attwali u d-direzzjonijiet futuri tal-opportunitajiet tas-sajd għas-sena ta' wara.
Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar il-progress li sar fil-kisba ta' prattiki sostenibbli fl-UE, tivvaluta l-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd, teżamina l-prestazzjoni soċjoekonomika tas-settur u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art.
Il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar diversi elementi bl-użu ta' sorsi differenti bl-aħħar data ta' appoġġ disponibbli. L-aħħar data dwar l-istokkijiet tal-ħut inkluża fir-rapport għall-analiżi tal-istatus tal-istokkijiet hija mill-2020 għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed u mill-2021 għall-ilmijiet tal-UE tal-Atlantiku tal-Grigal, inklużi Skagerrak/Kattegat u l-Baħar Baltiku.
Għal Aktar Informazzjoni
Komunikazzjoni “Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2024”
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 14 Ġunju 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta