Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet10 Frar 20215 min qari

Il-Viċinat tan-Nofsinhar: l-UE tipproponi Aġenda ġdida għall-Mediterran

new_agenda-for_mediterranean.jpg
© EU
Sabiex iniedu mill-ġdid u jsaħħu s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha tal-Viċinat tan-Nofsinhar, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli llum adottaw komunikazzjoni konġunta li tipproponi Aġenda ġdida ambizzjuża u innovattiva għall-Mediterran.

L-Aġenda l-ġdida hija bbażata fuq il-konvinzjoni li meta naħdmu flimkien u fl-ispirtu ta' sħubija, l-isfidi komuni jistgħu jinbidlu f'opportunitajiet, fl-interess reċiproku tal-UE u tal-pajjiżi ġirien tagħha tan-Nofsinhar. Din tinkludi Pjan Ekonomiku u ta' Investiment ddedikat biex tingħata spinta lill-irkupru soċjoekonomiku fit-tul fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Taħt l-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) tal-UE, se jiġu allokati sa EUR 7 biljun għall-perjodu 2021–2027 għall-implimentazzjoni tal-Aġenda, u li jista' jimmobilizza sa EUR 30 biljun f'investiment privat u pubbliku fir-reġjun fid-deċennju li jmiss.

Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President Josep Borrell qal: Din il-Komunikazzjoni tibgħat messaġġ kruċjali dwar l-importanza li nagħtu lill-Viċinat tan-Nofsinhar. Sħubija Mediterranja msaħħa tibqa' strateġikament importanti għall-Unjoni Ewropea. 25 sena wara d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona u 10 snin wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-isfidi fil-Mediterran – li ħafna minnhom jirriżultaw minn xejriet globali – għadhom diffiċli. Biex nindirizzaw dawn l-isfidi, jeħtieġ li nġeddu l-isforzi reċiproki tagħna u naġixxu flimkien mill-qrib bħala sħab, fl-interess tagħna lkoll. Dan huwa l-qofol ta' din l-Aġenda l-ġdida. Aħna determinati li naħdmu flimkien mas-Sħab tagħna tan-Nofsinhar fuq Aġenda ġdida li se tiffoka fuq in-nies, speċjalment in-nisa u ż-żgħażagħ, u tgħinhom jissodisfaw it-tamiet tagħhom għall-futur, igawdu d-drittijiet tagħhom u jibnu Viċinat tan-Nofsinhar paċifiku, sigur, aktar demokratiku, ekoloġiku, prosperu u inklużiv.”

Il-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir Olivér Várhelyi żied jgħid: “Bis-Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar qed nippreżentaw bidu ġdid fir-relazzjonijiet tagħna mas-sħab tan-Nofsinhar tagħna. Abbażi tal-interessi u l-isfidi komuni; żviluppata flimkien mal-pajjiżi ġirien tagħna. Dan juri li l-Ewropa trid tikkontribwixxi direttament għal viżjoni fit-tul ta' prosperità u stabbiltà tar-reġjun, speċjalment fl-irkupru soċjali u ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19. Fi djalogu mill-qrib mas-sħab tagħna, identifikajna għadd ta' setturi prijoritarji, mill-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, l-investiment fil-kapital uman jew il-governanza tajba. Inqisu l-migrazzjoni bħala sfida komuni, fejn aħna lesti naħdmu flimkien mas-sħab tagħna għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u t-traffikanti peress li dawn huma riskju għalina lkoll. Se naħdmu flimkien biex inġibu bidla reali fil-prattika għall-benefiċċju kemm tal-pajjiżi ġirien tagħna kif ukoll tal-Ewropa!”

L-aġenda l-ġdida tibbaża fuq is-sett sħiħ ta' għodod tal-UE u tipproponi li ningħaqdu flimkien fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tħaffif tat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali u nisfruttaw il-potenzjal tagħhom, biex inġeddu l-impenn tagħna għal valuri komuni, biex nindirizzaw b'mod konġunt l-ispostament furzat u l-migrazzjoni, u biex insaħħu l-unità u d-determinazzjoni tal-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tal-Viċinat tan-Nofsinhar fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran. Din tiffoka fuq ħames oqsma ta' politika:

  • Żvilupp tal-bniedem u governanza tajba u l-istat tad-dritt: inġeddu l-impenn kondiviż għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza responsabbli;
  • Reżiljenza, prosperità u tranżizzjoni diġitali: nappoġġaw l-ekonomiji reżiljenti, inklużivi, sostenibbli u konnessi li joħolqu opportunitajiet għal kulħadd, speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ;
  • Paċi u sigurtà: nagħtu appoġġ lill-pajjiżi biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà u jsibu soluzzjonijiet għall-kunflitti li għadhom għaddejjin,
  • Migrazzjoni u mobilità: nindirizzaw b'mod konġunt l-isfidi tal-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari u niffaċilitaw il-perkorsi sikuri u legali għall-migrazzjoni u l-mobilità,
  • Tranżizzjoni ekoloġika: reżiljenza għat-tibdil fil-klima, enerġija u ambjent: nieħdu vantaġġ mill-potenzjal ta' futur b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, nipproteġu r-riżorsi naturali tar-reġjun u noħolqu t-tkabbir ekoloġiku.

Il-Pjan ta' Investiment Ekonomiku ddedikat għall-Pajjiżi Ġirien tan-Nofsinhar għandu l-għan li jiżgura li l-kwalità tal-ħajja tan-nies fir-reġjun titjieb u li l-irkupru ekonomiku, inkluż wara l-pandemija tal-COVID-19, ma jħalli lil ħadd jibqa' lura. Il-pjan jinkludi inizjattivi ewlenin preliminari biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, tinbena l-prosperità u jiżdiedu l-kummerċ u l-investiment għall-appoġġ tal-kompetittività u t-tkabbir inklużiv. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma parti integrali tas-sħubija tagħna u huma essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet.

Sfond

Fl-1995, id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona nediet is-Sħubija Ewro-Mediterranja bl-objettiv li tinħoloq żona ta' paċi, prosperità kondiviża, u skambji umani u kulturali. L-aħħar rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat sar fl-2015.

25 sena wara, ir-reġjun tal-Mediterran qed jiffaċċja għadd ta' sfidi ta' governanza, soċjoekonomiċi, klimatiċi, ambjentali u ta' sigurtà, aggravati mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2020 enfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata Aġenda ġdida għall-Viċinat tan-Nofsinhar u stenna bil-ħerqa l-Komunikazzjoni Konġunta.

L-Aġenda l-ġdida għall-Mediterran se tiggwida l-politika tal-UE lejn ir-reġjun u l-ipprogrammar pluriennali taħt l-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) tal-UE fil-livelli reġjonali u bilaterali. L-UE se twettaq rieżami ta' nofs it-terminu tal-Komunikazzjoni Konġunta sal-2024.

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni Konġunta dwar is-sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar

Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Pajjiżi Ġirien tan-Nofsinhar 

Skeda informattiva – Lejn sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar

Skeda informattiva - Is-sħubija bejn l-UE u l-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha

Infografiċi:

L-Alġerija

L-Eġittu

Iżrael 

Il-Ġordan

Il-Libanu

Il-Libja

Il-Marokk

Il-Palestina*

Is-Sirja

It-Tuneżija

* Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala rikonoxximent ta' Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri rigward din il-kwistjoni.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Frar 2021