
Illum, Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Greċja, lil Malta u lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jipprovdi u joperaw servizzi ta' kollegament tad-data għall-operaturi kollha ta' inġenji tal-ajru mgħammra kif xieraq li jtiru fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom.
L-iskadenza għall-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru biex joperaw is-servizzi ta' kollegament tad-data skadiet u n-nuqqas ta' tagħmir f'ċerti ċentri ta' kontroll effettivament qed jipprevjeni lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, li kienu mitluba wkoll li jgħammru rwieħhom bit-teknoloġija, milli jużaw is-servizzi ta' kollegament tad-data. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur f'Mejju 2020 u bagħtet opinjonijiet motivati f'Lulju 2021. Peress li dawk l-Istati Membri għadhom jiksru r-Regolament, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti.
Kuntest
Is-sistemi ta' kollegament tad-data jintużaw biex tintbagħat informazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u huma komplementari għall-komunikazzjonijiet tradizzjonali bil-vuċi użati bejn il-kabina tal-pilota u ċ-ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. L-użu ta' din it-teknoloġija interoperabbli fl-Ewropa hu essenzjali biex titjieb l-effiċjenza tal-komunikazzjonijiet bejn il-bdoti u l-kontrolluri, u b'hekk jiżdiedu l-kapaċità u s-sigurtà tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 29/2009, flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-TUE, kull Stat Membru huwa mitlub jieħu miżuri sabiex il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jkunu jistgħu jipprovdu u joperaw dawn is-servizzi ta' kollegament tad-data.
Għal aktar informazzjoni
Ir-Regolament dwar il-Kollegament tad-Data (ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) 29/2009)
Id-deċiżjonijiet ewlenin fil-pakkett ta' ksur ta' Lulju 2022
Il-proċedura ta' ksur tal-UE
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 15 Lulju 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta