Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet16 Settembru 2021

Stat tal-Unjoni: Il-Kummissjoni tipproponi perkors għad-Deċennju Diġitali biex twassal it-trasformazzjoni diġitali tal-UE sal-2030

3b4aa0ab-e06e-4907-988b-34cfc9ae81c5.jpeg
© EU
Il-Kummissjoni pproponiet Perkors għad-Deċennju Diġitali, pjan konkret biex it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna tinkiseb sal-2030.

Il-perkors propost għad-Deċennju Diġitali se jittrasforma l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 f'mekkaniżmu eżekuttiv konkret. Se jistabbilixxi qafas ta' governanza bbażat fuq mekkaniżmu ta' kooperazzjoni annwali mal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali għall-2030 fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-ħiliet diġitali, tal-infrastrutturi diġitali u tad-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi. Huwa għandu wkoll l-għan li jidentifika u jimplimenta proġetti diġitali fuq skala kbira li jinvolvu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Il-pandemija enfasizzat ir-rwol ċentrali li għandha t-teknoloġija diġitali biex jinbena futur sostenibbli u prosperu. B'mod partikolari, il-kriżi ħarġet fid-dieher id-distakk li jeżisti bejn negozji li huma diġitalment adattati u dawk li għad iridu jadottaw soluzzjonijiet diġitali, u ssottolinjat il-lakuni li hemm bejn żoni urbani li huma konnessi sew, u dawk rurali u remoti. Id-diġitalizzazzjoni toffri ħafna opportunitajiet ġodda fis-suq Ewropew, fejn aktar minn 500,000 kariga għal esperti taċ-ċibersigurtà u tad-data baqgħu vakanti fl-2020. F'konformità mal-valuri Ewropej, il-Perkors għad-Deċennju Diġitali għandu jsaħħaħ it-tmexxija diġitali tagħna u jippromwovi politiki diġitali sostenibbli li jqiegħdu lill-bniedem fiċ-ċentru u jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji.

Fi kliem Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali”: “Il-viżjoni Ewropea għal futur diġitali hija waħda fejn it-teknoloġija tagħti s-setgħa lin-nies. Għalhekk illum qed nipproponu pjan konkret għall-ksib tat-trasformazzjoni diġitali. Għal futur fejn l-innovazzjoni taħdem għan-negozji u għas-soċjetajiet tagħna. L-għan tagħna huwa li nistabbilixxi qafas ta' governanza bbażat fuq mekkaniżmu ta' kooperazzjoni annwali biex jintlaħqu l-miri fil-oqsma tal-ħiliet diġitali, tal-infrastrutturi diġitali u tad-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi.”

Fi kliem Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern: “L-Ewropa hija determinata li tkun minn ta' quddiem nett fit-tellieqa teknoloġika globali. Li nistabbilixxu l-miri tagħna għall-2030 kien pass importanti, iżda issa jeħtieġ li nilħquhom. Irridu niżguraw li l-Ewropa ma tkunx f'pożizzjoni ta' dipendenza kbira fis-snin li ġejjin. Inkella, se nibqgħu esposti wisq għas-suċċessi u l-fallimenti tad-dinja, u ma ngawdux mit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol. Nemmen f'Ewropa li tkun minn ta' quddiem nett fis-swieq tal-futur, mhux waħda li hija sempliċiment sottokuntrattur.”

Perkors għad-Deċennju Diġitali

Filwaqt li nibnu fuq il-Kumpass Diġitali tal-2030, li fih il-Kummissjoni stipulat il-viżjoni għal trasformazzjoni diġitali b'suċċess tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropea sa tmiem dan id-deċennju, il-Kummissjoni issa qiegħda tintroduċi qafas ta' governanza sod biex jintlaħqu l-miri diġitali fil-forma ta' Perkors għad-Deċennju Diġitali.

Il-progress diġitali li sar fl-Istati Membri kien irregolari ħafna f'dawn l-aħħar snin. Ix-xejra turi li dawk il-pajjiżi li ħames snin ilu kienu qed jiksbu progress b'pass kajman, komplew jipprogressaw bil-mod sal-lum. Bħala parti minn dan il-Perkors għad-Deċennju Diġitali, se jkun hemm kooperazzjoni strutturata biex issir ħidma kollettiva biex l-objettivi miftiehma jintlaħqu, filwaqt li jitqiesu l-punti ta' tluq differenti fost l-Istati Membri.

B'mod speċifiku, il-Kummissjoni tipproponi li tinvolvi ruħha f'mekkaniżmu ta' kooperazzjoni annwali mal-Istati Membri li se jikkonsisti f'dawn li ġejjin:

Sistema ta' monitoraġġ strutturata, trasparenti u kondiviża bbażata fuq l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) biex jitkejjel il-progress lejn kull waħda mill-miri tal-2030; li tinkludi l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPI);
“Rapport annwali dwar l-“Istat tad-Deċennju Diġitali” li fih il-Kummissjoni se tevalwa l-progress u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni;
Pjanijiet direzzjonali strateġiċi u pluriennali dwar id-Deċennju Diġitali għal kull Stat Membru, li fihom l-Istati Membri se jiddeskrivu l-politiki u l-miżuri adottati jew ippjanati b'appoġġ għall-miri tal-2030;
Qafas annwali strutturat biex jiġu diskussi u indirizzati oqsma li fihom ma sarx biżżejjed progress, permezz ta' rakkomandazzjonijiet u impenji konġunti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;
Mekkaniżmu li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-proġetti multinazzjonali.
Monitoraġġ tal-progress u r-rapport dwar l-“Istat tad-Deċennju Diġitali”

Sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa qed tqarreb malajr lejn l-objettivi tad-Deċennju Diġitali, il-qafas ta' governanza propost jipprevedi sistema għall-monitoraġġ tal-progress ibbażata fuq Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) imtejjeb. L-ewwel, il-Kummissjoni se tiżviluppa trajettorji tal-UE proġettati għal kull mira, flimkien mal-Istati Membri, li min-naħa tagħhom se jipproponu pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali biex jilħqu dawn il-miri. Kull sena, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-“Istat tad-Deċennju Diġitali” lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-għan li:

Tippreżenta l-prestazzjoni diġitali mkejla meta mqabbla mat-trajettorji proġettati;
Tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lill-Istati Membri biex jilħqu l-miri tal-2030, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali.
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miri sal-2026 biex tieħu kont tal-iżviluppi teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjetali li jkunu saru.

Proġetti multinazzjonali

Il-proġetti multinazzjonali huma proġetti fuq skala kbira li se jkunu qed jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030 — proġetti li l-ebda Stat Membru ma jista' jiżviluppa waħdu. Proġetti bħal dawn se jippermettu lill-Istati Membri jingħaqdu u jiġbru flimkien ir-riżorsi biex jibnu kapaċitajiet diġitali f'oqsma li huma fundamentali biex titjiebis-sovranità diġitali tal-Ewropa u biex jiġi xprunat l-irkupru tal-Ewropa jiġi xprunat.

Il-Kummissjoni identifikat lista inizjali ta' proġetti multinazzjonali, li tinkludi diversi oqsma għall-investiment: l-infrastruttura tad-data, proċessuri b'konsum baxx tal-enerġija, il-komunikazzjoni 5G, il-computing ta' prestazzjoni għolja, il-komunikazzjoni kwantistika sigura, l-amministrazzjoni pubblika, il-blockchain, il-hubs ta' innovazzjoni diġitali, u investiment fil-ħiliet diġitali tan-nies.

Miri differenti se jaċċelleraw il-proċess tad-diġitalizzazzjoni u se jwasslu għal aktar reżiljenza u sovranità teknoloġika billi jġibu aktar speċjalisti fis-suq biex jaħdmu f'oqsma diġitali, jew jinċentivaw diversi industriji biex jiżviluppaw it-teknoloġiji diġitali fl-Ewropa.

Ir-Rapport annwali dwar l-“Istat tad-Deċennju Diġitali” se jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jitqiesu l-iżviluppi u l-lakuni identifikati fit-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, u se jaġġorna l-lista ta' proġetti multinazzjonali.

Jeħtieġ li proġetti multinazzjonali jiġbru flimkien l-investimenti mir-riżorsi ta' finanzjament tal-UE, inkluż mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll mill-Istati Membri. Entitajiet pubbliċi u privati oħra jistgħu jinvestu fil-proġetti, fejn xieraq.

Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi bħala l-aċċeleratur tal-proġetti multinazzjonali, se tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw l-interessi tagħhom fil-proġetti multinazzjonali, tagħti gwida dwar il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni u tipprovdi assistenza fl-implimentazzjoni, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa u li l-proġetti jitwettqu b'suċċess.

Il-programm jipprevedi struttura legali ġdida, il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea (EDIC), li jippermetti t-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' proġetti multinazzjonali b'mod rapidu u flessibbli.
 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Settembru 2021