Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa11 Jannar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tistieden kummenti dwar ir-reviżjoni proposta tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd

state aid

Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar ir-regoli riveduti proposti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd. L-għan tar-reviżjoni proposta huwa li tallinja r-regoli attwali mal-prijoritajiet strateġiċi attwali tal-UE, b'mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif ukoll mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-Istati Membri u partijiet interessati oħra jistgħu jwieġbu għall-konsultazzjoni sat-13 ta' Marzu 2022.

Il-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “Il-proposti tal-lum għandhom l-għan li jiżguraw li r-regoli tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd ikunu adatti għat-tranżizzjoni ekoloġika. Ir-regoli riveduti se jagħmluha aktar faċli biex l-Istati Membri jipprovdu finanzjament b'mod rapidu, mingħajr ma jiġu kkaġunati distorsjonijiet bla bżonn fuq il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. Ninkoraġġixxu lill-partijiet interessati kollha jaqsmu l-fehmiet tagħhom.”

Il-konsultazzjoni tkopri r-reviżjonijiet proposti tad-diversi settijiet ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd, jiġifieri l-Linji Gwida tal-2014 għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali, ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Agrikoltura (“ABER”), il-Linji Gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta' Kategorija għas-Sajd (“FIBER”) u r-Regolament de minimis tas-Sajd.

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tar-regoli eżistenti applikabbli għas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u qed twettaq ukoll evalwazzjoni tar-regoli applikabbli għas-settur tas-sajd. Il-kontribut miġbur ġie rifless fil-proposti li qed issir konsultazzjoni dwarhom.

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tqis li r-regoli taħt skrutinju jaħdmu tajjeb u huma ġeneralment adatti għall-iskop tagħhom. F'dan ir-rigward, dawn fil-biċċa l-kbira jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-setturi kkonċernati, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-kisba ta' objettivi usa' tal-politika tal-UE, bħall-protezzjoni ambjentali kif ukoll is-saħħa tal-pjanti, tal-annimali u, b'mod aktar ġenerali, dik pubblika.

Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni żvelat li r-regoli eżistenti jeħtieġu ċerti reviżjonijiet immirati, inklużi kjarifiki ta' xi kunċetti, aktar simplifikazzjoni, kif ukoll aġġustamenti biex jirriflettu aktar l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq u l-prijoritajiet strateġiċi attwali tal-UE, inkluż, b'mod partikolari, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija għall-Bijodiversità. Barra minn hekk, ir-regoli jeħtieġ li jiġu adattati biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw malajr il-Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) il-ġdid.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tipproponi għadd ta' bidliet fis-settijiet differenti ta' regoli, bħal, fost l-oħrajn:

  • Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali Il-Kummissjoni tipproponi li l-azzjonijiet tal-Istati Membri taħt il-PAK riformata mwettqa bħala parti mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jitqiesu konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, sabiex il-proċedura ta' approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat meħtieġa tkun tista' titwettaq malajr. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tintroduċi kategoriji ġodda ta' għajnuna li għandhom jiġu vvalutati u approvati skont il-Linji Gwida, eż. għajnuna għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta' infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi u mard emerġenti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pjanti, tal-annimali u dik pubblika. Barra minn hekk, il-Linji Gwida riveduti proposti jipprovdu aktar inċentivi għal miżuri ta' ġestjoni tal-foresti li huma favorevoli għall-ambjent u l-klima (l-hekk imsejħa servizzi relatati mal-ambjent tal-foresti u l-klima), billi jżidu l-intensità massima tal-għajnuna għal 120% tal-ispejjeż eliġibbli għas-servizzi relatati mal-bijodiversità, il-klima, l-ilma jew il-ħamrija, u l-iskemi ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola.
  • Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Agrikoltura. Il-Kummissjoni tipproponi, fost l-oħrajn, li tallinja l-intensitajiet tal-għajnuna biex miżura taqa' taħt l-ABER ma' dawk ipprovduti mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata. Tipproponi wkoll l-introduzzjoni ta' kategoriji ġodda ta' miżuri ta' għajnuna li għandhom jiġu eżentati bħala kategorija, eż. għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn speċijiet protetti ta' annimali u għajnuna biex tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba meta l-art agrikola tkun tinsab f'żoni ta' Natura 2000.
  • Il-Linji Gwida għall-eżami tal-Għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi kategoriji ġodda ta' għajnuna li għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni skont il-Linji Gwida, b'mod partikolari għajnuna għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta' infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi u mard emerġenti u għajnuna biex tikkumpensa għad-danni kkawżati minn speċijiet protetti ta' annimali (sakemm ma jkunux eżentati bħala kategorija). L-abbozz ta' Linji Gwida propost jiċċara u jissimplifika wkoll ir-regoli f'għadd ta' oqsma, bħal, pereżempju, dawk relatati mal-għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi. Dan għandu l-għan li jżid il-leġġibbiltà tal-abbozz tal-Linji Gwida, u b'hekk jiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom u jipprovdi aktar ċarezza lill-Istati Membri, anke fid-dawl tal-esperjenza miksuba.
  • Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta' Kategorija għas-Sajd. Il-Kummissjoni tipproponi li kategoriji ġodda ta' miżuri ta' għajnuna jiġu eżentati mill-obbligu ta' notifika u approvazzjoni mill-Kummissjoni, b'mod partikolari għajnuna biex tikkumpensa għal ħsarat ikkawżati minn speċijiet protetti ta' annimali u għajnuna biex tikkumpensa ħsarat ikkawżati minn ċerti kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.
  • Ir-Regolament de minimis tas-sajd. Il-Kummissjoni tipproponi aġġornament tal-ammonti kumulattivi massimi ta' għajnuna de minimis li jistgħu jingħataw għal kull Stat Membru abbażi ta' data settorjali aktar reċenti.

Il-proposti li qed issir konsultazzjoni dwarhom u d-dettalji kollha tal-konsultazzjoni pubblika jinsabu

  • hawnhekk fir-rigward tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u ż-żoni rurali u
  • hawnhekk fir-rigward tas-settur tas-sajd.

Il-passi li jmiss

Minbarra l-konsultazzjoni mnedija llum, l-abbozz tat-testi riveduti tal-ABER u l-FIBER u r-Regolament de minimis rivedut dwar is-Sajd se jiġu diskussi wkoll f'żewġ laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-ewwel waħda se ssir lejn tmiem il-perjodu ta' konsultazzjoni u t-tieni waħda ladarba l-abbozzi jiġu riveduti abbażi tal-kontribut riċevut matul il-konsultazzjoni pubblika. L-abbozz tal-Linji Gwida se jiġi diskuss ukoll f'laqgħa multilaterali mal-Istati Membri li se ssir lejn tmiem il-perjodu ta' konsultazzjoni.

Dan se jiggarantixxi li kemm l-Istati Membri kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra jkollhom biżżejjed opportunitajiet biex jikkummentaw dwar l-abbozz tal-proposta tal-Kummissjoni.

L-adozzjoni tar-regoli riveduti hija ppjanata għal tmiem l-2022.

Kuntest

Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta' Kategorija Agrikola (ABER) u r-Regolament għall-Eżenzjoni ta' Kategorija tas-Sajd (FIBER) jiddikjaraw kategoriji speċifiċi ta' għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat u jeżentawhom mir-rekwiżit ta' notifika minn qabel lill-Kummissjoni u l-approvazzjoni tagħha, sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

Din l-eżenzjoni hija simplifikazzjoni kbira, li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna malajr, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. Bħala riżultat ta' dawn ir-regoli, perċentwal għoli ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat issa huwa implimentat mill-Istati Membri mingħajr il-ħtieġa ta' approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, pereżempju madwar 80 % fis-settur agrikolu. Dan huwa konformi mal-approċċ tal-Kummissjoni li jiffoka fuq il-kisba ta' riżultati aħjar aktar malajr, filwaqt li żżomm lura minn affarijiet mingħajr valur miżjud.

Ir-regoli stabbiliti fl-ABER u l-FIBER huma komplementari għal dawk stabbiliti fil-Linji Gwida applikabbli għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat li mhumiex eżentati bħala kategorija humiex kompatibbli mas-Suq Intern. Flimkien, dawn iż-żewġ settijiet ta' regoli jiffurmaw ġabra komprensiva ta' regoli għall-għoti ta' għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd.

Ir-Regolamenti de minimis jeżentaw ammonti żgħar ta' għajnuna mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat peress li jitqiesu li ma għandhom l-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-Suq Intern. Bħala konsegwenza, l-għajnuna de minimis tista' tingħata mingħajr notifika u approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
11 Jannar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta