Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet2 Marzu 20214 min qari

Nipproteġu lill-konsumaturi Ewropej: Safety Gate tgħin b'mod effiċjenti biex prodotti perikolużi relatati mal-COVID-19 jitneħħew mis-suq

safety_gate_2020_alert_system.jpg
© EU
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar is-Safety Gate, li hija sistema ta' twissija rapida għal prodotti tal-konsumatur perikolużi u tgħin biex prodotti perikolużi mhux għall-ikel jitneħħew mis-suq.

Ir-rapport juri li l-għadd ta' azzjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet wara twissija qed jiżdied sena wara sena, u laħaq rekord ġdid ta' 5,377, meta mqabbel mal-4,477 fl-2019. Fl-2020 9 % tat-twissijiet kienu jikkonċernaw prodotti relatati mal-COVID-19, l-aktar maskri maħsuba biex jipproteġu iżda li jonqsu milli jagħmlu dan. Fost il-prodotti perikolużi relatati mal-COVID-19 li ġew notifikati fis-Safety Gate hemm diżinfettanti li fihom sustanzi kimiċi tossiċi, bħall-metanol li jekk jinbela' jista' jagħma jew saħansitra joqtol, jew sanitizzaturi li jaħdmu bil-UV li esponew lil min jużahom għal radjazzjoni qawwija li tikkawża irritazzjonijiet tal-ġilda. 

Didier Reynders, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, qal: “Is-Safety Gate uriet li hija reżiljenti għall-kriżijiet: matul il-pandemija tal-COVID-19 għenet biex tipproteġi lill-konsumaturi billi kienet għodda ewlenija għaċ-ċirkolazzjoni effiċjenti u rapida ta' informazzjoni dwar prodotti perikolużi, bħal maskri mhux sikuri jew diżinfettanti tossiċi, u tneħħihom mis-suq. B'għodod protettivi bħal din, id-drittijiet tal-konsumaturi jiġu garantiti aktar.”

Il-konstatazzjonijiet ewlenin tar-rapport

L-azzjoni ta' sorveljanza ffukat fuq prodotti relatati mal-COVID-19 li saru essenzjali għall-konsumaturi u għaldaqstant fl-2020 saru 161 twissija dwar maskri, 3 twissijiet dwar ġagagi speċifiċi, 13-il twissija dwar diżinfettanti tal-idejn u 18-il twissija dwar bozoz UV li suppost jiffunzjonaw bħala sterilizzaturi. It-twissijiet li jiġu ċċirkolati fis-sistema se jissuktaw din is-sena.

Fl-2020, l-awtoritajiet minn 31 pajjiż parteċipanti fin-netwerk tas-Safety Gate (l-Istati Membri tal-UE flimkien man-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u r-Renju Unit) skambjaw 2,253 twissija dwar prodotti perikolużi permezz tas-sistema. Huma rreaġixxew u ħadu 5,377 azzjoni ta' segwitu. Dan jirrapreżenta żieda ta' aktar minn 20 % mill-għadd ta' azzjonijiet ta' segwitu li ttieħdu fl-2019.

Skont ir-rapport, il-ġugarelli huma l-aktar kategorija ta' prodott li tiġi notifikata (27 % tan-notifiki totali), segwiti minn vetturi bil-mutur (21 %), u apparat u tagħmir elettriku (10 %). Dan jixhed li s-sorveljanza tas-suq fl-UE titfa' enfasi speċjali fuq it-tfal, li huma grupp ta' konsumaturi vulnerabbli. B'mod ġenerali, l-aktar tħassib li ntwera ta' sikwit kien relatat ma' prodotti li jikkaġunaw korriment bħal ksur jew konkussjonijiet (25 %), segwiti minn komponenti kimiċi fi prodotti (18 %) u riskji li tfal jifgaw (12 %).

Meta mqabbel mas-sena li għaddiet, għadd dejjem jikber ta' swieq qegħdin jinpenjaw ruħhom li jtejbu s-sikurezza tal-prodotti li jbigħu. Ilbieraħ issieħbu żewġ firmatarji ġodda fl-inizjattiva Impenn dwar is-Sikurezza tal-Prodott: Joom u Etsy. Għaldaqstant iwiegħdu li jiċċekkjaw li l-prodotti fis-Safety Gate ma jinbigħux fis-siti web tagħhom u li jaġixxu minnufih fil-każ li l-awtoritajiet nazzjonali jindikawlhom kwalunkwe prodotti perikolużi li jkollhom jitneħħew.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tippremja lin-negozji li jagħmlu sforz akbar milli huma mistennija jagħmlu biex iħarsu lill-konsumaturi bil-Premju għas-Sikurezza tal-Prodotti tal-UE. L-edizzjoni ta' din is-sena, li lbieraħ infetħet għall-applikazzjonijiet, se tiffoka partikolarment fuq dawk l-inizjattivi bil-għan li jħarsu lill-konsumaturi vulnerabbli u fuq l-użu ta' teknoloġiji ġodda li jsaħħu s-sikurezza tal-prodotti tal-konsumaturi. L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija t-30 ta' April. Tista' ssib iktar informazzjoni hawnhekk.

Sfond

Is-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-UE ilha sa mill-2003 tippermetti skambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u taż-ŻEE, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea dwar prodotti perikolużi mhux għall-ikel li joħolqu riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi. B'hekk tkun tista' tittieħed azzjoni ta' segwitu xierqa u ċerti prodotti jistgħu jiġu pprojbiti mis-suq.

Fl-istess waqt li ppubblikat ir-rapport, il-Kummissjoni nediet ukoll sit web pubbliku ġdid tas-Safety Gate b'interfaċċa modern u li jista' jintuża b'mod faċli biex il-proċess ta' notifika jiġi mgħaġġel u ffaċilitat. Il-paġni qed jiġu ttradotti gradwalment f'ilsna kollha tal-UE, fl-Iżlandiż u fin-Norveġiż. In-negozji jistgħu jużaw ukoll il-Business Gateway biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu infurmati malajr u b'mod effiċjenti dwar tħassib marbut mas-sikurezza ta' prodott li jkunu qiegħdu fis-suq.

Azzjoni oħra dwar il-ħarsien tal-konsumatur hija s-sit web https://ec.europa.eu/info/files/product-safety-pledge_en, li tistabbilixxi azzjonijiet volontarji speċifiċi għas-swieq biex ineħħu minnufih kwalunkwe offerta ta' prodotti perikolużi mill-pjattaformi tagħhom. Sal-lum ħdax-il suq diġà ffirmaw dan il-ftehim biex jikkooperaw mal-Istati Membri biex ineħħu l-prodotti perikolużi mis-siti web tagħhom: bol.com, eMAG, Wish.com, AliExpress, Amazon, eBay, Rakuten France, Allegro, Cdiscount, u llum, Etsy u Joom.

Għal Aktar Informazzjoni

Rapport annwali dwar is-Safety Gate

Skeda Informattiva dwar is-Safety Gate

Safety Gate

Business Gateway

Il-Premju tal-UE għas-Sigurtà tal-Prodotti

Impenn dwar is-Sigurtà tal-Prodotti

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Marzu 2021