
Illum il-Kummissjoni ppubblikat il-ħamesRapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, li jeżamina b'mod sistematiku u oġġettiv l-iżviluppi tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha fuq bażi ugwali. Meta mqabbla mal-ewwel ħarġa tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt adottat fl-2020, l-Istati Membri u l-UE kollha kemm hi huma mħejjija ħafna aħjar biex jidentifikaw, jipprevjenu u jindirizzaw l-isfidi emerġenti. Dan jikkontribwixxi għar-reżiljenza tad-demokraziji Ewropej tagħna u għall-fiduċja reċiproka fl-UE. Jikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u huwa ta' benefiċċju għall-ambjent tan-negozju li jrawwem il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli.
Sa mill-ewwel pubblikazzjoni tiegħu fl-2020, ir-rapport sar mutur veru ta' riformi pożittivi: Żewġ terzi (68 %) tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fl-2023 ġew indirizzati kompletament jew parzjalment. Madankollu, f'xi Stati Membri għad hemm tħassib sistematiku u s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora. Dan it-tħassib huwa indirizzat fir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' din is-sena. Ma hemm l-ebda rakkomandazzjoni għall-pajjiżi tat-tkabbir f'dan ir-rapport peress li r-rakkomandazzjonijiet għal dawn il-pajjiżi jinħarġu esklussivament fil-kuntest tal-Pakkett Annwali tat-Tkabbir.
Għall-ewwel darba, ir-rapport ta' din is-sena jinkludi,erba' kapitoli tal-pajjiżi dwar l-iżviluppi fl-Albanija, fil-Montenegro, fil-Maċedonja ta' Fuq u fis-Serbja. L-inklużjoni ta' dawn il-pajjiżi tat-tkabbir fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt, l-aktar wieħed avvanzat fil-proċess, se tappoġġa l-isforzi ta' riforma tagħhom, tgħin lill-awtoritajiet jagħmlu aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni u jħejju għat-tkomplija tal-ħidma fuq l-istat tad-dritt bħala Stati Membri futuri.
Aktar minn 7 minn kull 10 ċittadini tal-UE jaqblu li l-UE għandha rwol importanti biex tgħin fil-ħarsien tal-istat tad-dritt f'pajjiżhom, skont stħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru ppubblikat illum. Kważi 9 minn kull 10 ċittadini tal-UE jqisu importanti li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw il-valuri fundamentali tal-UE, opinjoni stabbli mill-2019. Barra minn hekk, is-sentiment ta' informazzjoni dwar il-valuri fundamentali tal-UE tjieb b'mod sinifikanti f'ħafna pajjiżi: b'mod ġenerali, 51 % taċ-ċittadini tal-UE jħossuhom infurmati tajjeb dwar il-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt tal-UE, meta mqabbla ma' 43 % fl-2019.
Bħal ma jagħmel kull sena, ir-rapport tal-2024, jinkludi Komunikazzjoni li teżamina s-sitwazzjoni fl-UE kollha kemm hi u 27 kapitolu tal-pajjiżi li jagħtu ħarsa lejn żviluppi sinifikanti f'kull Stat Membru. Ir-rapport jinkludi wkoll valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-sena l-oħra u, fuq dik il-bażi, għal darb'oħra jipprovdi, rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri kollha.
Ir-rapport ikopri erba' pilastri: is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, l-oqfsa kontra l-korruzzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni, kif ukoll kontrolli u bilanċi istituzzjonali oħrajn.
Sejbiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin
1. Ir-riformi fil-qasam tal-Ġustizzja
Ir-riformi tal-ġustizzja komplew ikunu fuq quddiem fl-aġenda politika matul l-aħħar sena, b'ħafna Stati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-2023 u jimplimentaw ir-riformi miftiehma fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Diversi Stati Membri bdew jew komplew javvanzaw b'riformi importanti biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja. Huma wettqu sforzi leġiżlattivi biex isaħħu l-indipendenza u l-effettività tal-Kunsilli tal-Ġudikatura, biex itejbu l-proċeduri ta' ħatra ġudizzjarja, inkluż fir-rigward tal-ogħla qrati tagħhom, jew biex isaħħu l-awtonomija tas-servizzi ta' prosekuzzjoni. Fl-istess ħin, għad hemm xi tħassib sistemiku fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja u ġew osservati każijiet speċifiċi ta' deterjorament. L-Istati Membri introduċew ukoll miżuri biex itejbu l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġustizzja, kif ukoll biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja. Madankollu, f'diversi Stati Membri, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u l-prosekuturi hija ta' tħassib u wasslet għal sfidi għar-reklutaġġ ta' persunal ġudizzjarju kwalifikat.
Konsegwentement, ir-rapport ta' din is-sena jirrakkomanda lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi bħall-ħtieġa ta' salvagwardji fil-proċeduri tal-ħatra ġudizzjarja kemm għall-imħallfin fil-qrati inferjuri kif ukoll f'pożizzjonijiet ta' livell għoli, l-awtonomija tas-servizz tal-prosekuzzjoni jew il-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-ġudikatura, inkluż fir-rigward tas-salarji.
Fil-pajjiżi tat-tkabbir, twettqu riformi importanti, inkluż fil-livell kostituzzjonali, biex jissaħħu l-indipendenza ġudizzjarja u l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar xogħol, b'mod partikolari f'oqsma relatati mal-funzjonament tal-korpi awtonomi tal-ġudikatura u dwar il-ħatriet ġudizzjarji.
2. L-oqsfa kontra l-korruzzjoni
Il-korruzzjoni għadha ta' tħassib serju għaċ-ċittadini u n-negozji fl-UE, skont ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali u tal-Ewrobarometru Flash tal-2024 dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini u tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE.
Ir-riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali juru li l-Ewropej għadhom imħassba dwar l-isforzi tal-gvernijiet nazzjonali biex jindirizzaw il-korruzzjoni: 65 % taċ-ċittadini jemmnu li każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli mhumiex segwiti biżżejjed, u 30 % biss jaħsbu li l-isforzi tal-gvern biex jiġġieled il-korruzzjoni huma effettivi. Bl-istess mod, 51 % tal-kumpaniji bbażati fl-UE jaħsbu li n-nies jew in-negozji involuti fi prattiki korrotti jinqabdu mill-awtoritajiet jew jiġu rrapportati lilhom. Minn dawn il-kumpaniji, madwar tliet kwarti jaħsbu li rabtiet mill-qrib wisq bejn in-negozju u l-politika jwasslu għall-korruzzjoni (79 %) u li l-favoritiżmu u l-korruzzjoni jimminaw il-kompetizzjoni tan-negozju (74 %). Madwar l-UE, medja ta' 68 % taċ-ċittadini u 64 % tal-kumpaniji bbażati fl-UE jqisu li l-korruzzjoni hija mifruxa fl-Istati Membri tagħhom.
Mis-sena l-oħra, l-Istati Membri tejbux-xenarju istituzzjonali tagħhom biex jiġġieldu aħjar il-korruzzjoni, inkluż billi żiedu r-riżorsi dwar il-kapaċità tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u l-ġudikatura. Fl-istess ħin, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jissaħħu l-oqfsa preventivi, bħal dawk li jirregolaw il-lobbying u l-kunflitti ta' interess u r-regoli dwar id-dikjarazzjoni tal-assi, kif ukoll biex jiġu żgurati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi ta' każijiet ta' korruzzjoni. Dan huwa rifless fir-rakkomandazzjonijiet ta' din is-sena.
Fil-pajjiżi tat-tkabbir, issaħħew l-arranġamenti legali u istituzzjonali, għalkemm l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni jeħtieġ li jissaħħu aktar.
3. Libertà u pluraliżmu tal-mezzi tax-xandir
Mill-aħħar Rapport dwar l-Istat tad-Dritt, diversi Stati Membri ħadu passi konkreti biex biex itejbu s-sikurezza u l-ambjent tax-xogħol tal-ġurnalisti, anke fid-dawl tal-inizjattivi tal-Kummissjoni bħall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA), diġà fis-seħħ u applikabbli bis-sħiħ minn Awwissu 2025, id- “direttiva u r-rakkomandazzjoni “kontra s-SLAPP” u r- r-Rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti.
Barra minn hekk, żdiedu l-kompiti u l-kompetenzi ta' diversi regolaturi nazzjonali tal-mezzi tax-xandir u ġew estiżi, anke minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Att tal-UE dwar is-Servizzi Diġitali, kif ukoll ġew stabbiliti r-reġistri ġodda tas-sjieda online jew ġew estiżi.
Madankollu, għad hemm tħassib f'diversi Stati Membri fir-rigward tal-governanza indipendenti jew l-istabbiltà finanzjarja tax-xandara tal-mezzi tax-xandir tas-servizz pubbliku, it-trasparenza tas-sjieda tal-media, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti pubbliċi u l-allokazzjoni trasparenti u ġusta tar-reklamar mill-Istat. Għal darb'oħra, il-Kummissjoni ħarġet diversi rakkomandazzjonijiet dwar dawn l-oqsma kollha, inkluża wkoll is-sikurezza tal-ġurnalisti.
Jeżistu sfidi fil-pajjiżi tat-tkabbir, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda tal-media, l-indipendenza tar-regolaturi jew tal-mezzi tax-xandir tas-servizzi pubbliċi u s-sikurezza tal-ġurnalisti, għalkemm twettqu wkoll riformi f'xi wħud minnhom biex jiġu indirizzati xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet.
4. Kontrolli u bilanċi istituzzjonali
L-Istati Membri komplew itejbu l-kwalità tal-proċessi leġiżlattivi tagħhom u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati f'dawn il-proċessi - xejra osservata wkoll fir-Rapporti preċedenti dwar l-Istat tad-Dritt. Xi Stati Membri saħħew l-istatus u r-riżorsi tal-istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Ombudspersons, u awtoritajiet indipendenti oħra. Inizjattivi biex jissaħħaħ il-qafas għas-soċjetà ċivili u l-finanzjament tagħha komplew ukoll f'diversi Stati Membri.
Madankollu, għad hemm sfidi f'diversi Stati Membri, bħall-użu eċċessiv ta' proċeduri aċċellerati jew il-kwalità ġenerali tat-tfassil tal-liġijiet, kif ukoll f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw dejjem aktar sfidi, restrizzjonijiet legali, u attakki, inklużi restrizzjonijiet sistemiċi għall-operazzjonijiet tagħhom f'ċerti Stati Membri. Din hija xejra inkwetanti li diġà ġiet innotata fir-rapport preċedenti.
Biex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet relatati mal-funzjonament tal-proċess leġiżlattiv, l-istabbiliment u l-funzjonament ta' awtoritajiet indipendenti u l-ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili.
Fil-pajjiżi tat-tkabbir, għad fadal sfidifir-rigward tas-segwitu sistematiku għar-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Ombudsperson u korpi indipendenti oħra. Qed jiġu osservati wkoll sfidi fir-rigward tal-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni issa tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex ikomplu d-dibattiti ġenerali u speċifiċi għall-pajjiż abbażi ta' dan ir-rapport, filwaqt li jużaw ukoll ir-rakkomandazzjonijiet biex jeżaminaw aktar kif jista' jsir progress konkret. Il-Kummissjoni tappella wkoll lill-Parlamenti nazzjonali, lis-soċjetà ċivili, u lil partijiet ikkonċernati u atturi ewlenin oħra, biex ikomplu d-djalogu nazzjonali dwar l-istat tad-dritt, kif ukoll fil-livell Ewropew, b'involviment akbar taċ-ċittadini. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jaċċettaw b'mod effettiv l-opportunitajiet u l-isfidi identifikati fir-rapport, peress li tinsab lesta li tassistihom fl-isforzi tagħhom biex ikomplu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Kif ħabbret il-President von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi 2024–2029 tagħha, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tagħha, u ssaħħaħ il-kontrolli u l-bilanċi, b'mod partikolari billi ssegwi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat li r-rapport iħares lejn il-kwistjonijiet kollha madwar l-Ewropa, se tiżdied dimensjoni tas-Suq Uniku fir-rapport. Din se tindirizza kwistjonijiet tal-istat tad-dritt li jaffettwaw lill-kumpaniji, speċjalment l-intrapriżi Żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li joperaw bejn il-fruntieri.
Għall-pajjiżi tat-tkabbir, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-kwistjonijiet identifikati, inkluż fir-rapporti annwali tagħha li jmiss dwar it-tkabbir. Aktar pajjiżi tat-tkabbir se jiġu inklużi fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt kif ikunu lesti.
Sfond
L-Istat tad-dritt huwa kruċjali għal kull ċittadin u negozju fl-UE peress li huwa prekundizzjoni għar-rispett ta' valuri oħra. Dan jiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati f'konformità ma' sett ta' valuri demokratiċi fundamentali, jiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u jappoġġa ambjent tan-negozju favorevoli għall-investiment. Huwa parti integrali mill-identità nnifisha tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt huwa r-riżultat ta' djalogu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati u jkopri l-Istati Membri kollha u erba' pajjiżi tat-tkabbir fuq il-bażi tal-istess metodoloġija oġġettiva u trasparenti, filwaqt li jeżamina l-istess sett ta' kwistjonijiet f'kull pajjiż. Il-valutazzjoni kwalitattiva mwettqa mill-Kummissjoni tiffoka fuq l-iżviluppi sinifikanti mill-adozzjoni tar-raba' Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt f'Lulju 2023, filwaqt li tibqa' proporzjonata għall-iżviluppi.
Ir-rapport jinsab fiċ-ċentru taċ-Ċiklu annwali tal-Istat tad-Dritt. Dan iċ-ċiklu annwali huwa preventiv - iservi biex jippromwovi l-istat tad-dritt u għandu l-għan li jżomm il-problemi milli jfeġġu jew li jkomplu jaggravaw. Huwa separat mill-elementi l-oħra fis-Sett ta' Għodod tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt u jikkomplementa, iżda ma jissostitwix, il-mekkaniżmi bbażati fit-Trattati li jippermettu lill-UE tirrispondi għal kwistjonijiet aktar serji li jolqtu l-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Dawn l-għodod jinkludu proċedimenti ta' ksur u l-proċedura ta' protezzjoni tal-valuri fundaturi tal-Unjoni skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Il-ħames edizzjoni tar-rapport tagħti rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri kollha, prattika li ġiet introdotta fl-2022. L-analiżi fiha wkoll valutazzjoni kwalitattiva tal-progress li sar mill-Istati Membri lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2023, filwaqt li jitqies il-kuntest ġenerali fl-Istati Membri. Skont il-progress li jkun sar fid-diversi subpartijiet ta' kull rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tagħha f'kull każ billi użat il-kategoriji li ġejjin biex issegwi l-iżviluppi: l-ebda progress, xi progress, progress sinifikanti u implimentazzjoni sħiħa.
Din is-sena r-rakkomandazzjonijiet tħejjew abbażi tal-valutazzjoni fil-kapitoli tal-pajjiżi u d-djalogu mal-Istati Membri kif ukoll b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' trattament ugwali. Meta ħarġet ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tat attenzjoni mill-qrib biex iżżommhom iffukati u ankrati fl-istandards Ewropej, u qieset is-sistemi legali nazzjonali. Barra minn hekk, il-konsistenza u s-sinerġiji ma' proċessi oħra, bħas-Semestru Ewropew, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità baġitarja u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma żgurati. Edizzjonijiet futuri tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt se jkomplu jħarsu lejn is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet ta' din is-sena. Ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jinqraw flimkien mal-valutazzjonijiet fil-kapitoli tal-pajjiżi li jeżaminaw tħassib speċifiku u huma maħsuba biex jiggwidaw lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jindirizzawhom.
Mill-2020, diversi inizjattivi ġodda tal-UE għollew l-istandards komuni f'oqsma b'rilevanza diretta għall-istat tad-dritt, abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ fil-kuntest ta' dan ir-rapport. Dan jinkludil-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media u l-Pakkett Kontra l-Korruzzjoni, inklużi proposti għal leġiżlazzjoni ġdida biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-UE u biex jissaħħaħ ir-reġim ta' sanzjonar tal-UE kontra l-korruzzjoni fid-dimensjoni esterna tal-UE.
Wara t-tħabbira fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023, l-inklużjoni ta' ċerti pajjiżi tat-tkabbir fir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt, flimkien mal-Istati Membri, se tappoġġa l-isforzi ta' riforma ta' dawn il-pajjiżi biex jinkiseb progress irriversibbli fid-demokrazija u l-istat tad-dritt qabel l-adeżjoni, u biex jiġu ggarantiti standards għoljin dejjiema wara l-adeżjoni. L-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja issa qed jipparteċipaw fl-eżerċizzju tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt, li jirrifletti l-progress li sar fil-proċess ta' adeżjoni rispettiv tagħhom, b'enfasi fuq l-avvanz tal-istat tad-dritt. Dan l-approċċ se jiġi estiż għal pajjiżi oħra tat-tkabbir fil-futur, skont il-progress tagħhom.
Għal Aktar Informazzjoni
Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2024
Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea
Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – Rakkomandazzjonijiet
Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – Kapitoli tal-Pajjiżi
Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt - Astratti u Rakkomandazzjonijiet tal-Kapitolu tal-Pajjiż
Ir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – Metodoloġija
Iċ-Ċiklu Annwali tal-Istat tad-Dritt – Skeda informattiva
Is-Sett ta' għodod tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt – Skeda informattiva
Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – Mistoqsijiet u Tweġibiet
Ewrobarometru Speċjali 553 dwar l-Istat tad-Dritt
Ewrobarometru 584 dwar l-attitudni taċ-ċittadini rigward il-korruzzjoni fl-UE
Ewrobarometru 542 dwar l-attitudni tan-negozji rigward il-korruzzjoni fl-UE
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 Lulju 2024
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta