Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 4 Marzu 2021
  • 6 min qari

It-Trasparenza fil-Pagi: il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tiżgura pagi ugwali għal xogħol ugwali

pay-transparency.equal_pay.jpg
© EU
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta dwar it-trasparenza fil-pagi biex tiżgura li n-nisa u l-irġiel fl-UE jirċievu pagi ugwali għal xogħol ugwali.

Il-proposta, li hija prijorità politika tal-President von der Leyen, tippreżenta miżuri ta' trasparenza fil-pagi, bħal informazzjoni dwar il-paga għall-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg, dritt ta' għarfien dwar il-livelli tal-pagi għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol, kif ukoll l-obbligu għall-kumpaniji l-kbar li jirrapportaw dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Il-proposta ssaħħaħ ukoll l-għodod biex il-ħaddiema jitolbu d-drittijiet tagħhom u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja. L-impjegaturi mhux se jitħallew jitolbu lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg għall-istorja tal-pagi li kellhom u se jkollhom jipprovdu data anonimizzata marbuta mal-pagi jekk jitlobha l-impjegat. L-impjegati se jkollhom ukoll id-dritt għal kumpens f'każ ta' diskriminazzjoni fil-paga.

Miżuri ġodda, li jqisu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, kemm fuq l-impjegaturi kif ukoll fuq in-nisa, li ntlaqtu ħażin b'mod partikolari, se jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-pagi fil-kumpanija u jagħtu aktar għodod lill-impjegaturi u lill-ħaddiema biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-pagi fuq ix-xogħol. Dan se jindirizza għadd ta' fatturi sostanzjali li jikkontribwixxu għad-differenza eżistenti fil-pagi u huwa partikolarment rilevanti matul il-pandemija tal-COVID-19, li qed issaħħaħ l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u tpoġġi lin-nisa f'riskju akbar ta' esponiment għall-faqar.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet: “Xogħol ugwali jistħoqqlu paga ugwali. U biex ikun hemm paga ugwali, jenħtieġ li jkun hemm trasparenza. In-nisa jridu jkunu jafu jekk l-impjegaturi tagħhom jittrattawhomx b'mod ġust. U meta dan ma jkunx il-każ, dawn irid ikollhom is-setgħa li jirribattu u jieħdu dak li ħaqqhom.”

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, qalet: “Wasal iż-żmien li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jingħataw is-setgħa li jitolbu d-drittijiet tagħhom. Irridu nagħtu s-setgħa lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u lill-ħaddiema b'għodod biex jitolbu salarju ġust u biex ikunu jafu u jitolbu d-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant, l-impjegaturi jridu jsiru wkoll aktar trasparenti dwar il-politiki tal-pagi tagħhom. Daqshekk kriterji doppji, daqshekk skużi.”

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet: “Il-proposta dwar it-trasparenza fil-pagi hija pass kbir lejn l-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Dan se jagħti s-setgħa lill-ħaddiema biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali u jwassal biex jintemm il-preġudizzju bejn il-ġeneri fil-pagi. Se jippermetti wkoll li tiġi identifikata, rikonoxxuta u indirizzata kwistjoni li ridna neradikaw sa mill-adozzjoni tat-Trattat ta' Ruma fl-1957. In-nisa jistħoqqilhom ir-rikonoxximent dovut, trattament indaqs u li xogħolhom jiġi valorizzat u l-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li l-postijiet tax-xogħol jilħqu dan l-objettiv.”

It-trasparenza fil-pagi u infurzar aħjar tal-paga ugwali

Il-proposta leġiżlattiva tiffoka fuq żewġ elementi ewlenin ta' paga ugwali: miżuri biex tiġi żgurata t-trasparenza fil-pagi għall-ħaddiema u l-impjegaturi kif ukoll aċċess aħjar għall-ġustizzja għall-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-paga.

Miżuri ta' trasparenza fil-pagi:

  • Trasparenza fil-pagi għall-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg – L-impjegaturi se jkollhom jagħtu informazzjoni dwar il-livell ta' paga inizjali jew il-firxa tagħha fl-avviż tal-pożizzjoni vakanti jew qabel l-intervista tax-xogħol. L-impjegaturi mhux se jitħallew jitolbu lill-ħaddiema prospettivi għall-istorja tal-pagi li kellhom.
  • Dritt għall-informazzjoni għall-impjegati – Il-ħaddiema se jkollhom id-dritt li jitolbu informazzjoni mingħand l-impjegatur tagħhom dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u dwar il-livelli medji tal-paga, diżaggregati skont il-ġeneru, għall-kategoriji ta' ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol għal xogħol ta' valur ugwali.
  • Rapportar dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi – L-impjegaturi b'mill-inqas 250 impjegat iridu jippubblikaw informazzjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel fl-organizzazzjoni tagħhom. Għal skopijiet interni, dawn għandhom jagħtu wkoll informazzjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn l-impjegati nisa u rġiel skont il-kategoriji ta' ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali.
  • Valutazzjoni tal-paga konġunta – Meta r-rapportar dwar il-pagi jiżvela differenza bejn il-ġeneri fil-pagi ta' mill-inqas 5 % u meta l-impjegatur ma jkunx jista' jiġġustifika d-differenza b'fatturi oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegaturi se jkollhom iwettqu valutazzjoni tal-paga, b'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Aċċess aħjar għall-ġustizzja għall-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-paga:

  • Kumpens għall-ħaddiema – il-ħaddiema li jkunu ġarrbu diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri jistgħu jirċievu kumpens, inkluż irkupru sħiħ ta' ħlas b'lura u bonusijiet relatati jew ħlasijiet in natura.
  • L-oneru tal-provi fuq l-impjegatur – b'mod awtomatiku, se jkun f'idejn l-impjegatur, mhux il-ħaddiem, li jagħti prova li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-pagi.
  • Sanzjonijiet li jinkludu multi – l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni speċifiċi għal ksur ripetut tar-regola ta' paga ugwali, inkluż livell minimu ta' multi.
  • Il-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jaġixxu fi proċedimenti legali jew amministrattivi f'isem il-ħaddiema kif ukoll imexxu talbiet kollettivi għal pagi ugwali.

Il-proposta tqis is-sitwazzjoni diffiċli attwali tal-impjegaturi, b'mod partikolari fis-settur privat, u żżomm il-proporzjonalità tal-miżuri filwaqt li tipprovdi flessibbiltà għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw ir-riżorsi disponibbli għar-rapportar tad-data. L-ispiża annwali għar-rapportar dwar il-pagi għall-impjegaturi jew għal kumpaniji b'aktar minn 250 impjegat hija stmata bejn €379 u €890.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-lum issa se tmur għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ladarba tiġi adottata, l-Istati Membri se jkollhom sentejn biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u jikkomunikaw it-test rilevanti lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva proposta wara tmien snin.

Sfond

Id-dritt għal paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali kien wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-Unjoni Ewropea mit-Trattat ta' Ruma fl-1957. Ir-rekwiżit li tiġi żgurata paga ugwali huwa stabbilit fl-Artikolu 157 tat-TFUE u fid-Direttiva dwar il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol.

F'Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza. Minkejja dan, l-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar ta' dan il-prinċipju fil-prattika għadu ta' sfida kbira fl-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kemm-il darba talbu għal azzjoni f'dan il-qasam. F'Ġunju 2019, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri konkreti biex tiżdied it-trasparenza fil-pagi.

Il-President von der Leyen ħabbret miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi tagħha għal din il-Kummissjoni. Dan l-impenn ġie affermat mill-ġdid fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2020-2025, u llum il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta għal dak il-għan.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet - It-Trasparenza fil-Pagi: il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tiżgura pagi ugwali għal xogħol ugwali

Il-Proposta għal Direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi biex jissaħħaħ il-prinċipju ta' paga ugwali

Valutazzjoni tal-Impatt

Sommarju eżekuttiv - Valutazzjoni tal-Impatt

Skeda informattiva - It-trasparenza fil-pagi: paga ugwali għan-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali

Azzjoni tal-UE għal paga ugwali

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Marzu 2021