Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 3 Marzu 2022
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 3 min qari

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tapprova l-mappa tal-għajnuna reġjonali għall-2022–2027 għal Malta

rag

Il-Kummissjoni Ewropea approvat skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, il-mappa ta' Malta għall-għoti ta' għajnuna reġjonali mill-1 ta' Jannar 2022 sal-31 ta' Diċembru 2027, fil-qafas tal-Linji Gwida riveduti dwar l-Għajnuna Reġjonali (“RAG”).

Ir-RAG riveduti, adottati mill-Kummissjoni fid-19 ta' April 2021 u fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2022, jippermettu lill-Istati Membri jappoġġaw lir-reġjuni Ewropej li huma l-inqas favoriti biex ilaħħqu u jnaqqsu d-disparitajiet f'termini ta' benesseri ekonomiku, dħul u qgħad - objettivi ta' koeżjoni li huma fil-qalba tal-Unjoni. Huma jipprovdu wkoll aktar possibbiltajiet għall-Istati Membri biex jappoġġaw lir-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi ta' tranżizzjoni jew strutturali bħad-depopolazzjoni, biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Fl-istess ħin, ir-RAG riveduti jżommu salvagwardji b'saħħithom biex jipprevjenu lill-Istati Membri milli jużaw il-flus pubbliċi biex jiskattaw ir-rilokazzjoni tal-impjiegi minn Stat Membru tal-UE għal ieħor, li hija essenzjali għall-kompetizzjoni ġusta fis-Suq Uniku.

Il-mappa tal-għajnuna reġjonali ta' Malta tiddefinixxi r-reġjuni Maltin eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment reġjonali. Il-mappa tistabbilixxi wkoll l-intensitajiet massimi tal-għajnuna fir-reġjuni eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna hija l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Istat li jista' jingħata għal kull benefiċjarju, espress bħala perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

Skont ir-RAG riveduti, reġjuni li jkopru sa 70 % tal-popolazzjoni ta' Malta jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment reġjonali, skont id-deroga tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (l-hekk imsejħa żoni “c”).

Sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali, Malta indikat bħala l-hekk imsejħa żoni “c” mhux predefiniti, il-gżejjer kollha ta' Għawdex u ta' Kemmuna u parti mill-gżira ewlenija ta' Malta, li tkopri 69.96 % tal-popolazzjoni ta' Malta. F'dawk iż-żoni, l-intensitajiet massimi tal-għajnuna għal intrapriżi kbar se jvarjaw bejn 10 % u 15 %, skont il-PDG per capita taż-żona.

Fiż-żoni kollha msemmija hawn fuq, l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jistgħu jiżdiedu b' 10 punti perċentwali għal investimenti magħmula minn impriżi ta' daqs medju u b' 20 punti perċentwali għal investimenti magħmula minn impriżi żgħar, għall-investimenti inizjali tagħhom bi spejjeż eliġibbli sa EUR 50 miljun.

Kuntest

L-Ewropa dejjem ġiet ikkaratterizzata minn inugwaljanzi reġjonali sinifikanti f'termini tal-benessri ekonomiku, l-introjtu u l-qgħad. L-għajnuna reġjonali għandha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni żvantaġġati tal-Ewropa, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri. 

Fil-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali (RAG), il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skont tagħhom l-għajnuna reġjonali tista' titqies kompatibbli mas-suq intern, kif ukoll il-kriterji għall-identifikazzjoni taż-żoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 107(3)(a) u (c) tat-TFUE (żoni “a” u “c” rispettivament). L-Annessi tal-Linji Gwida jidentifikaw ir-reġjuni l-aktar żvantaġġati, l-hekk imsejħa żoni “a”, li jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni li l-PDG per capita tagħhom huwa inqas minn jew ugwali għal 75 % tal-medja tal-UE, u ż-żoni “c” predefiniti, li jirrappreżentaw dawk li qabel kienu żoni “a” u żoni skarsament popolati.

L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw l-hekk imsejħa żoni “c” mhux predefiniti, sa kopertura “c” massima predefinita (li għalihom iċ-ċifri huma disponibbli wkoll fl-Annessi I u II tal-Linji Gwida) u f'konformità ma' ċerti kriterji. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw il-proposta tagħhom għal mapep ta' għajnuna reġjonali lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-lum se tkun disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.100839 (fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat) fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet marbutin mal-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fil-Competition Weekly e-News.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
3 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta