Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet22 Marzu 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Id-dritt għat-tiswija: Il-Kummissjoni tintroduċi drittijiet ġodda tal-konsumatur fejn jidħlu tiswijiet faċli u att

Right to repair

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta ġdida dwar regoli komuni li jippromwovu t-tiswija ta' oġġetti, li se twassal biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiffrankaw il-flus u li tappoġġja l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi fost affarijiet oħra jitnaqqas l-iskart. Matul dawn l-aħħar deċennji kienet qed tingħata aktar importanza għas-sostituzzjoni tal-prodotti milli għat-tiswija tagħhom kull meta dawn joħorġilhom xi difett u ftit kienu jingħataw inċentivi lill-konsumaturi biex isewwu l-prodotti tagħhom wara li tkun skadiet il-garanzija. Il-proposta se tagħmilha aktar faċli u aktar kosteffettiva għall-konsumaturi biex isewwu minflok jissostitwixxu l-oġġetti. Barra minn hekk, jekk id-domanda tikber, dan jissarraf fi spinta lis-settur tat-tiswija filwaqt li l-produtturi u l-bejjiegħa jingħataw inċentiv biex jiżviluppaw mudelli ta' negozju aktar sostenibbli.

Il-proposta tal-lum se tiżgura li aktar prodotti jissewwew fi ħdan il-kuntest tal-garanzija legali, u li l-konsumaturi jkollhom għażliet aktar faċli u orħos biex isewwu prodotti li teknikament jistgħu jissewwew (bħal fil-każ tal-vacuum cleaners, jew, dalwaqt, it-tablets u smartphones) meta l-garanzija legali tkun skadiet jew meta l-oġġett ma jibqax jiffunzjona bħala riżultat tat-tkagħbir bl-użu.

Miżuri ġodda li jippromwovu u jiffaċilitaw it-tiswija u l-użu mill-ġdid

Il-proposta tintroduċi “dritt għat-tiswija” ġdid għall-konsumaturi, kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-garanzija legali.

Fi ħdan il-garanzija legali, il-bejjiegħa se jkunu obbligati joffru tiswija ħlief meta din tkun aktar għalja mis-sostituzzjoni.

Lil hinn mill-garanzija legali, se jkun disponibbli sett ġdid ta' drittijiet u għodod għall-konsumaturi biex jagħmlu t-“tiswija” għażla faċli u aċċessibbli:

  • Dritt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżiġu t-tiswija mingħand il-produtturi għal prodotti li teknikament ikunu jistgħu jissewwew skont id-dritt tal-UE, bħal fil-każ ta' makni tal-ħasil jew settijiet tat-televiżjoni. Dan jiggarantixxi li l-konsumaturi dejjem se jkollhom lejn min iduru meta jagħżlu li jsewwu l-prodotti tagħhom, apparti li l-produtturi jiġu mħajra jiżviluppaw mudelli ta' negozju aktar sostenibbli.
  • Obbligu ta' produttur li jinforma lill-konsumaturi dwar il-prodotti li huma obbligati li jsewwu huma stess.
  • Pjattaforma online ta' tlaqqigħ biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsibu lil min isewwi l-prodotti kif ukoll min ibiegħ prodotti msewwija fiż-żona fejn jgħixu. Il-pjattaforma se tippermetti li wieħed ikun jista' jfittex skont il-post u l-istandards tal-kwalità, tgħin lill-konsumaturi jsibu offerti attraenti, u żżid il-viżibbiltà ta' dawk li jsewwu.
  • Formola Ewropea ta' Informazzjoni dwar it-Tiswija li l-konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu mingħand kwalunkwe persuna jew azjenda li ssewwi, li ġġib trasparenza fil-kundizzjonijiet tat-tiswija u fil-prezz, u tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex iqabblu l-offerti ta' tiswija.
  • Se jiġi żviluppat standard Ewropew ta' kwalità għas-servizzi ta' tiswija biex jgħin lill-konsumaturi jidentifikaw lil dawk li jsewwu li jorbtu lilhom infushom b'impenn ta' kwalità ogħla. Dan l-istandard ta' “tiswija faċli” se jkun miftuħ għal dawk kollha li jsewwu madwar l-UE li jkunu lesti jimpenjaw ruħhom dwar standards minimi ta' kwalità, pereżempju abbażi tat-tul ta' ħajja, jew id-disponibbiltà tal-prodotti.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni issa trid tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

L-isfond

Ewrobarometru reċenti wera li 77 % tal-Ewropej iħossu responsabbiltà personali li jaġixxu biex jillimitaw it-tibdil fil-klima. Il-prodotti mormija spiss ikunu oġġetti vijabbli li jistgħu jissewwew iżda li ħafna drabi jintremew qabel iż-żmien, u dan jirriżulta f'35 miljun tunnellata ta' skart, 30 miljun tunnellata ta' riżorsi u 261 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE kull sena. Barra minn hekk, it-telf għall-konsumaturi li jagħżlu s-sostituzzjoni minflok it-tiswija huwa stmat li jilħaq kważi 12-il biljun fis-sena. Barra minn hekk, l-inizjattiva hija stmata li ġġib EUR 4.8 biljun fi tkabbir u investiment fl-UE.

Madankollu, spiss jiġri li l-konsumaturi jsibuha diffiċli li jsewwu l-prodotti tagħhom. L-inizjattiva tad-“dritt għat-tiswija” tikkomplementa diversi proposti oħra ppreżentati mill-Kummissjoni biex jinkiseb konsum sostenibbli matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' prodott, filwaqt li tistabbilixxi l-qafas għal “dritt għat-tiswija” reali madwar l-UE.

Din il-proposta hija parti mill-għan usa' tal-Kummissjoni Ewropea li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Dan jista' jseħħ biss jekk il-konsumaturi u n-negozji jkunu qed jikkunsmaw u jipproduċu b'mod aktar sostenibbli.

Il-proposta tad-“dritt għat-tiswija” tħabbret fl-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida u fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Hija tindirizza l-ostakli li minħabba fihom il-konsumaturi jaqtgħu qalbhom milli jsewwu minħabba inkonvenjenza, nuqqas ta' trasparenza jew aċċess diffiċli għas-servizzi ta' tiswija. Għalhekk hija tħeġġeġ it-tiswija bħala għażla ta' konsum aktar sostenibbli, li tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi u ambjentali skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Din l-inizjattiva tikkomplementa strumenti oħra li jsegwu l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ta' konsum sostenibbli permezz ta' tiswija. Min-naħa tal-provvista, ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli jippromwovi l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti fil-fażi tal-produzzjoni. Min-naħa tad-domanda, il-proposta għal Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika tippermetti lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri fil-punt tal-bejgħ. Din il-proposta ssaħħaħ in-naħa tad-domanda billi tippromwovi t-tiswija fil-fażi ta' wara l-bejgħ. It-tliet inizjattivi flimkien ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' prodott, filwaqt li jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

Barra minn hekk, l-inizjattiva dwar is-Sostantizzazzjoni ta' Pretensjonijiet Ekoloġiċi, adottata llum ukoll, se tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika permezz tal-għażliet ta' xiri tagħhom u twaqqaf lill-kumpaniji milli jagħmlu dikjarazzjonijiet qarrieqa dwar il-merti ambjentali tal-prodotti u s-servizzi tagħhom. Din l-inizjattiva tikkomplementa wkoll il-Proposta “Responsabbilizzazzjoni tal-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika” li tistabbilixxi l-qafas orizzontali kontra l-greenwashing.

Għal aktar Informazzjoni

Proposta għal Direttiva dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta' oġġetti

Il-promozzjoni tat-Tiswija u l-Użu mill-Ġdid — Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-promozzjoni tat-Tiswija u l-Użu mill-Ġdid — Sit web

Il-Proposta dwar id-Direttiva dwar Pretensjonijiet Ekoloġiċi

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: Regoli ġodda biex jitwaqqaf il- “greenwashing” — Stqarrija għall-istampa

Regoli ġodda dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi — Mistoqsijiet u Tweġibiet

Regoli ġodda dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi — Skeda informattiva

Inizjattiva dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi — Ambjent — Kummissjoni Ewropea — Sit web

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
22 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta