Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għandha l-pjaċir tippubblika r-Rapport Nazzjonali tal-aħħar Stħarriġ Standard tal-Ewrobarometru (EB98).
Ir-rapport nazzjonali jindika s-sejbiet ewlenin tal-ħidma fil-post li saret bejn it-12 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2023. B’kollox saru 504 intervisti ma’ nies li jgħixu Malta, ta’ 15-il sena jew aktar. Ir-rapport ikopri għadd ta’ suġġetti: il-perċezzjonijiet tal-persuni intervistati dwar is-sitwazzjoni personali tagħhom, Malta u s-sitwazzjoni ekonomika u tagħha, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, il-politiki tal-Unjoni Ewropea, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet; u l-mezzi tax-xandir u s-sorsi tal-aħbarijiet.
Perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni personali
Il-perċezzjonijiet tal-persuni intervistati f’Malta dwar is-sitwazzjoni personali tagħhom kienu pożittivi ħafna. 94 % ta’ dawk intervistati qalu li huma sodisfatti bil-ħajja li jgħixu.
Meta ntalbu jagħżlu l-aktar żewġ kwistjonijiet importanti li qed jiffaċċjaw bħalissa minn sett definit ta’ kwistjonijiet, dawk intervistati semmew l-aktar iż-żieda fil-prezzijiet u l-ambjent u t-tibdil fil-klima.
46 % ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li jistennew li ħajjithom b’mod ġenerali titjieb fit-12-il xahar li ġejjin, filwaqt li 91 % iddeskrivew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-unità domestika tagħhom bħala tajba ħafna jew pjuttost tajba.
Malta u s-sitwazzjoni ekonomika tagħha
Il-fehmiet ta’ dawk intervistati dwar il-kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja Malta jikkonċernaw iż-żieda fil-prezzijiet (61 %) u l-kriminalità (26 %). L-immigrazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima kull wieħed issemmew minn 15 % ta’ dawk intervistati. 73 % ta’ dawk intervistati kellhom it-tendenza li jkollhom fehmiet pożittivi dwar is-sitwazzjoni f’Malta, u ddeskrivew is-sitwazzjoni attwali f’Malta bħala tajba ħafna jew pjuttost tajba.
Il-perċezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
Din il-mewġa tal-Ewrobarometru kkonfermat għal darb’oħra l-perċezzjonijiet pożittivi ħafna f’Malta dwar l-Unjoni Ewropea: 73 % ta’ dawk intervistati kienu ottimisti ħafna jew pjuttost ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.
Dawk intervistati f’Malta jqisu s-sħubija fl-UE bħala xi ħaġa pożittiva ħafna għall-pajjiż, u 76 % qalu li ma jaqblux mal-istqarrija li Malta tista’ tiffaċċja il-futur aħjar jekk tkun barra mill-UE. 61 % ta’ dawk intervistati qalu li huma favur l-idea li jittieħdu aktar deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, u l-aktar riżultati importanti tas-sħubija fl-UE kienu l-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi; l-ewro u l-paċi fost l-Istati Membri tal-UE.
Malta għandha punteġġ ogħla mill-medja tal-UE f’dak li jirrigwarda l-opinjonijiet favorevoli dwar l-UE, u kien hemm prevalenza ta’ opinjonijiet pożittivi fost dawk ta’ bejn 15 u 24 sena. 83 % ta’ dawk intervistati jemmnu li NextGenerationEU, il-pjan tal-Unjoni li jappoġġa l-ekonomija permezz ta’ għotjiet u self, kien miżura effettiva biex twieġeb għall-isfidi ekonomiċi attwali.
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna
70 % ta’ dawk intervistati f’Malta huma sodisfatti ħafna jew pjuttost sodisfatti bir-rispons mill-Gvern ta’ Malta għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna, u 68 % huma sodisfatti bir-rispons tal-UE. Intlaħqu wkoll livelli għoljin ta’ opinjoni pożittiva meta jitqiesu d-difiża tal-valuri Ewropej min-naħa tal-UE u l-għoti tagħha ta’ appoġġ umanitarju lill-persuni affettwati mill-gwerra. 80 % ta’ dawk intervistati jqisu wkoll li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja hija theddida għas-sigurtà ta’ Malta.
Il-mezzi tax-xandir u s-sorsi tal-aħbarijiet
Sett ieħor ta’ mistoqsijiet ittratta l-użu tal-mezzi tax-xandir u s-sorsi tal-aħbarijiet. 88 % ta’ dawk intervistati f’Malta jużaw l-internet kuljum, speċjalment bħala sors ewlieni ta’aħbarijiet dwar kwistjonijiet Ewropej. Filwaqt li 90 % ta’ dawk intervistati qalu li spiss jiltaqgħu mad-diżinformazzjoni, 54 % jemmnu li l-mezzi tax-xandir Maltin ma jipprovdux informazzjoni affidabbli, u 59 % ma jemmnux li l-mezzi tax-xandri jipprovdu informazzjoni ħielsa minn pressjoni politika u kummerċjali.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 20 Marzu 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta