Il-gwerra tar-Russja ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna tkompli taffettwa b'mod negattiv l-ekonomija tal-UE, u tpoġġiha fit-triq ta' tkabbir aktar baxx u inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-Tbassir tar-Rebbiegħa. It-Tbassir Ekonomiku (interim) tas-Sajf 2022 jipprojetta li l-ekonomija tal-UE se tespandi bi 2.7 % fl-2021 u b'1.5 % fl-2023. It-tkabbir fiż-żona tal-euro mistenni wkoll li jkun 2.6 % fl-2022, u jimmodera għal 1.4 % fl-2023. L-inflazzjoni medja annwali hija pproġettata li tilħaq l-ogħla livelli storiċi fl-2022, 7.6 % fiż-żona tal-euro u 8.3 % fl-UE, qabel ma tonqos fl-2023 għal 4.0 % u 4.6 %, rispettivament.
Ix-xokkijiet maħluqin mill-gwerra iħallu effett negattiv fuq it-tkabbir
Ħafna mir-riskji negattivi marbuta mat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2022 immaterjalizzaw. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja poġġiet pressjonijiet addizzjonali 'l fuq fuq il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-enerġija u tal-ikel. Dawn qed jalimentaw il-pressjonijiet inflazzjonarji globali, inaqqsu l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi u jiskattaw rispons tal-politika monetarja aktar mgħaġġel minn dak li kien preżunt qabel. It-tnaqqis kontinwu tat-tkabbir fl-Istati Uniti qed iżid mal-impatt ekonomiku negattiv tal-politika stretta taċ-Ċina dwar il-COVID żero.
L-ekonomija tal-UE għadha partikolarment vulnerabbli għall-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija minħabba d-dipendenza għolja tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi, u d-dgħufija tat-tkabbir globali inaqqas mid-domanda esterna. Ir-ritmu li nġema' bl-irkupru tas-sena li għaddiet kif ukoll l-ewwel trimestru li kien kemxejn aktar b'saħħtu milli kien stmat għall-ewwel, mistenni jkattar ir-rata ta' tkabbir annwali għall-2022. Madankollu, l-attività ekonomika fil-bqija tas-sena hija mistennija li tkun imrażżna, minkejja staġun promettenti tat-turiżmu tas-sajf. Fl-2023, it-tkabbir ekonomiku trimestrali huwa mistenni li jżid fir-ritmu, bis-saħħa ta' suq tax-xogħol reżiljenti, inflazzjoni moderata, l-appoġġ mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-ammont li għadu kbir ta' ffrankar eċċessiv.
B'mod ġenerali, l-ekonomija tal-UE mistennija tkompli tespandi, iżda b'pass ferm aktar kajman milli kien mistenni fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2022.
Inflazzjoni rekord għolja mistennija li tbatti fl-2023
L-inflazzjoni primarja sa Ġunju laħqet livelli rekord hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel komplew jogħlew u l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet infirxu għal fuq servizzi u prodotti oħra. Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni kibret ħafna fit-tieni kwart tal-2022, minn 7.4 % f'Marzu (sena fuq sena) għal livell rekord ġdid ta' 8.6 % f'Ġunju. Fl-UE, iż-żieda kienet saħansitra aktar qawwija, bl-inflazzjoni taqbeż punt perċentwali sħiħ minn 7.8 % f'Marzu għal 8.8 % f'Mejju.
Il-previżjoni dwar l-inflazzjoni ġiet riveduta b'mod konsiderevoli 'l fuq meta mqabbla mat-Tbassir tal-Rebbiegħa. Minbarra ż-żieda qawwija fil-prezzijiet fit-tieni trimestru, żieda oħra fil-prezzijiet tal-gass Ewropej hija mistennija li tgħaddi għand il-konsumaturi anke permezz tal-prezzijiet tal-elettriku. L-inflazzjoni hija pprojettata li tilħaq il-quċċata ta' 8.4 % sena fuq sena fit-tielet kwart tal-2022 fiż-żona tal-euro u minn hemm tonqos b'mod stabbli u tinżel taħt it-3 % fl-aħħar kwart tal-2023, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE, hekk kif il-pressjonijiet mil-limitazzjonijiet tal-provvista u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jonqsu.
Ir-riskji għadhom għoljin u jiddependu mill-gwerra
Ir-riskji għat-tbassir tal-attività ekonomika u l-inflazzjoni jiddependu ħafna fuq l-evoluzzjoni tal-gwerra u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet tagħha għall-provvista tal-gass lejn l-Ewropa. Żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-gass jistgħu jkomplu jgħollu l-inflazzjoni u joħonqu t-tkabbir. L-effetti tat-tieni livell jistgħu min-naħa tagħhom jamplifikaw il-forzi inflazzjonarji u jwasslu għal issikkar aktar qawwi tal-kundizzjonijiet finanzjarji li mhux biss ikunu ta' piż fuq it-tkabbir, iżda jġibu magħhom ukoll riskji akbar għall-istabbiltà finanzjarja. Il-possibbiltà li l-pandemija, li qed terġa' tgħolli rasha fl-UE, ġġib magħha tfixkil mill-ġdid fl-ekonomija ma tistax tiġi eskluża.
Fl-istess ħin, it-tendenzi reċenti 'l isfel tal-prezzijiet taż-żejt u ta' komoditajiet oħra jistgħu jintensifikaw, u dan iwassal għal tnaqqis aktar mgħaġġel fl-inflazzjoni milli mistenni bħalissa. Barra minn hekk, bis-saħħa ta' suq tax-xogħol b'saħħtu, il-konsum privat jista' jkun aktar reżiljenti għaż-żieda fil-prezzijiet jekk l-unitajiet domestiċi jużaw aktar mit-tfaddil akkumulat tagħhom.
Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:
Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, qal: “Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tkompli titfa' dell kbir fuq l-Ewropa u l-ekonomija tagħna. Qed niffaċċjaw sfidi fuq diversi fronti minn żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel għal perspettiva globali inċerta ħafna. Ninsabu fortunati li qed nibdew minn pożizzjoni ta' saħħa, li għaddiet mill-kriżi preċedenti b'ritorn sod għat-tkabbir. It-tkabbir ekonomiku se jonqos b'mod sinifikanti fit-tieni parti ta' din is-sena iżda se jerġa' jaqbad ritmu tajjeb fl-2023. Fid-dawl tal-inflazzjoni għolja u l-issikkar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, se jkun importanti li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-mixja lejn pożizzjoni fiskali aktar prudenti u l-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli. Għandna nnaqqsu wkoll id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi.”
Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: “L-invażjoni mhux provokata mir-Russja tal-Ukraina qed tkompli tibgħat skossi mill-ekonomija globali. L-azzjonijiet ta' Moska qed ifixklu l-enerġija u l-provvisti taċ-ċereali, jgħollu l-prezzijiet u jdgħajfu l-fiduċja. Fl-Ewropa, ir-ritmu li nkiseb mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomiji tagħna huwa mistenni li jkun ta' sostenn għat-tkabbir annwali fl-2022, iżda għall-2023 irrevedejna b'mod sinifikanti t-tbassir tagħna lejn in-negattiv. L-inflazzjoni ta' livell għoli rekord issa hija mistennija li tilħaq il-quċċata tagħha aktar tard din is-sena u tonqos gradwalment fl-2023. Peress li mhux magħruf kif se tkompli għaddejja l-gwerra, u kif se tkun il-provvista tal-gass, dan it-tbassir huwa soġġett għal inċertezza kbira u għal riskji negattivi. Biex tkun tista' tinnaviga f'dan il-baħar imqalleb, l-Ewropa trid turi li hija fuq quddiem, bi tliet kelmiet li jiddefinixxu l-politiki tagħna: is-solidarjetà, is-sostenibbiltà u s-sigurtà.”
Sfond
It-tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2022 jipprovdi aġġornament tat-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2022 li ġie ppreżentat f'Mejju 2022, li jiffoka fuq il-PDG u l-iżviluppi fl-inflazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE.
Dan it-tbassir huwa bbażat fuq ġabra ta' suppożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, sat-30 ta' Ġunju. Rigward id-data kollha l-oħra li dieħla, inklużi s-suppożizzjonijiet dwar il-politiki governattivi, dan it-tbassir iqis l-informazzjoni sa (u inkluż) l-5 ta' Lulju.
Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika żewġ tbassiriet komprensivi (fir-rebbiegħa u fil-ħarifa) u żewġ tbassiriet interim (fix-xitwa u fis-sajf) kull sena. It-tbassiriet interim ikopru l-PDG annwali u trimestrali u l-inflazzjoni għas-sena attwali u ta' wara għall-Istati Membri kollha, kif ukoll l-aggregati għaż-żona tal-euro u għall-UE kollha kemm hi.
It-tbassir li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea se jkun it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2022, skedat li jiġi ppubblikat f'Novembru 2022.
Għal Aktar Informazzjoni
Id-dokument sħiħ: Tbassir Ekonomiku (interim) tas-Sajf 2022
Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis
Segwi lill-Kummissarju Gentiloni fuq Twitter: @PaoloGentiloni
Segwi DG ECFIN fuq Twitter: @ecfin
Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 67 89 10 11 jew bl-email
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 14 Lulju 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta