Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet4 April 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni taġġorna l-gwida għall-miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika

money

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat mudelli ta' gwida aġġornati dwar l-għajnuna mill-Istat biex tgħin lill-Istati Membri jfasslu miżuri, li se jiġu inklużi fil-Pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“RRPs”), f'konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, id-dokumenti tekniċi aġġornati se jgħinu lill-Istati Membri jfasslu miżuri li jikkontribwixxu aktar għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jgħinu biex tintemm id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika kif stabbilit fil-Pjan REPowerEU.

Mudelli ta' gwida aġġornati

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“RRF”), l-istrument ewlieni fil-qalba tal-pjan ta' rkupru ta' NextGenerationEU għall-Ewropa ta' EUR 800 biljun, tappoġġa ppjanar u finanzjament ikkoordinati ta' infrastruttura transfruntiera u nazzjonali, kif ukoll proġetti u riformi tal-enerġija, biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus, jitħaffef il-pass tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tiżdied ir-reżiljenza ġenerali tal-Unjoni. Fi Frar 2023, ir-Regolament RRF ġie emendat biex jiġu integrati kapitoli ddedikati tar-REPowerEU fl-RRPs eżistenti tal-Istati Membri. Sabiex tiġi żgurata introduzzjoni rapida tal-miżuri REPowerEU, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw l-RRPs modifikati tagħhom sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2023.

F'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat mudelli ta' gwida biex tgħin lill-Istati Membri fit-tfassil tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jiffurmaw parti mill-RRPs tagħhom u li jkopru diversi tipi ta' proġetti ta' investiment f'konformità mal-“inizjattivi ewlenin Ewropej” tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 tal-Kummissjoni. Biex tgħin lill-Istati Membri jimmodifikaw il-pjanijiet tagħhom fil-kuntest tar-REPowerEU, il-Kummissjoni issa introduċiet aġġornamenti mmirati għall-mudelli li huma l-aktar rilevanti għat-tfassil ta' miżuri ġodda skont il-kapitoli tar-REPowerEU.

B'mod partikolari, diversi mudelli ġew aġġustati għal-Linji Gwida l-ġodda tal-2022 dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Klima, il-Protezzjoni Ambjentali u l-Enerġija, għall-Qafas rivedut tal-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, għall-Qafas Temporanju l-ġdid ta' Kriżi u Tranżizzjoni, u għall-emenda approvata tar-Regolament Ġenerali ta' Eżenzjoni ta' Kategorija.

Il-Kummissjoni emendat il-mudelli li ġejjin:

Inizjattiva Ewlenija

Mudell ta' gwida

Enerġizzazzjoni

Infrastruttura tal-enerġija u tal-idroġenu

Enerġija minn sorsi rinnovabbli, inkluża l-produzzjoni tal-idroġenu minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll għajnuna għall-investiment/operazzjoni għat-tnaqqis u t-tneħħija ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra inkluż permezz ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika

Infrastruttura għall-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tat-tisħin u/jew tat-tkessiħ distrettwali

Rinnovazzjoni

Infrastruttura għall-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tat-tisħin u/jew tat-tkessiħ distrettwali

L-effiċjenza enerġetika fil-bini

Irriċarġjar u riforniment

Stazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriku u stazzjonijiet tal-idroġenu għall-vetturi tat-triq

L-akkwist ta' vetturi tat-triq b'emissjonijiet ta' livell żero jew baxxi

Modi oħra ta' trasport b'emissjonijiet baxxi

Espansjoni

Proċessuri innovattivi u teknoloġiji tas-semikondutturi

Kapaċitajiet tal-cloud

 

Sfond

L-investimenti u r-riformi kollha li jinvolvu għajnuna mill-Istat inklużi fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru ppreżentati fil-kuntest tal-RRF iridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni għal approvazzjoni minn qabel, sakemm ma jkunux koperti minn waħda mir-regoli ta' eżenzjoni ta' kategorija tal-għajnuna mill-Istat.

Il-Kummissjoni tivvaluta l-miżuri li jinvolvu l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru ppreżentati fil-kuntest tal-RRF bħala kwistjoni ta' prijorità u pprovdiet gwida u appoġġ lill-Istati Membri fil-fażijiet preparatorji tal-pjanijiet nazzjonali, biex tiffaċilita l-iskjerament rapidu tal-RRF. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tiżgura fid-deċiżjoni tagħha li r-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu rrispettati, sabiex jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku u jiġi żgurat li l-fondi tal-RRF jintużaw b'mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u ma jeskludux l-investiment privat.

F'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat ħdax-il mudell ta' gwida dwar l-għajnuna mill-Istat li jipprovdu gwida speċifika għas-settur dwar meta: (i) l-għajnuna mill-Istat tista' tiġi eskluża, u għalhekk notifika minn qabel lill-Kummissjoni ma tkunx meħtieġa; (ii) l-għajnuna mill-Istat tkun involuta, iżda ma tkun meħtieġa l-ebda notifika minħabba li taqa' taħt eżenzjoni ta' kategorija; u (iii) l-għajnuna mill-Istat tkun involuta u tkun meħtieġa notifika. Il-Kummissjoni ddikjarat li l-mudelli ta' gwida jistgħu u se jiġu aġġornati, fejn xieraq.

Fi Frar 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill formalment approvaw ir-Regolament dwar l-RRF emendat biex jinkludi l-kapitoli tar-REPowerEU fl-RRPs nazzjonali. F'Marzu 2023, fi Gwida dwar l-RRPs fil-kuntest tar-REPowerEU, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet modifikati tagħhom bil-kapitoli l-ġodda dwar-REPowerEU sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2023.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 April 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta