Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 12 Mejju 2022
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 6 min qari

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni se tneħħi b'mod gradwali l-Qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-COVID

state aid

Il-Kummissjoni Ewropea mhux se tneħħi b'mod gradwali l-Qafas Temporanju dwar l-għajnuna mill-Istat għall-COVID, adottat fid-19 ta' Marzu 2020 u emendat l-aħħar fit-18 ta' Novembru 2021, li jippermetti lill-Istati Membri jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus. Il-qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-COVID mhux se jiġi estiż lil hinn mid-data ta' skadenza kurrenti, li hija t-30 ta' Ġunju 2022 għall-biċċa l-kbira tal-għodod ipprovduti. Il-pjan eżistenti ta' eliminazzjoni gradwali u ta' tranżizzjoni mhux se jinbidel, inkluża l-possibbiltà li l-Istati Membri jipprovdu miżuri speċifiċi ta' appoġġ għall-investiment u għas-solvenza sal-31 ta' Diċembru 2022 u sal-31 ta' Diċembru 2023 rispettivament, kif diġà tħabbar f'Novembru tas-sena l-oħra.

Il-Viċi President Eżekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “Sa mill-bidu nett tal-pandemija, il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-COVID ippermetta lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ f'waqtu, immirat u proporzjonat lin-negozji fil-bżonn, filwaqt li jkunu ppreservati l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku u jinżammu l-kundizzjonijiet orizzontali applikabbli għal kulħadd. 

Dan ippermetta lill-Istati Membri jaġixxu malajr u b'mod effettiv biex jgħinu lill-kumpaniji milquta mill-kriżi, filwaqt li jiżguraw li l-appoġġ jibqa' limitat għal dawk bi bżonnijiet reali. 

Sal-lum, il-Kummissjoni adottat aktar minn 1300 deċiżjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus, biex b'hekk approvat kważi 950 miżura nazzjonali li huma stmati li jammontaw għal aktar minn €3 triljun ta' għajnuna mill-istat:. L-għajnuna kollha approvata s'issa kienet meħtieġa u proporzjonata. Naturalment, l-ammont ta' għajnuna nnotifikata mill-Istati Membri u approvata mill-Kummissjoni, u l-għajnuna li fil-fatt intefqet mhumiex l-istess ħaġa. Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, fil-perjodu bejn nofs Marzu 2020 u tmiem Ġunju 2021, minn aktar minn €3 triljun f'għajnuna approvata matul dak il-perjodu, fil-fatt intefqu madwar €730 biljun.

L-aktar ħaġa importanti hija li, permezz tal-Qafas Temporanju, il-Kummissjoni fasslet sett ta' regoli orizzontali b'mod li rrispettaw id-diversità tal-għażliet ippreferuti mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-ekonomiji tagħhom. Permezz ta' dan il-Qafas, ingħata appoġġ lin-negozji ta' kull daqs u potenzjalment mis-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-linji tal-ajru u l-bdiewa, kif ukoll l-organizzaturi tar-riċerka u tal-avvenimenti relatati mal-COVID, fost ħafna oħrajn. 

Illum, wara aktar minn sentejn, fl-aħħar qed naraw titjib ġenerali tal-kriżi sanitarja fl-Ewropa, bl-għadd ta' infezzjonijiet tal-COVID-19 taħt kontroll u rata relattivament għolja ta' tilqim. Bit-tneħħija progressiva tal-miżuri restrittivi, l-ekonomija Ewropea bdiet tagħmel l-ewwel passi lejn l-irkupru mill-kriżi sanitarja. Kif stqarret il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-passi li jmiss fir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19: dan l-illaxkar tar-regoli huwa ta' serħan kbir ukoll għall-ekonomiji tagħna — iżda ma jfissirx li m'għandniex nibqgħu viġilanti.

Is-sitwazzjoni ekonomika li qed titjieb fid-dawl tar-rilassament tar-restrizzjonijiet hija r-raġuni ewlenija għaliex iddeċidejna li ma ntawlux il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-COVID lil hinn mit-30 ta' Ġunju 2022, bl-eċċezzjoni tal-miżuri ta' appoġġ għall-investiment u s-solvenza, li se jkunu fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2022 u l-31 ta' Diċembru 2023 rispettivament, kif diġà previst fir-regoli attwali. Dawn iż-żewġ għodod huma tabilħaqq importanti ħafna biex jagħtu spinta lill-ekonomija u jattiraw l-investiment privat għal irkupru aktar rapidu, aktar ekoloġiku u aktar diġitali u għalhekk jenħtieġ li jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għal aktar żmien mill-miżuri l-oħra. 

Ippermettuli nenfasizza wkoll li l-eliminazzjoni gradwali se tkun progressiva u kkoordinata, u li n-negozji affettwati mhux se jinqatgħu f'daqqa mill-appoġġ meħtieġ. Il-qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat għall-COVID diġà jipprevedi tranżizzjoni flessibbli, b'mod partikolari għall-għażliet ta' konverżjoni u ristrutturar tal-istrumenti tad-dejn (eż. garanziji, self, avvanzi ripagabbli) f'forom oħra ta' għajnuna, bħal għotjiet diretti, sat-30 ta' Ġunju 2023, b'salvagwardji ċari. Aħna ninsabu lesti li nipprovdu l-gwida u l-appoġġ kollha meħtieġa lill-Istati Membri matul l-eliminazzjoni gradwali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi futuri u se terġa' taġixxi malajr jekk ikun hemm bżonn.

Filwaqt li lkoll ninsabu ħerqana li nħallu warajna din il-pandemija fixkiela, ninsabu wkoll konxji li gwerra fl-Ewropa qed titfa' dell ikrah fuq is-sinjali pożittivi tal-irkupru. L-Ukreni qed iħallsu l-ogħla prezz għall-gwerra ta' aggressjoni bla sens u illegali kontra pajjiżhom. Fl-istess ħin, din qiegħda toħloq tfixkil fl-ekonomija Ewropea u qed ikollha impatt sever fuq l-irkupru. Waqt li nkomplu nikkoordinaw l-isforzi biex nappoġġaw ulterjorment l-Ukrajna u l-poplu tagħha u nimponu sanzjonijiet severi fuq il-Federazzjoni Russa għal din il-gwerra krudili u bla ħniena, qed naġixxu wkoll biex intaffu l-impatt ekonomiku ta' din il-kriżi ġeopolitika fuq kumpaniji u setturi affettwati serjament. Madankollu, kull kriżi hija differenti u teħtieġ għodod immirati. 

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju għall-Kriżijiet li jipprovdi lill-Istati Membri bis-sett ta' għodod xieraq biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi ġeopolitika kurrenti, filwaqt li jiżguraw li l-livell xieraq ta' appoġġ jibqa' disponibbli għal kumpaniji u setturi milquta serjament. Dan se jkun fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2022 u qabel dik id-data, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hemmx bżonn li jkun estiż, filwaqt li żżomm il-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi rigward is-swieq tal-enerġija, swieq oħra ta' input u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali.

Barra minn hekk, skont ir-regoli eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat hemm ħafna possibbiltajiet oħra disponibbli b'mod kostanti għall-Istati Membri, bħal miżuri li jipprovdu kumpens lill-kumpaniji għal danni mġarrba direttament minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jew miżuri li jgħinu lill-kumpaniji jlaħħqu man-nuqqasijiet ta' likwidità u li jeħtieġu għajnuna urġenti għas-salvataġġ.

Possibbiltajiet li, flimkien mal-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet il-ġdid, naturalment se jibqgħu disponibbli għall-Istati Membri anke wara t-tneħħija gradwali tal-Qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-COVID. 

Kuntest

Il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-COVID ġie adottat fid-19 ta' Marzu 2020 u ġie emendat għall-ewwel darba fit-3 ta' April 2020 biex jiżdiedu l-possibbiltajiet għall-appoġġ pubbliku għar-riċerka, l-ittestjar u l-produzzjoni ta' prodotti rilevanti biex tiġi miġġielda t-tifqigħa tal-coronavirus, biex jitħarsu l-impjiegi u biex tiġi sostnuta aktar l-ekonomija. Fit-8 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat it-tieni emenda li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas Temporanju għall-COVID għal miżuri ta' rikapitalizzazzjoni u tad-dejn subordinat. Fid-29 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat it-tielet emenda li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas Temporanju għall-COVID biex ikomplu jiġu appoġġati l-kumpaniji mikro, żgħar u n-negozji l-ġodda, u jiġu inċentivati l-investimenti privati. Fit-13 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni tawlet il-Qafas Temporanju sat-30 ta' Ġunju 2021 (bl-eċċezzjoni tal-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni li setgħu jingħataw sat-30 ta' Settembru 2021) u ppermettiet li l-Istati Membri jkopru parti mill-kostijiet fissi mhux koperti tal-kumpaniji affettwati mill-kriżi. Fit-28 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat il-ħames emenda li espandiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas Temporanju għall-COVID billi żiedet il-limiti massimi stabbiliti fih u billi ppermettiet, sa tmiem l-2022, il-konverżjoni ta' ċerti strumenti ripagabbli f'għotjiet diretti. Fit-18 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni tawlet il-Qafas Temporanju għall-COVID sat-30 ta' Ġunju 2022 u introduċiet żewġ miżuri ġodda biex toħloq inċentivi diretti għal investiment privat li jħares 'il quddiem u miżuri ta' appoġġ għas-solvenza, għal perjodu limitat addizzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jużaw l-elementi kollha tal-Qafas Temporanju sat-30 ta' Ġunju 2022. Wara din id-data, l-Istati Membri xorta jistgħu jikkonvertu self f'ammonti limitati ta' għajnuna fil-forma ta' għotjiet diretti, bl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Qafas Temporanju u jekk previst fl-iskemi nazzjonali tagħhom. Tali konverżjoni tista' tintuża skont kundizzjonijiet stretti biex jitħassar self jew partijiet minnu għall-benefiċċju ta' mutwatarji li mhumiex f'pożizzjoni li jħallsu lura. Bl-istess mod, l-Istati Membri jista' jkollhom ukoll fis-seħħ skemi li jippermettu r-ristrutturar tas-self, pereżempju l-estensjoni tad-durata jew it-tnaqqis tar-rati tal-imgħax applikabbli, f'limiti speċifiċi. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-investiment lejn irkupru sostenibbli, se jkun possibbli sal-31 ta' Diċembru 2022, u l-appoġġ għas-solvenza sal-31 ta' Diċembru 2023.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
12 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta