Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa8 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Kodiċi ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija bejn il-fruntieri għal sigurtà msaħħa

Police

Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi Kodiċi ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE, biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fost l-Istati Membri u biex l-uffiċjali tal-pulizija tal-UE jingħataw għodod aktar moderni biex jaqsmu l-informazzjoni. Peress li hemm sehem kbir tal-kriminali li joperaw bejn il-fruntieri, hemm bżonn li l-uffiċjali tal-pulizija fl-UE jkunu jistgħu jaħdmu flimkien malajr u b'mod effiċjenti. Il-Kodiċi ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija — li jinkludi Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija u regoli ġodda dwar l-iskambju tal-informazzjoni — se jgħin biex isaħħaħ l-operazzjoni transfruntieri, jipprovdi mezzi u skedi ta' żmien ċari għall-iskambju tal-informazzjoni, u jagħti rwol aktar b'saħħtu lill-Europol. Barra minn hekk, ir-regoli riveduti dwar l-iskambju awtomatizzat ta' ċerti kategoriji tad-data se jgħinu biex tiġi stabbilita rabta fost ir-reati fl-UE b'mod ħafna aktar effettiv. Dawn se jgħinu biex jimtlew il-lakuni fl-informazzjoni, isaħħu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tar-reati kriminali fl-UE, u jippromwovu s-sigurtà għal kulħadd fl-Ewropa. Illum, il-Kummissjoni qed tirrapportawkoll dwar l-progress ġenerali li sar taħt l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà.

Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, qal: “Ma jistax ikun li l-kriminali jkunu jistgħu jaħarbu mill-pulizija billi sempliċiment jimxu minn Stat Membru għal ieħor. Illum qed nipproponu regoli biex ngħinu lill-uffiċjali tal-pulizija madwar l-UE jaħdmu flimkien biex jaqbdu l-kriminali. Jekk ikollna mezzi ċari għall-iskambju tal-informazzjoni, il-pulizija jkunu jistgħu jidentifikaw il-persuni suspettati bil-ħeffa u jiġbru l-informazzjoni li jkollhom bżonn għall-investigazzjonijiet.”

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, qalet: “Il-proposti tagħna tal-lum se jsolvu problemi transfruntieri prattiċi ħafna li l-uffiċjali tal-pulizija fl-Ewropa jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum. Pereżempju, liema regoli japplikaw jekk il-pulizija jkunu jridu jaqsmu fruntiera interna huma u jippruvaw jaqbdu kriminal waqt insegwiment transfruntier? Illum il-ġurnata, il-pulizija jħabbtu wiċċhom ma' regoli nazzjonali kumplessi u differenti, iżda bil-proposti tagħna jkollhom qafas Ewropew ċar. Il-pulizija se jkollhom ukoll għodod aħjar biex jiskambjaw l-informazzjoni li jkollhom bżonn għall-investigazzjonijiet, biex jipproteġuna minn kriminali li dejjem qed isiru aktar sofistikati.”

Il-miżuri proposti jinkludu:

  • Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija, li toħloq standards komuni għall-kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tal-pulizija li jipparteċipaw f'viġilanzi konġunti u li jaġixxu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Din tinkludi lista komuni ta' reati li għalihom jistgħu jsiru insegwimenti transfruntieri, u għodod siguri għall-uffiċjali tal-pulizija biex jiskambjaw il-messaġġi u jikkomunikaw mal-kontropartijiet tagħhom meta jwettqu operazzjonijiet f'pajjiżi oħra tal-UE. Filwaqt li l-operazzjonijiet tal-pulizija u l-investigazzjonijiet kriminali għadhom ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn l-istandards komuni se jagħmluha aktar faċli għall-uffiċjali tal-pulizija biex jaħdmu f'pajjiżi oħra tal-UE. Ir-Rakkomandazzjoni se tippromwovi wkoll kultura komuni tal-UE rigward l-attivitajiet tal-pulizija permezz ta' taħriġ konġunt, inkluż korsijiet tal-lingwa jew programmi ta' skambju.
  • Regoli ġodda dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri: L-uffiċjali tal-pulizija fi Stat Membru wieħed għandu jkollhom aċċess ekwivalenti għall-informazzjoni disponibbli għall-kollegi tagħhom fi Stat Membru ieħor, taħt l-istess kundizzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punt uniku ta' kuntatt, li jopera bla waqfien, b'biżżejjed persunal u li jaġixxi bħala “punt uniku ta' servizz” għall-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi oħra tal-UE. L-informazzjoni mitluba għandha ssir disponibbli fi żmien tmien sigħat (għal każijiet urġenti), sa mhux aktar minn sebat ijiem. L-Applikazzjoni affidabbli ta' Network għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (Secure Information Exchange Network Application, SIENA), immaniġġjata mill-Europol, għandha ssir il-mezz ta' komunikazzjoni awtomatiku.
  • Regoli riveduti dwar l-iskambju awtomatizzat tad-data għall-kooperazzjoni tal-pulizija taħt il-qafas “Prüm”, biex itejbu, jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju tad-data u jgħinu biex jiġu identifikati l-kriminali. Dan jinkludi ż-żieda tal-immaġnijiet tal-wiċċ tal-persuni suspettati u tal-kriminali kkundannati kif ukoll ir-rekords tal-pulizija fl-iskambju awtomatizzat tad-data, u l-introduzzjoni ta' router ċentrali li miegħu jistgħu jikkollegaw il-bażijiet tad-data nazzjonali u li jissostitwixxi l-għadd kbir ta' konnessjonijiet bejn kull bażi tad-data nazzjonali. Il-Europol wkoll se tkun tista' tappoġġa lill-Istati Membri b'mod aktar effiċjenti billi tivverifika d-data minn pajjiżi mhux tal-UE mal-bażijiet tad-data tal-Istati Membri, u b'hekk tgħin biex jiġu identifikati kriminali magħrufa minn pajjiżi barra mill-UE.

Il-passi li jmiss

Issa huwa f'idejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jeżaminaw u jadottaw id-Direttiva proposta dwar l-iskambju tal-informazzjoni u r-Regolament dwar l-iskambju awtomatizzat tad-data. Huwa wkoll f'idejn il-Kunsill biex jiddiskuti u jadotta l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. B'hekk, ir-rakkomandazzjoni sservi bħala bażi għall-Istati Membri kollha biex jaġġornaw l-arranġamenti nazzjonali jew bilaterali eżistenti tagħhom.

Sfond

F'żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, ma jistax ikun li l-kriminali jkunu jistgħu jaħarbu mill-pulizija billi sempliċiment jimxu minn Stat Membru għal ieħor. Skont il-Valutazzjoni mill-UE tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-Europol tal-2021, kważi 70 % tan-networks kriminali huma attivi f'aktar minn tliet Stati Membri. L-uffiċjali tal-pulizija jridu jkunu jistgħu jikkooperaw b'mod effettiv u sistematiku fl-UE. Fl-istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni ħabbret proposti biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni tal-pulizija, bil-għan li tiżgura li l-infurzar tal-liġi fl-UE jkun jista' jaħdem flimkien aħjar taħt ġabra ta' regoli moderni.

Kif enfasizzat fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE kontra l-kriminalità organizzatata' April 2021, il-kooperazzjoni b'saħħitha tal-pulizija, kif ukoll l-iskambju bla intoppi tal-informazzjoni, huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-forom kollha tal-kriminalità serja u organizzata. Il-proposta tal-lum għal Kodiċi ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija qiegħda twettaq l-impenn li sar fl-Istrateġija. Kooperazzjoni aktar faċli tal-pulizija se tgħin biex issaħħaħ il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali fl-UE. Huwa wkoll kruċjali li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, kif enfasizzat fl-Istrateġija ta' Ġunju 2021 lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ. Il-kooperazzjoni effettiva tal-pulizija hija tassew mod effettiv biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà fiż-żona Schengen, u din se tikkontribwixxi għas-sostenn ta' żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

Illum, il-Kummissjoni qed tirrapporta wkoll dwar il-progress li sar matul l-aħħar sitt xhur taħt l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà biex jinbena ambjent ta' sigurtà li jibqa' validu fil-futur.

Għal Aktar Informazzjoni

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija (ara wkoll l-anness tal-proposta u r-rapport fil-qosor tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (ara wkoll il-valutazzjoni tal-impatt u s-sommarju eżekuttivtagħha)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat tad-data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (ara wkoll il-valutazzjoni tal-impatt u s-sommarju eżekuttiv tagħha)

MEMO: Kodiċi ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija fl-Ewropa

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
8 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta