Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet18 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tapprova skema Maltija ta' EUR 30 miljun biex tappoġġa l-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta' qmuħ fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja

state aid

Il-Kummissjoni Ewropea approvat skema Maltija ta' EUR 30 miljun biex tappoġġa kumpaniji attivi fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta' qmuħ u prodotti simili oħra fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-iskema, imsejħa “Skema ta' Self Sussidju MDB”, ġiet approvata fil-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet tal-Għajnuna mill-Istat, adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Marzu 2022, fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li jirrikonoxxi li l-ekonomija tal-UE qed tesperjenza taqlib serju.

Il-Viċi President Eżekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “Din l-iskema ta' EUR 30 miljun se tippermetti lil Malta ttaffi l-impatt ekonomiku tal-gwerra ta' Putin fl-Ukrajna u tappoġġa kumpaniji attivi fl-importazzjoni ta' qmuħ u prodotti simili oħra affettwati mill-kriżi ġeopolitika attwali. Aħna nkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. Fl-istess ħin, aħna nkomplu naħdmu mill-qrib mal-Istati Membri biex niżguraw li l-miżuri ta' appoġġ nazzjonali jkunu jistgħu jiġu stabbiliti b'mod f'waqtu, ikkoordinat u effettiv, filwaqt li nipproteġu l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.” 

Il-miżura Maltija

Malta nnotifikat lill-Kummissjoni fil-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet bi skema ta' EUR 30 miljun biex tappoġġa kumpaniji ta' kull daqs attivi fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta' qmuħ u prodotti simili oħra fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Skont din il-miżura, l-għajnuna se tieħu l-forma ta' self issussidjat.

Il-miżura se tkun miftuħa għall-kumpaniji ta' kull daqs attivi f'Malta fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta' qmuħ u prodotti simili oħra li huma affettwati mill-kriżi ġeopolitika attwali u s-sanzjonijiet relatati.

Il-Kummissjoni sabet li l-iskema Maltija hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet. B'mod partikolari, (i) il-maturità tas-self hija limitata għal sentejn; (ii) ir-rati annwali tal-imgħax fuq is-self jirrispettaw il-livelli minimi stabbiliti fil-Qafas Temporanju; u (iii) il-kuntratti ta' self se jiġu ffirmati sal-31 ta' Diċembru 2022.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura Maltija hija meħtieġa, xierqa u proporzjonata biex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru, f'konformità mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet.

Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni approvat il-miżura skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Sfond

Fit-23 ta' Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat Qafas Temporanju għall-Kriżijiet li jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibbiltà sħiħa prevista skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex isostnu l-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jipprevedi t-tipi ta' għajnuna li ġejjin, li jistgħu jingħataw mill-Istati Membri:

  • Ammonti limitati ta' għajnuna, fi kwalunkwe forma, sa EUR 35,000 għal kumpaniji milquta mill-kriżi, attivi fis-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura u sa EUR 400,000 lil kull kumpanija affettwata mill-kriżi, attiva fis-setturi l-oħra kollha;
  • Appoġġ ta' likwidità fil-forma ta' garanziji mill-Istat u self issussidjat; kif ukoll
  • Għajnuna biex tikkumpensa għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija. L-għajnuna, li tista' tingħata fi kwalunkwe forma, tikkumpensa parzjalment lill-kumpaniji, b'mod partikolari lill-utenti intensivi tal-enerġija, għal spejjeż addizzjonali minħabba żidiet eċċezzjonali fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriċità. L-għajnuna globali għal kull benefiċjarju ma tistax taqbeż it-30 % tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta' EUR 2 miljun fi kwalunkwe mument partikolari. Meta l-kumpanija ġġarrab telf operatorju, tista' tkun meħtieġa aktar għajnuna biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-attività ekonomika. Għalhekk, għall-utenti li jużaw ħafna enerġija, l-intensitajiet tal-għajnuna jkunu ogħla u l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna li taqbeż dawn il-limiti, sa EUR 25 miljun, u għal kumpaniji attivi f'setturi u sottosetturi partikolarment affettwati, sa EUR 50 miljun.

Entitajiet sanzjonati u kkontrollati mir-Russja jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-miżuri.

Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jinkludi għadd ta' salvagwardji:

  • Metodoloġija proporzjonali, li titlob rabta bejn l-ammont ta' għajnuna li jista' jingħata lin-negozji u l-iskala tal-attività ekonomika tagħhom u l-espożizzjoni għall-effetti ekonomiċi tal-kriżi;
  • Kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà, pereżempju d-definizzjoni ta' utenti li jużaw ħafna enerġija bħala negozji li għalihom ix-xiri ta' prodotti tal-enerġija jammonta għal mill-inqas 3 % tal-valur tal-produzzjoni tagħhom; kif ukoll

Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet ikun fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2022. Bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, qabel din id-data l-Kummissjoni se tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn ta' estensjoni. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tħalli l-kontenut u l-ambitu tal-Qafas taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi fir-rigward tas-swieq tal-enerġija, swieq tad-dħul u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali.

Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jikkomplementa l-bosta possibbiltajiet tal-Istati Membri li jfasslu l-miżuri f'konformità mar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, ir-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jgħinu lill-kumpaniji li jħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' likwidità u li jkunu jeħtieġu għajnuna urġenti ta' salvataġġ. Barra minn hekk, l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Istati Membri jikkumpensaw lill-kumpaniji għad-dannu kkawżat direttament minn okkorrenza eċċezzjonali, bħal dawk ikkawżati mill-kriżi attwali.

Barra minn hekk, fid-19 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. Il-Qafas Temporanju tal-COVID ġie emendat fit- 3 ta' Aprilfit-8 ta' Mejjufid-29 ta' Ġunjufit-13 ta' Ottubru 2020, fit-28 ta' Jannar u fit-18 ta' Novembru 2021.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni se tkun disponibbli bin-numru tal-każ SA.102758 fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat u fis-sit tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista' jkun hemm. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet marbutin mal-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fil-Competition Weekly e-News.

Aktar informazzjoni dwar il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet u azzjonijiet oħra meħuda mill-Kummissjoni biex tindirizza l-impatt ekonomiku tal-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja tista' tinstab hawnhekk.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta