Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Ottubru: deċiżjonijiet ewlenin - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Sit web uffiċjali tal-Unjoni EwropeaSit web uffiċjali tal-UE
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 4 Ottubru 2024
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 54 min qari

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Ottubru: deċiżjonijiet ewlenin

European and Ukrainian flags raised in front of the Berlaymont building to commemorate the second year of the Russian invasion of Ukraine

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 133 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet sħaħ. Għal aktar dettalji dwar l-istorja ta' każ partikolari, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Ambjent u sajd

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-FINLANDJA biex tikkonforma mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Finlandja (INFR(2024)2196) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligi skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' miżuri għal kull distrett tal-baċin tax-xmara biex jiżguraw status tajjeb tal-korpi tal-ilma Ewropej, bħax-xmajjar u l-lagi. Dawn il-miżuri jridu jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara li jridu jiġu stabbiliti u rrappurtati lill-Kummissjoni kull 6 snin. Kull programm ta' miżuri għandu jinkludi miżuri bażiċi għall-kontroll ta' tipi differenti ta' użu tal-ilma, bħal, pereżempju, l-abstrazzjoni tal-ilma jew il-produzzjoni idroelettrika. L-Istati Membri huma meħtieġa jirrieżaminaw u jaġġornaw perjodikament dawn il-kontrolli, inkluż kwalunkwe permess tal-ilma mogħti għal dawn il-finijiet. L-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-ilma mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE hija essenzjali biex tħares b'mod effettiv saħħet il-bniedem u biex tissalvagwardja l-ambjent naturali. Fil-Finlandja, ir-rieżamijiet perjodiċi ma jikkonformawx bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-miżuri ta' kontroll fuq tipi differenti ta' użu tal-ilma kif stabbilit fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Finlandja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-PORTUGALL biex jiżgura ġbir u trattament kif suppost tal-ilma urban mormi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall (INFR(2024)2193) talli naqas milli jikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-ilma urban mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u lill-ambjent billi tirrikjedi li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel ma jkun qed jiġi skarikat fl-ambjent. L-ilma mormi mhux trattat jista' jipperikola saħħet il-bniedem, u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija kif ukoll l-ilma kostali u tal-pjan. Sal-lum, f'20 agglomerazzjoni fil-Portugall, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta' ġbir ma jiġix ittrattat b'mod xieraq qabel ma jiġi skarikat. Barra minn hekk, tliet agglomerazzjonijiet qed jarmu ilma urban mormi f'żoni sensittivi mingħajr it-trattament aktar strett meħtieġ. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lill-GREĊJA, lill-UNGERIJA, lir-RUMANIJA, lis-SLOVENJA, u lis-SLOVAKKJA biex jikkonformaw mal-obbligi ta' rapportar taħt id-Direttiva dwar l-Istorbju
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill- Bulgarija (INFR(2024)2203), lill-Greċja (INFR(2024)2198), lill-Ungerija (INFR(2024)2199), lir-Rumanija (INFR(2024)2200), lis-Slovenja (INFR(2024)2201) u lis-Slovakkja (INFR(2024)2202) talli ma kkonformawx mad-Direttiva dwar l-Istorbju (id-Direttiva 2002/49/KE). Id-Direttiva dwar l-Istorbju tidentifika l-livelli tat-tniġġis akustiku u tiskatta l-azzjoni meħtieġa bħala rispons, bħall-ippjanar urban xieraq u l-miżuri ta' protezzjoni mill-istorbju. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw mapep li juru l-esponiment għall-istorbju fl-agglomerazzjonijiet il-kbar, tul il-linji ferrovjarji u t-toroq ewlenin u madwar l-ajruporti ewlenin. Dawn il-mapep strateġiċi tal-istorbju jservu ta' bażi għad-definizzjoni tal-miżuri biex jgħinu ħalli jitnaqqas it-tniġġis akustiku fil-pjanijiet ta' azzjoni għall-istorbju. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jinfurmaw lill-Kummissjoni bis-sejbiet tal-mapep strateġiċi tal-istorbju sabiex tkun tista' tfassal rapport li jkopri s-sitwazzjoni tal-esponiment għall-istorbju fl-UE. Dawn is-sitt Stati Membri naqsu milli jirrapportaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-mapep strateġiċi tal-istorbju, inkluż l-esponiment għall-istorbju tal-popolazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, lill-Greċja, lill-Ungerija, lir-Rumanija, lis-Slovenja u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex tittrasponi id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2024)2096) minħabba t-traspożizzjoni mhux kompluta tad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (id-Direttiva (UE) 2019/904). Id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (Single-Use Plastics Directive, SUPD) hija element essenzjali tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Plastiks u tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Għandha l-għan li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem, kif ukoll li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-implimentazzjoni sħiħa ta' prattiki sostenibbli minquxa fid-Direttiva hija kruċjali biex jiġu protetti b'mod effettiv is-saħħa tal-bniedem u l-ambjenti naturali u tiġi żgurata tranżizzjoni b'suċċess lejn ekonomija ċirkolari aktar sostenibbli. Franza ma ttrasponietx b'mod korrett u komplet diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.  B'mod partikolari l-liġi Franċiża ma tittrasponix b'mod ċar u preċiż biżżejjed diversi definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva, bħad-definizzjoni ta' produttur. Barra minn hekk, ma tiżgurax li l-produtturi ta' ċerti fliexken tax-xorb koperti mis-SUPD ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-AWSTRIJA biex ittejjeb ir-regoli nazzjonali tagħha dwar il-prevenzjoni ta' aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija (INFR(2020)2104) talli naqset milli taġġorna leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha b'mod konformi mad-Direttiva dwar il-kontroll ta' perikli ta' aċċident kbir li jinvolvi sustanzi perikolużi (“Seveso III”) (Id-Direttiva 2012/18/UE). Din id-Direttiva tapplika għal aktar minn 12,000 installazzjoni industrijali madwar l-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi regoli biex jiġu evitati inċidenti industrijali kbar u jiġu minimizzati l-impatti ta' ħsara tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Setturi bħalma huma l-industrija kimika u petrokimika, u s-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-ħżin tal-fjuwil huma koperti bil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Japplikaw reġimi ta' sikurezza differenti, skont l-ammont ta' sustanzi perikolużi preżenti, u japplikaw rekwiżiti legali aktar stretti għall-installazzjonijiet li jimmaniġġjaw ammonti kbar. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija f'Mejju 2020,u ittra ta' intimazzjoni addizzjonali fi Frar 2023. Bi tweġiba, l-Awstrija ħadet passi ulterjuri biex tittrasponi d-Direttiva. Madankollu, l-obbligu tal-operaturi li jinnotifikaw l-informazzjoni essenzjali u r-rapport dwar is-sikurezza lill-awtorità kompetenti mhumiex trasposti bis-sħiħ fil-liġi Awstrijaka. Barra minn hekk, ir-reġjun tat-Tirol jirrestrinġi l-aċċess għall-ġustizzja b'mod li huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

il-Kummissjoni tappella lil-LATVJA biex ittejjeb ir-regoli tagħha dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil-Latvja (INFR(2021)2260) talli naqset milli ġġib il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha f'konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ tal-qbid u l-qtil inċidentali ta' speċijiet protetti b'mod strett. Abbażi tal-informazzjoni li tinġabar, l-Istati Membri jridu għaldaqstant jimpenjaw irwieħhom għal aktar riċerka jew jimplimentaw miżuri ta' konservazzjoni sabiex jiżguraw li l-qbid u l-qtil inċidentali ma jkollhomx effett negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Latvja f'April 2022 dwar it-traspożizzjoni skorretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats fir-rigward tal-linċi Ewro-Asjatika. Il-Latvja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha u neħħiet il-linċi mil-lista ta' speċijiet li jistgħu jiġu kkaċċjati u inkludietha fil-lista nazzjonali ta' speċijiet strettament protetti. Madankollu, il-Latvja baqgħet tonqos milli tittrasponi b'mod korrett ir-rekwiżiti dwar il-monitoraġġ tal-qbid u l-qtil inċidentali ta' speċijiet strettament protetti kif ukoll l-għoti ta' derogi. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil-Latvja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tapella lir-RUMANIJA biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija (INFR(2020)2297) talli naqset milli tittrasponi b'mod sħiħ id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva hija waħda mill-għodod ewlenin tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Il-leġiżlazzjoni Rumena ma ssemmix b'mod espliċitu li l-miżuri ta' konservazzjoni inklużi fil-pjanijiet ta' ġestjoni jridu jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta' ħabitats naturali u l-ispeċijiet preżenti f'dawn is-siti. Dan għandu impatt dirett fuq il-kwalità tal-pjanijiet ta' ġestjoni minħabba li jista' jkun li ma jinkludix il-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta' dawn it-tipi ta' ħabitats u speċijiet. Il-liġi nazzjonali tillimita wkoll il-kamp ta' applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, għal attivitajiet fi ħdan is-siti tan-Natura 2000. Dan jeskludi l-kawżi potenzjali l-oħra kollha ta' deterjorazzjoni jew disturbi li joriġinaw 'il barra mis-siti. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija f'Ottubru 2020. Ir-Rumanija ppreżentat żewġ abbozzi li jindirizzaw l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni, iżda s'issa l-ebda wieħed ma ġie adottat. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni motivata addizzjonali

Il-Kummissjoni tappella lill-IŻVEZJA biex tikkomunika il-miżuri li ħadet biex tittrasponi id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Iżvezja(INFR(2023)0098) talli naqset milli tikkomunika il-liġijiet nazzjonali tagħha li jittrasponu r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184). Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ittejjeb il-protezzjoni ta' saħħet il-bniedem permezz ta' standards aġġornati għall-kwalità tal-ilma, li jindirizzaw l-inkwinanti ta' tħassib, bħall-interferenti endokrinali u l-mikroplastiċi, u tiżgura li l-ilma tal-vit ikun nadif. Tindirizza wkoll il-kwistjoni tat-tnixxija tal-ilma. Barra minn hekk, id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet ġodda li jeħtieġu li l-Istati Membri jtejbu u jmantnu l-aċċess għall-ilma tax-xorb. L-Istati Membri kellhom sat-12 ta' Jannar 2023 biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tagħha. Billi dan ma sarx, wassal lill-Kummissjoni biex tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja f'Marzu 2023, u wara bagħtitilha opinjoni motivata f'Diċembru 2023. Valutazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni Żvediża identifikat obbligi addizzjonali li għalihom l-Iżvezja naqset milli tikkomunika lill-Kummissjoni, bħat-traspożizzjoni tal-parametri rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskju tas-sistemi ta' distribuzzjoni domestika. Il-Kummissjoni issa qed tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-ilmenti tagħha biex tinkludi dawn il-kwistjonijiet, ma' dawk imqajma fl-opinjoni motivata tal-20 ta' Diċembru 2023. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Iżvezja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-PORTUGALL quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex itejjeb ir-regoli tiegħu dwar it-tniġġis ikkawżat minn attivitajiet industrijali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Portugall (INFR(2022)2085) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqas milli jallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/UE). L-attivitajiet industrijali jaf ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent u s-saħħa. Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jinkludu l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u l-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart. Il-Portugall ma allinjax bis-sħiħ id-definizzjonijiet ta' “sustanzi perikolużi” u ta' “installazzjoni eżistenti” stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mad-Direttiva. Barra minn hekk, il-Portugall ma ddefinixxiex b'mod ċar l-obbligi biex l-operaturi tal-installazzjonijiet industrijali jew l-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni xierqa f'każ ta' inċidenti jew aċċidenti. Ċerti rekwiżiti ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-konsiderazzjoni mill-ġdid u l-aġġornament tal-kundizzjonijiet għal permess, tal-kontenut għal permess għall-impjanti għall-inċinerazzjoni tal-iskart, tal-valutazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet u tal-informazzjoni li trid tiġi ppreżentata fil-każ ta' installazzjoni li x'aktarx ikollha effetti transkonfinali sinifikanti. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall f'Settembru 2022, segwita minn opinjoni motivata f'Settembru 2023. Għalkemm il-Kummissjoni aċċettat xi spjegazzjonijiet ipprovduti mill-Portugall dwar xi wħud mill-ilmenti li tqajmu inizjalment, l-awtoritajiet Portugiżi ma indirizzawx l-ilmenti kollha. Il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa, l-isforzi tal-awtoritajiet Portugiżi ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

2. Suq Intern, Industrija, Imprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Johanna Bernsel – Tel.: +32 2 298 66 99; Federica Miccoli – Tel.: +32 229-58300)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni titlob lil-LUSSEMBURGU jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Lussemburgu (INFR(2024)2216) minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment. Dawn ir-regoli tal-UE jiżguraw li l-kumpaniji ma jiffaċċjawx ostakli mhux ġustifikati meta jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru. B'mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li l-Lussemburgu naqas milli jikkonforma mad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-regolamenti Lussemburgiżi jeħtieġu awtorizzazzjoni ġenerali għall-istabbiliment ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita professjonijiet artiġjanali, kummerċjali, industrijali indipendenti jew ċerti professjonijiet liberi. Barra minn hekk, waħda mill-kundizzjonijiet għall-kisba ta' din l-awtorizzazzjoni ta' stabbiliment hija li l-maniġer tal-entità jrid ikun preżenti b'mod regolari fil-bini fil-Lussemburgu. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn ir-rekwiżiti jikkostitwixxu ostakli mhux ġustifikati għal-libertà tal-istabbiliment u għalhekk imorru kontra r-regoli tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Lussemburgu, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lil Ċipru biex jittrasponi b'mod korrett id-Direttiva Dwar il-Kwalifiki Professjonali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru (INFR(2024)4019) talli l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (id-Direttiva 2005/36/KE kif emendat bid-Direttiva 2013/55/UE) fir-rigward tal-periti bi drittijiet miksuba, jiġifieri dawk li jitħallew jipprattikaw taħt dispożizzjonijiet speċifiċi. Skont il-Kummissjoni, dawn ir-regoli jipprevjenu lil dawn il-periti milli jingħaqdu mal-kamra professjonali bħal periti oħra li ħadu l-kwalifiki tagħhom minn Ċipru, u b'hekk jillimitaw il-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-prattika tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja (INFR(2023)4003) rigward in-nonkonformità tar-regoli nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (id-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont il-liġi Griega, il-professjonisti kkwalifikati bħala konsulenti tal-karriera fi Stati Membri oħra tal-UE l-ewwel iridu jiksbu rikonoxximent akkademiku tal-lawrja tagħhom qabel ma jitħallew jaħdmu fil-Greċja. Dan ir-rekwiżit imur kontra r-regoli tal-UE dwar il-kwalifiki professjonali, biex jiġi żgurat li l-kwalifiki jiġu vvalutati bir-reqqa u fil-pront. Wara l-ittra ta' intimazzjoni mibgħuta f'April 2023, il-Greċja għadha ma żguratx il-konformità tar-regoli nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Il-Greċja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

3. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Unjoni tas-Sigurtà

(Għal aktar informazzjoni: Anitta Hipper - Tel.: +32 229 85691; Fiorella Boigner – Tel.: +32 2 299 37 34; Elettra Di Massa – Tel.: +32 2 298 21 61)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-AWSTRIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar 
Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija (INFR(2024/2207), talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar (id-Direttiva (UE) 2021/555) kif ukoll id-Direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/68 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u d-Direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/69 dwar armi tal-allarm u tas-sinjal. Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar tistabbilixxi standards minimi komuni dwar l-akkwist, il-pussess u l-iskambju kummerċjali ta' armi tan-nar ċivili, pereżempju armi tan-nar użati għall-isparar sportiv u l-kaċċa. Ir-regoli jippermettu l-użu u l-moviment legali tal-armi tan-nar, tal-komponenti essenzjali u tal-munizzjon għall-użu ċivili fl-UE. Fl-istess ħin, iżommu standards għoljin ta' sigurtà u ta' protezzjoni kontra l-atti kriminali u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/68 tistabbilixxi regoli dwar l-immarkar tal-armi tan-nar biex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u jiġi ffaċilitat it-trasferiment sikur tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali. Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/69 tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal (li jiskarikaw biss munizzjon inbjank jew irritanti) biex jiġi evitat li dawn jiġu kkonvertiti illegalment f'armi tan-nar letali. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-““Pakkett tal-Faċilitaturi” tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija (INFR(2023)2095) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE biex timponi sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi għar-reat tal-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati fl-UE (jiġifieri l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti) u skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill (2002/946/JHA) li tistabbilixxi r-regoli għall-pieni kriminali għal dawn ir-reati. F'April 2023, l-Ungerija adottat Digriet tal-Gvern li jipprevedi l-konverżjoni ġenerali tas-sentenzi ta' kustodja relatati ma' reati tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti f'“detenzjoni ta' riintegrazzjoni”. Dan jimplika li l-persuni kkundannati jinħelsu mill-ħabs anki jekk ikunu skontaw biss perjodu minuri tas-sentenza tagħhom. Dawn il-persuni mbagħad ikunu meħtieġa jitilqu mit-territorju Ungeriż fi żmien 72 siegħa biex iservu d-“detenzjoni ta' riintegrazzjoni” tagħhom fil-pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti jew tan-nazzjonalità tagħhom. Id-Digriet tal-Gvern ma jipprovdix garanziji adegwati rigward il-kundizzjonijiet, il-monitoraġġ u l-infurzar tad-“detenzjoni ta' riintegrazzjoni” barra l-Ungerija. L-applikazzjoni tas-sentenza fl-Istat Membru l-ieħor għalhekk mhijiex żgurata. Il-Kummissjoni jidhrilha li dawn is-sanzjonijiet imqassra applikabbli għal persuni kkundannati għar-reati ta' faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti la huma effettivi u lanqas dissważivi u ma jqisux iċ-ċirkostanzi tal-każijiet inkwistjoni. Il-Kummissjoni varat proċedura ta' ksur f'Lulju 2023, billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija. Il-Kummissjoni jidhrilha li t-tweġiba tal-Ungerija ma tindirizzax bis-sħiħ it-tħassib dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki segwiti mill-Ungerija, kif tqajjem fl-ittra ta' intimazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella liċ-ĊEKJA biex tqiegħed fil-prattika ċerti obbligi skont il-Kodiċi dwar il-Viżi 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali liċ-Ċekja (INF(2012)2239), talli naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 32(3) u 35(7) tal-Kodiċi dwar il-Viżi (ċaħda ta' viża) moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Kodiċi dwar il-Viżi huwa l-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE dwar il-politika dwar il-viżi, li tistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorn qasir għal żjarat ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-viżi għal tranżitu fl-ajruport. Il-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu dritt ta' appell kontra rifjut/annullament/revoka ta' xi viża. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tagħti lill-individwi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal, meta jinkisru d-drittijiet u l-libertajiet skont id-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-leġiżlazzjoni Ċeka għadha ma tikkonformax bis-sħiħ mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi u mal-obbligi skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-dritt nazzjonali Ċek ikkonċernat jillimitaw il-portata tar-rieżami ġudizzjarju. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-viża (sigurtà interna, ordni pubbliku, eċċ.) speċifikati fid-dispożizzjonijiet nazzjonali huma esklużi mir-rieżami ġudizzjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata liċ-Ċekja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Riferimenti lill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-ESTONJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tipprovdi rimedju ġudizzjarju effettiv kontra r-rifjut ta' viża 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Estonja (INFR(2012)2242) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tipprovdi rimedju ġudizzjarju effettiv kontra r-rifjut, l-annullament jew ir-revoka ta' xi viża. Il-Kodiċi dwar il-Viżi jirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu dritt ta' appell kontra rifjut, annullament jew revoka ta' viża, li jenħtieġ li jiġi implimentat f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE b'mod partikolari l-Artikolu 47 li jagħti lill-individwi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal, meta jinkisru d-drittijiet u l-libertajiet skont id-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Estonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

4. Ġustizzja

(Għal aktar informazzjoni: Jordis Ferolli - Tel.: +32 2 299 27 29; Yuliya Matsyk – Tel.: +32 2 291 31 73; Cristina Torres Castillo – Tel.: +32 229 90679)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA, lil-LUSSEMBURGU, lil MALTA, lis-SLOVENJA, lis-SLOVAKKJA, u lill-IŻVEZJA biex jittrasponu b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar l-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti fi proċess
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR (2024)2209), lil-Lussemburgu (INFR(2024)2215), lil Malta (INFR(2024)2214), lis-Slovenja (INFR(2024)2211), lis-Slovakkja (INFR(2024)2210) u lill-Iżvezja (INFR(2024)2208) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar it-tisħiħ tal-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritti li wieħed ikun preżenti waqt il-proċessfil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva 2016/343/UE). Id-Direttiva hi waħda minn sitt Direttivi adottati mill-UE biex joħolqu standards minimi komuni li jiżguraw li jingħata proċess ġust u li d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali jiġu protetti biżżejjed mal-UE kollha. Il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali nnotifikati mis-sitt Stati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva. B'mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-miżuri nnotifikati mill-Greċja u mil-Lussemburgu ma jittrasponux b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-referenzi pubbliċi għall-ħtija u l-proċessi in absentia. Barra minn hekk, il-Lussemburgu naqas milli jittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tat-trażżin fiżiku fil-qorti jew fil-pubbliku, dwar il-konsegwenzi tal-użu tad-dritt għas-silenzju u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, kif ukoll dwar ir-rimedji disponibbli f'każ ta' ksur tad-drittijiet minquxa fid-Direttiva. Il-Kummissjoni sabet li l-miżuri ta' traspożizzjoni nnotifikati minn Malta ma jirriflettux ir-rekwiżit tad-Direttiva li kwalunkwe esklużjoni ta' persuna minn proċess, fejn meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq xieraq tal-proċedimenti kriminali, għandha tkun temporanja. Fir-rigward tal-Iżvezja, is-Slovenja u s-Slovakkja, il-Kummissjoni jidhrilha li naqsu milli jittrasponu b'mod korrett għadd ta' dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jiġifieri: il-preżunzjoni tal-innoċenza (l-Iżvezja u s-Slovenja), il-projbizzjoni tar-referenzi pubbliċi għall-ħtija, l-użu ta' miżuri ta' trażżin fiżiku fil-qorti jew fil-pubbliku (is-Slovenja), l-oneru tal-provi, il-konsegwenzi tal-użu tad-dritt għas-silenzju u li wieħed ma jinkriminax ruħu (l-Iżvezja u s-Slovenja), ċerti dispożizzjonijiet tal-proċessi in absentia, u dwar ir-rimedji f'każ ta' ksur tad-drittijiet minquxa fid-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lis-Slovenja, lis-Slovakkja, u lill-Iżvezja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ liċ-ĊEKJA tikkonforma mad-dritt tal-UE li jiggarantixxi l-ugwaljanza fost in-nies hu x'inhu l-oriġini etniku jew razzjali tagħhom
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali liċ-Ċekja (INFR(2014)2174) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE). Id-Direttiva tipprojbixxi b'mod strett id-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika jew razzjali f'oqsma ewlenin tal-ħajja, inkluża l-edukazzjoni. Hija pedament fl-isforzi biex tissawwar Unjoni ta' Ugwaljanza. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja f'Settembru 2014 fejn appellat biex jiġi indirizzat it-tqegħid sproporzjonat u sistemiku tal-istudenti Rom fi skejjel separati għat-tfal b'diżabilità. Minn dak iż-żmien 'l hawn, iċ-Ċekja temmet ir-reġim ta' “skejjel speċjali jew prattiċi”. Madankollu, is-sejbiet tal-Kummissjoni joħorġu fid-dieher li t-tfal Rom għadhom rappreżentati żżejjed fi klassijiet jew skejjel separati għall-istudenti b'indeboliment mentali/fiżiku jew b'disturbi serji fl-iżvilupp jew fl-imġiba. Barra minn hekk, ħafna tfal Rom li jattendu l-edukazzjoni ġenerali fiċ-Ċekja huma wkoll segregati fi klassijiet jew skejjel separati, pereżempju, fi klassijiet separati tar-Rom biss jew fi skejjel għar-Rom biss b'livell baxx ta' edukazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali liċ-Ċekja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Ittri ta' intimazzjoni u opinjoni motivata

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lill-ESTONJA u lill-IRLANDA biex jittrasponu b'mod korrett id-dritt tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija
Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2024)2205) u opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR(2020)2321), u lill-Estonja (INFR(2016)2048) talli ittrasponew parzjalment biss jew b'mod skorrett id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI). L-għan tad-Deċiżjoni Qafas hu li tiżgura li manifestazzjonijiet serji ta' razziżmu u ta' ksenofobija, bħall-istigazzjoni pubblika għall-vjolenza jew għall-mibegħda, jiġu kkastigati b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi mal-Unjoni Ewropea kollha. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Irlanda ma ttrasponietx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet relatati mal-inċitament għall-mibegħda jew il-vjolenza, inkluż l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni gravi ta' reati internazzjonali u l-Olokawst. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja f'Ottubru 2020, u lill-Bulgarija fi Frar 2021. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Estonja ma ttrasponietx b'mod korrett id-dispożizzjonijiet relatati mad-definizzjoni tar-reat ta' inċitament għall-mibegħda jew għall-vjolenza, inkluż l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni gravi ta' reati internazzjonali u l-Olokawst. Barra minn hekk, il-liġijiet Bulgari, Estonjani u Irlandiżi ma jikkwalifikawx jew ma jikkwalifikawx b'mod korrett il-motivazzjoni razzista jew ksenofobika bħala fatturi aggravanti għar-reati kriminali kollha jew jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jqisu din il-motivazzjoni meta jiddefinixxu l-s-sentenzi. Issa l-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Irlanda kif ukoll li tressaq lill-Bulgarija u lill-Estonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2024)2003) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE).  Id-Direttiva hija waħda mis-sitt Direttivi li jiffurmaw il-qafas legali tal-UE dwar l-istandards minimi komuni għall-proċessi ġusti u li jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed. Issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin, u b'hekk tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f'materji kriminali. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Bulgarija naqset milli tittrasponi b'mod korrett fil-liġi nazzjonali tagħha għadd ta' elementi tad-Direttiva: id-dispożizzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet proċedurali u dwar il-parteċipazzjoni effettiva tal-avukat waqt l-interrogazzjoni; u dwar id-derogi mill-jedd ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat minħabba l-ħtiġijiet investigattivi. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Bulgarija fit-13 ta' Marzu 2024. L-ilment relatat mal-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet proċedurali huwa kwistjoni sistemika li tikkonċerna wkoll id-Direttivi l-oħra dwar id-drittijiet proċedurali. Għalhekk, il-Kummissjoni llum ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa ħalli tindirizza n-nuqqassijiet identifikati mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BULGARIJA u lill-IŻVEZJA biex jikkonformaw mal-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja (INFR(2020)2362) u opinjoni motivata addizzjonali lill-Bulgarija (INFR(2021)2262) talli naqsu milli jikkonformaw mad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI). Il-mandat ta' arrest Ewropew (MAE) huwa proċedura ġudizzjarja transfruntiera simplifikata biex persuna rikjesta tiġi konsenjata għall-fini tal-prosekuzzjoni jew tal-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ta' ordni ta' detenzjoni. Il-MAE ilu operazzjonali mill-1 ta' Jannar 2004 u ħa post il-proċeduri twal għall-estradizzjoni li kienu jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Iżvezja fi Frar 2021 u lill-Bulgarija fi Frar 2022. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Bulgarija f'Lulju 2023. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja naqset milli tittrasponi jew tittrasponi b'mod korrett fil-liġi nazzjonali tagħha d-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva: dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid wara sentenza in absentia; dwar il-privileġġi u l-immunitajiet; għar-raġuni għal rifjut ibbażata fuq in-nuqqas ta' kriminalità doppja flimkien mad-dispożizzjoni dwar il-possibbiltà ta' smigħ sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-MAE. Il-Bulgarija nnotifikat leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida li solviet l-ilmenti identifikati qabel. Madankollu, emendi oħra għal-liġi nazzjonali jqajmu kwistjonijiet ta' konformità mad-Direttiva, u għalhekk il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Bulgarija fl-24 ta' April 2024. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Bulgarija naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar id-deċiżjoni li l-persuna rikjesta tinżamm f'detenzjoni u l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja u opinjoni motivata addizzjonali lill-Bulgarija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Bulgarija u lill-Iżvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Riferimenti lill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'kunsiderazzjoni li l-liġi nazzjonali tagħha dwar id-Difiża tas-Sovranità tikser il-liġi tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għax tqis li l-liġi nazzjonali tagħha dwar id-“Difiża tas-Sovranità” tikser il-liġi tal-UE. Din il-liġi nazzjonali tistabbilixxi “Uffiċċju għad-Difiża tas-Sovranità”, inkarigat li jinvestiga attivitajiet speċifiċi li jingħad li huma mwettqa fl-interess ta' Stat ieħor jew ta' korp, ta' organizzazzjoni jew ta' persuna fiżika barrani(ja), allegatament responsabbli għall-ksur jew għall-ipperikolar tas-sovranità tal-Ungerija; u l-organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom li jsiru permezz ta' finanzjament barrani allegatament jinfluwenzaw l-eżitu tal-elezzjonijiet jew ir-rieda tal-votanti. Fi Frar 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija li biha qajmet it-tħassib tagħha. Filwaqt li sabet li t-tweġiba pprovduta mill-Ungerija għall-ittra ta' intimazzjoni tagħha ma kinitx sodisfaċenti, f'Mejju 2024, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fejn tenniet l-ilmenti dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Libertajiet Fundamentali tas-Suq Intern, u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata, l-Ungerija sostniet li l-Liġi dwar id-Difiża tas-Sovranità ma tiksirx il-Liġi tal-UE u li t-tħassib imqajjem kien infondat. Wara li vvalutat bir-reqqa t-tweġiba tal-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni ssostni l-biċċa l-kbira tal-ilmenti identifikati għadhom ma ġewx indirizzati. Iktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa tagħna.

 

5. Enerġija u klima

(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661)

Ittri ta' intimazzjoni u ittra ta' intimazzjoni addizzjonali

Il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA biex tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-ipprezzar u fuq l-esportazzjoni tal-elettriku u tal-gass
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija (INFR(2024)2194) talli rrestrinġiet l-libertà tal-parteċipant fis-suq li jiddeterminaw il-prezzijiet bl-ingrossa tagħhom tal-elettriku u l-gass kif ukoll fir-rigward tal-esportazzjoni tal-gass. B'mod aktar speċifiku, ir-Rumanija introduċiet miżuri nazzjonali li jirrikjedu li ċerti produtturi tal-elettriku jikkontribwixxu d-dħul kollu ogħla minn limitu speċifiku tal-prezz għal fond għat-tranżizzjoni tal-enerġija u jobbligaw lill-produtturi tal-gass ibigħu parti mill-produzzjoni tagħhom bi prezzijiet fissi lil ċerti klijenti. Dawn il-miżuri nazzjonali huma inkompatibbli mad-Direttiva (UE) 2019/944 u mar-Regolament (UE) 2019/943 dwar is-suq intern tal-elettriku kif ukoll mad-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali. Il-miżuri inkwistjoni jillimitaw il-libertà tal-produtturi tal-elettriku u tal-gass li jiddeterminaw il-prezzijiet bl-ingrossa tagħhom fir-Rumanija. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li dawn il-miżuri jirrestrinġu l-prinċipji fundamentali tal-formazzjoni libera tal-prezzijiet kif ukoll il-kummerċ transfruntier ħieles fis-swieq bl-ingrossa tal-elettriku u tal-gass. Ir-Rumanija issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA biex tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-ipprezzar u fuq l-esportazzjoni tal-elettriku
Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li ssegwi proċedura ta' ksur miftuħa billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lir-Rumanija (INFR (2023) 2032) talli llimitat l-esportazzjoni tal-elettriku u llimitat il-libertà tal-parteċipanti fis-suq li jiddeterminaw il-prezzijiet bl-ingrossa tagħhom. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-miżura nazzjonali inkwistjoni hija inkompatibbli mal-Artikoli 35 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll mad-Direttiva (UE) 2019/944 u mar-Regolament (UE) 2019/943 dwar is-suq intern tal-elettriku. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-miżura għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjonijiet. Għall-istess raġunijiet, il-miżura titqies ukoll li tikser id-Direttiva dwar l-Elettriku u r-Regolament dwar l-Elettriku msemmijin hawn fuq. Il-Kummissjoni jidhrilha ukoll li l-miżura tirrestrinġi l-prinċipju fundamentali tal-formazzjoni libera tal-prezzijiet fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa. L-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali tal-lum issegwi l-ftuħ tal-proċedura ta' ksur f'April 2023. Wara bidliet fil-leġiżlazzjoni fir-Rumanija li ma indirizzawx it-tħassib tal-Kummissjoni, u li qajmu kwistjonijiet ġodda, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali. Ir-Rumanija issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ liċ-ĊEKJA u lil FRANZA biex jittrasponu r-regoli tal-UE dwar is-suq intern tal-elettriku b'mod sħiħ
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata liċ- Ċekja (INFR(2022)2033) u lil-Francza (INFR(2022)2103) talli ma ttrasponewx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE għas-suq intern tal-elettriku stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944, li temenda d-Direttiva 2012/27/UE. Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli ewlenin rigward l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-elettriku tal-UE biex jinħolqu swieq tal-elettriku integrati, kompetittivi, iffokati fuq il-konsumaturi, flessibbli, ġusti u trasparenti fl-Unjoni kollha. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet il-31 ta' Diċembru 2020. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja f'Mejju 2022 u lil Franza f'Settembru 2022, wara li kkonkludiet li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva kienu ġew trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Wara li eżaminat it-tweġibiet mill-Istati Membri kkonċernati kif ukoll il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni nnotifikati, il-Kummissjoni jidhrilha li dawn l-Istati Membri xorta għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva bis-sħiħ. Iż-żewġ Stati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex jieħdu l-miżuri meħtieġa u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-AWSTRIJA biex tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli              
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija (INFR(2021)0133) talli ma ttrasponiex ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli minn sorsi rinovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 bis-sħiħ. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku, għat-tisħin u għat-tkessiħ, u għat-trasport fl-UE. Tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32 % ta' enerġija rinnovabbli u tinkludi miżuri biex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jkun kosteffettiv, u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u tistabbilixxi miri speċifiċi biex jiżdied is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ u tat-trasport sal-2030. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija talli ma ttrasponietx id-Direttiva fil-ħin. Wara dan, l-Awstrija nnotifikat miżuri leġiżlattivi mmirati lejn it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Madankollu, wara li eżaminathom, il-Kummissjoni jidhrilha li għadd ta' dispożizzjonijiet tad-Direttiva għadhom mhumiex trasposti, jew mhumiex trasposti bis-sħiħ, fil-livell federali u reġjonali. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata. L-Awstrija issa għandha xahrejn biex tieħu l-miżuri meħtieġa u tinnotifika lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

6. Tassazzjoni u Unjoni Doganali

(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735)

Ittri ta' intimazzjoni  

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tabolixxi r-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut tagħha biex din tkun konformi mad-dritt ta' stabiliment  
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)4022) talli naqset milli r-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut tagħha tallinjah mal-libertà tal-istabbiliment iggarantita mill-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Minħabba d-disinn attwali tar-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut, il-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut ikkontrollati minn barra li joperaw fl-Ungerija bħala kumpaniji integrati jew impriżi relatati, huma soġġetti għal rati tat-taxxa għoljin u progressivi ħafna fuq il-fatturat tagħhom. Il-bejjiegħa bl-imnut domestiċi ta' daqs komparabbli li joperaw fis-suq Ungeriż taħt il-marki u l-logos rispettivi tagħhom permezz ta' sistemi ta' franchising mhumiex soġġetti għall-istess l-ogħla rati minħabba li l-fatturat tagħhom mhuwiex konsolidat għall-finijiet ta' tassazzjoni. B'mod partikolari, ir-reġim jipprevjeni lill-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut ikkontrollati minn barra milli jirristrutturaw l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom bħal dawk ta' kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut domestiċi komparabbli. Għalhekk, ir-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment. Skont ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSR) tal-2023 u tal-2024 lill-Ungerija, din it-taxxa hija ta' piż sproporzjonat fuq kumpaniji barranin akbar, b'mod simili għal taxxi oħra speċifiċi għas-settur introdotti f'dawn l-aħħar snin u li jaffettwaw is-suq intern. Għaldaqstant, l-Ungerija, bħala parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tagħha impenjat ruħha li telimina gradwalment ir-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut, li inizjalment ġiet introdotta biex iżżid il-kontribuzzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-finanzi pubbliċi. Minkejja l-impenn politiku inekwivoku tagħha fl-RRP tagħha, l-Ungerija s'issa naqset milli telimina gradwalment is-soprataxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut. Għall-kuntrarju, l-Ungerija estendiet b'mod konsistenti din il-miżura tat-taxxa, s'issa bla indikazzjoni ta' skeda ta' żmien għall-iskadenza u, maż-żmien, żiedet l-ogħla rati tat-taxxa applikabbli skont ir-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza l-kwisjonijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.  

Il-Kummissjoni tappella lil MALTA biex tipprovdi assistenza effettiva fl-irkupru ta' klejms minn Stati Membri oħrajn 
IIl-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Malta INFR(2024)2204) talli naqset milli provdiet assistenza effettiva fl-irkupru ta' klejms konnessi mat-taxxi, id-dazji u miżuri oħra minn Stati Membri oħrajn. Il-leġiżlazzjoni Maltija ma tqisx talba minn Stat Membru ieħor bħala talba eżekuttiva. Talba bħal din jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta mill-qrati nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet ta' infurzar. Dan ir-rekwiżit imur kontra l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2010/24/UE dwar l-irkupru, li tagħti lill-istrument ta' infurzar setgħat eżekuttivi u tipprevjeni lill-Istati Membri milli jagħmluh dipendenti minn rikonoxximent ulterjuri fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, Malta naqset milli tapplika d-Direttiva dwar l-irkupru b'mod korrett u milli tipprovdi assistenza. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Malta, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. 

Opinjonijiet motivati  

Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA biex tallinja r-regoli tagħha dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa rigward il-kuntratti tat-tfaddil volontarju għall-pensjoni (Riester-Rente) mad-dritt tal-UE 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja (INFR(2022)4014) talli naqset milli taġġorna b'mod konformi mad-dritt tal-UE r-regoli dwar il-vantaġġi fiskali fir-rigward tal-kuntratti volontarji tat-tfaddil għall-pensjoni (Riester-Rente). Ir-regoli attwali jiċħdu lir-residenti Ġermaniżi impjegati fi Stat ieħor tal-UE/taż-ŻEE bonus għat-tfaddil għall-pensjoni kif ukoll tnaqqis speċjali tat-taxxa għall-kuntratti ta' tfaddil għall-pensjoni konklużi wara l-1 ta' Jannar 2010. Sabiex jibbenefika minn dawn il-benefiċċji, bħalissa individwu jeħtieġ li jkun soġġett għall-skema statutorja tal-pensjoni Ġermaniża. B'mod ġenerali, huwa obbligatorju li impjegat ikun assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali ta' Stat Membri wieħed, li fil-prinċipju jkun l-istat tal-impjieg tiegħu. Għalhekk, persuna li tirrisjedi fil-Ġermanja iżda taħdem fi Stat ieħor tal-UE/taż-ŻEE hija soġġetta għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn taħdem, u ma tistax tagħżel li tikkontribwixxi għall-iskema statutorja tal-pensjoni Ġermaniża. Madankollu, ħaddiem bħal dan jista' jiddeċiedi li jipparteċipa fi skema tal-pensjoni volontarja fil-Ġermanja, billi jikkonkludi kuntratt tat-tfaddil għall-pensjoni. Madankollu, ħaddiem bħal dan, li minbarra dan fil-Ġermanja jiġi ntaxxat fuq l-introjtu minn impjieg barrani, se jkun eskluż mill-benefiċċji marbuta mat-taxxa ta' dan il-kuntratt partikolari. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, garantit fl-Artikolu 45 tat-TFUE u fl-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE.  Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil SPANJ, lil ĊIPRU, lill-POLONJA u lill-PORTUGALL quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jinnotifikaw miżuri li jittrasponu fid-dritt nazzjonali d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 (Direttiva dwar il-Pilastru 2)
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Spanja (INFR(2024)0049), lil Ċipru (INFR(2024)0020), lill-Polonja, (INFR(2024)0113) u lill-Portugall (INFR(2024)0119) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni Ewropea (id-Direttiva dwar il-Pilastru 2). It-traspożizzjoni tad-Direttiva hija kruċjali għall-implimentazzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea tal-Pilastru 2, il-komponent minimu tat-tassazzjoni tar-riforma G20/OECD tat-tassazzjoni internazzjonali.  Il-Pilastru 2 se jillimita l-ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rati tat-taxxa korporattiva. Il-profitt tal-gruppi multinazzjonali u domestiċi kbar jew tal-kumpaniji kbar, flimkien ma' fatturat annwali kkombinat ta' mill-inqas €750 miljun, se iġu ntaxxati b'rata effettiva tat-taxxa minima ta' 15%. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-Pilastru 2 għandha tkun prijorità minħabba li se tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta' erożjoni tal-bażi tat-taxxa u ta' trasferiment tal-profitt u tiżgura li l-akbar gruppi multinazzjonali jħallsu r-rata minima globali miftiehma tat-taxxa korporattiva. L-Istati Membri kollha tal-UE kienu meħtieġa jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar il-Pilastru 2 sal-31 ta' Diċembru 2023, u jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni minnufih. Dawn il-miżuri japplikaw fir-rigward tas-snin fiskali li jibdew mill-31 ta' Diċembru 2023. Sal-lum, kważi l-Istati Membri tal-UE kollha ssodisfaw dawn l-obbligi. Madankollu, il-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali għadhom ma ġewx innotifikati minn Spanja, Ċipru, il-Polonja u l-Portugall. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li qed isiru sforzi sinifikanti mill-awtoritajiet biex jiffinalizzaw il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali tal-Pilastru 2 tagħhom iżda, sal-lum il-ġurnata, dawn l-Istati Membri ma nnotifikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni u għalhekk qed tieħu pass formali biex tressaq lil Spanja, lil Ċipru, lill-Polonja u lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta' traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa

 

7. Mobbiltà uTrasport

(Għal aktar tagħrif: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Anna Wartberger – Tel.: +32 2 298 20 54)

Ittra ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE

Il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-forniment ta' servizzi ta' kollegament tad-data  
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2020)2050) talli naqset milli timplimenta malajr u b'mod effettiv id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta' April 2024 dwar is-servizzi ta' kollegament tad-data (il-Każ C-599/22). Id-Deċiżjoni tal-Qorti ddeterminat li l-Greċja ma implimentatx il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru deżinjat tagħha jikkonforma mar-rekwiżiti tal-operat tas-servizzi ta' kollegament tad-data. Dawn is-servizzi jippermettu komunikazzjonijiet f'ħin reali, siguri u effiċjenti bejn l-unitajiet ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-inġenji tal-ajru u huma kruċjali għaż-żamma ta' ġestjoni sikura u effiċjenti tat-traffiku tal-ajru. Dawn jippermettu monitoraġġ u koordinazzjoni kontinwi tar-rotot tat-titjira, kif ukoll it-trażmissjoni ta' informazzjoni kritika bħall-aġġornamenti tat-temp, il-pjanijiet tat-titjiriet, u d-data dwar il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru. Wara skambju ta' ittri mal-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri meħuda mill-Greċja sal-lum mhumiex biżżejjed biex itemmu l-ksur kif iddikjarat mill-Qorti. Il-Kummissjoni tista' toħroġ ittra formali skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE jekk Stat Membru jonqos milli jimplimenta sentenza tal-Qorti. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' terġa' tressaq il-każ quddiem il-Qorti, kif previst fl-Artikolu 260(2) tat-TFUE, u titlob li jiġu imposti penali finanzjarji fuq il-Greċja. 

Opinjonijiet motivati 

Il-Kummissjoni tappella lil MALTA biex tapplika l-liġi tal-UE in konnessjoni mal-ħaddiema tal-port b'mod korrett 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Malta (INFR(2022)4020) talli applikat b'mod skorrett il-liġi tal-UE fir-reġim tal-ħaddiema portwali tagħha. Ir-reġim Malti tal-ħaddiema portwali jinkludi sistema ta' kwoti u ta' awtorizzazzjoni għall-ħaddiema portwali kollha bi skema preferenzjali għall-membri tal-familja tal-ħaddiema portwali attwali. Il-Kummissjoni Ewropea hija mħassba li l-qafas legali u regolatorju ta' Malta għax-xogħol fil-portijiet tagħha ma jaderixxix mal-Artikoli 45, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE li jkopru l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Malta f'Settembru 2022. Fit-tweġiba tagħha, Malta rrikonoxxiet l-eżistenza ta' sistema ta' kwoti u awtorizzazzjoni għall-ħaddiema portwali kollha, kif ukoll skema preferenzjali għall-membri tal-familja tal-ħaddiema portwali attwali. Dan ifisser li l-kumpaniji jistgħu jimpjegaw fost l-400 ħaddiem tal-port elenkati fir-Reġistru tal-Ħaddiema tal-Port iżda jekk dawk il-ħaddiema ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-impjegaturi, il-kumpaniji jridu jimpjegaw fost il-qraba ta' dawn l-400 ħaddiem tal-port. Huwa biss jekk il-qraba ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li l-impjegaturi jistgħu jagħżlu l-persunal tagħhom b'mod liberu. L-awtoritajiet Maltin ipprovdew ġustifikazzjonijiet għar-reġim tagħhom, iżda l-Kummissjoni għadha temmen li l-iskema Maltija tikser il-liġi tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Malta, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-AWSTRIJA u lill-ĠERMANJA biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-vetturi mikrija bla sewwieqa għat-trasport tal-merkanzija bit-triq 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja (INFR(2023)0201) u lill-Awstrija (INFR(2023)0184),biex tħeġġiġhom jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva (UE) 2022/738 fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Din id-Direttiva għandha l-għan li tirregola l-użu ta' vetturi mikrija jew illokati fit-tul mingħajr sewwieqa għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, filwaqt li tiżgura s-sikurezza, il-kompetizzjoni ġusta, u l-konformità mar-regoli eżistenti tal-UE. Tiddefinixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-vetturi mikrija jew mikrija mingħajr sewwieqa huma permessi fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija u tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet biex jissaħħaħ l-infurzar. Il-Ġermanja u l-Awstrija għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw din id-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Awstrija u lill-Ġermanja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lid-DANIMARKA u lil SPANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma ttrasponewx ir-regoli dwar il-kwalifikazzjonijiet għan-navigazzjoni interna u r-rikonoxximent ta' ċertifikati minn pajjiżi terzi 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lid-Danimarka (INFR(2022)0207); (INFR(2022)0210) u lil Spanja (INFR(2022)2042); (INFR (2022) 0216) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma ttrasponewx id-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna, kif ukoll talli ma implimentawx id-Direttiva (UE) 2021/1233, li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397, fir-rigward ta' miżuri tranżizzjonali għar-rikonoxximent ta' ċertifikati minn pajjiżi mhux tal-UE fin-navigazzjoni interna. Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tiddefinixxi l-istandards u l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni għall-persunal li jopera bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-UE, u r-rikonoxximent ta' dawn il-kwalifiki fost l-Istati Membri. Hija tiddeskrivi wkoll miżuri tranżitorji ħalli ċ-ċertifikati, ir-rekords tas-servizzi, u l-ġurnali ta' abbord maħruġa qabel l-iskadenza tat-trasponiment tad-Direttiva jibqgħu validi. Id-Direttiva (UE) 2021/1233 tistabbilixxi dispożizzjonijiet għal tranżizzjoni bla xkiel għar-rikonoxximent ta' dokumenti ta' pajjiżi terzi u l-iżgurar ta' livell ta' konsistenza u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE għal sistema integrata u effiċjenti tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni madwar l-Ewropa. Id-Danimarka u Spanja naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jittrasponu ż-żewġ Direttivi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lid-Danimarka u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni hija disponibbli fl-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tnaqqas il-penali finanzjarji għall-BULGARIJA bi tweġiba għat-traspożizzjoni parzjali tagħha tar-regoli tal-UE dwar il-pedaġġ elettroniku Ewropew
Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tbaxxi l-penali finanzjarji li kienet ipproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kontra l-Bulgarija (INFR(2021)0517) bi tweġiba għat-traspożizzjoni parzjali mill-Bulgarija tad-Direttiva tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (European Electronic Tolling Service, EETS). F'April 2023, il-Kummissjoni kienet ressqet lill-Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma ttrasponietx id-Direttiva EETS (id-Direttiva (UE) 2019/520). In-nuqqas ta' traspożizzjoni joħloq kwistjonijiet ta' interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ tal-Istati Membri u jxekkel l-infurzar transfruntier tat-tariffi tat-triq. Dan ifisser ukoll li s-sewwieqa jistgħu jkunu meħtieġa jkollhom aktar minn kuntratt ta' abbonament wieħed, fornitur wieħed u unità abbord waħda biex isuqu lejn jew madwar il-Bulgarija. Id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva kienet id-19 ta' Ottubru 2021. Il-Kummissjoni bdiet il-proċedimenti ta' ksur kontra l-Bulgarija f'Novembru 2021. Peress li l-Bulgarija baqgħet tikser l-obbligu tagħha li tittrasponi d-Direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti f'April 2023, bi proposta biex timponi sanzjonijiet finanzjarji. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Bulgarija ttrasponiet parti mid-Direttiva. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi lill-Qorti tnaqqis tal-penali oriġinarjament proposti biex jirriflettu din it-traspożizzjoni parzjali u l-isforz tal-Bulgarija.

 

8. Stabilità Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170, Marta Perez-Cejuela Romero Tel.: +32 2 296 37 70)

Ittri ta' intimazzjoni 

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA u lis-SLOVAKKJA biex jittrasponu d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart b'mod korrett 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)2218) u lis-Slovakkja (INFR(2024)2219) talli naqsu milli jittrasponu b'mod sħiħ id-Direttiva dwar ir-Trasparenza (id-Direttiva 2004/109/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva 2013/50/UE). L-Ungerija naqset milli tiżgura traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet relatati mal-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq emittenti li jonqsu milli jippubblikaw ir-rapporti tagħhom dwar il-pagamenti lill-gvernijiet. Is-Slovakkja naqset milli tiżgura t-traspożizzjoni korretta tar-regoli dwar id-dmir ta' kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' sanzjonijiet u jinvestigaw f'każijiet transfruntiera. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza kif emendata bid-Direttiva 2013/50/UE tarmonizza r-rekwiżiti tal-iżvelar perjodiku ta' informazzjoni għall-emittenti li t-titoli tagħhom qed jinnegozjaw f'suq regolat. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. 

Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA, lill-ITALJA u lill-AWSTRIJA biex jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assikurazzjoni 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2024)2222), lill-Italja (INFR(2024)2221) u lill-Awstrija (INFR(2024)2220) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assikurazzjoni (id-Direttiva (UE) 2016/97). Id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni tistabbilixxi standards minimi għad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-assigurazzjoni fis-Suq Uniku biex jiġi żgurat livell għoli ta' professjonaliżmu, trasparenza u protezzjoni tal-konsumatur. L-ittri ta' intimazzjoni huma relatati mad-dispożizzjonijiet dwar l-intermedjarji tal-assigurazzjoni kkontrollati minn persuni minn pajjiżi terzi fil-każ tal-Awstrija u l-Ġermanja, dwar intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari li jbigħu prodotti tal-assigurazzjoni bħala żieda mal-prodotti u s-servizzi tagħhom u dwar il-pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet fil-każ tal-Ġermanja, u mar-regoli dwar l-attivitajiet transfruntiera minn intermedjarji tal-assigurazzjoni taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-każ tal-Italja. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lill-Italja u lill-Awstrija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. 

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Assikurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2024)4020) minħabba t-traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva dwar l-Assikurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur (id-Direttiva 2009/103/KE). Skont il-liġi Bulgara, għal ċerti partijiet li ġarrbu dannu, l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur tkopri l-kumpens għad-dannu mhux materjali li jirriżulta mill-mewt ta' qarib f'inċident. Madankollu, dan l-ammont huwa inqas mill-minimu meħtieġ mid-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur. Il-Kummissjoni jidhrilha li dan ma jikkonformax mal-obbligi imposti fuq il-Bulgarija skont id-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

9. Ekonomija diġitali

(Għal aktar informazzjoni: Thomas Regnier - Tel.: +32 2 299 10 99, Patricia Poropat – Tel.: + 32 2 298 04 85)

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella liċ-ĊEKJA, lil ĊIPRU u lill-PORTUGALL biex jikkonformaw mal-Att tal-UE dwar is-Servizzi Diġitali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati liċ-Ċekja (INFR(2024)2039), lil Ċipru (INFR(2024)2016) u lill-Portugall (INFR(2024)2038), wara l-ittri ta' intimazzjoni mibgħuta f'April 2024. Minkejja skambji minn April, dawn l-Istati Membri għadhom ma tawx is-setgħa lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali maħtura tagħhom biex jimplimentaw l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Barra minn hekk, naqsu wkoll milli jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-DSA. Id-DSA għandu l-għan li jagħmel l-ispazju online aktar sikur fl-UE. L-Istati Membri kellhom sas-17 ta' Frar 2024 biex jaħtru Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, awtoritajiet regolatorji indipendenti biex jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-DSA. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mgħammra b'setgħat sħaħ f'kull Stat Membru huma essenzjali għall-eżerċizzju tal-jeddijiet il-ġodda maħluqa skont id-DSA, pereżempju biex jiġi żgurat li l-utenti jistgħu jilmentaw kontra l-pjattaformi. L-Istati Membri għandhom xahrejn biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-opinjonijiet motivati. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq l-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

10. Impjiegi u drittijiet soċjali

(Għal aktar informazzjoni: Veerle Nuyts – Tel.: +32 229 96302; Ignazio Cocchiere – Tel.: +32 2 298 22 61)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ li SPANJA biex tipprevjeni l-użu abbużiv ta' relazzjonijiet ta' impjieg b'terminu fiss u tevita kundizzjonijiet diskriminatorji tal-impjieg fis-settur pubbliku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lil Spanja (INFR(2014)4334) talli naqset milli tipproteġi biżżejjed lill-ħaddiema tas-settur pubbliku kontra l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss suċċessivi. Dan imur kontra r-regoli tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE), li jirrikjedu li l-Istati Membri jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, miżuri biex jipprevjenu u, jekk meħtieġ, jippenalizzaw l-abbuż permezz ta' kuntratti suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss. Il-Kummissjoni ssib li l-liġi Spanjola ma tinkludix tali miżuri għal ċerti tipi ta' relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien fiss fis-settur pubbliku. Pereżempju, irrispettivament minn jekk impjegat għal żmien fiss ikunx ġie rreklutat għal 20 jew 30 sena, il-kumpens ikun l-istess. U impjegat li, wara li jkun ħadem 20 sena taħt serje ta' kuntratti għal żmien fiss, jirriżenja għal kwalunkwe raġuni bħal li jaċċetta impjieg ieħor jew jieħu ħsieb membru tal-familja, ma jkollu l-ebda aċċess għal kwalunkwe kumpens, anke jekk qorti tiddikjara dik is-serje ta' kuntratti b'terminu fiss bħala abbużiva. Din l-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali tqis l-emendi għar-regoli nazzjonali li Spanja adottat wara li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' ksur fl-2015. Il-Kummissjoni jidhrilha li r-regoli nazzjonali l-ġodda għadhom ma jindirizzawx biżżejjed il-kwistjonijiet identifikati, b'mod partikolari fir-rigward tal-effettività tal-miżuri ta' penali. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lid-DANIMARKA, lill-GREĊJA, lil MALTA u lill-PORTUGALL biex jittrasponu r-regoli dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fil-liġi nazzjonali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lid-Danimarka (INFR(2023)2175), lill-Greċja (INFR(2023)2138), lil Malta (INFR(2023)2137) u lill-Portugall (INFR(2023)2174) biex jinkorporaw id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (Directive 2014/112/UE) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva timplimenta ftehim bejn l-imsieħba soċjali li jirregola ċerti aspetti tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema impjegati abbord bastimenti fis-setturi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Il-ftehim jirregola t-tul tal-ħin tax-xogħol ta' kuljum u ta' kull ġimgħa, il-perjodi tal-mistrieħ, il-pawżi, il-ħin tax-xogħol massimu matul il-lejl, u l-liv annwali. Madankollu, id-Danimarka, il-Greċja, Malta u l-Portugall s'issa naqsu milli jikkomunikaw miżuri li jinkorporaw id-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lil dawn l-Istati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-imħallfin onorarji mad-dritt tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Italja (INFR(2016)4081) talli naqset milli tallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fit-rigward tal-imħallfin onorarji mal-liġi tax-xogħol tal-UE bis-sħiħ. L-opinjoni motivata addizzjonali tikkonċerna l-imħallfin onorarji li daħlu fis-servizz wara l-15 ta' Awwissu 2017, peress li l-Italja ma pprovdiet l-ebda tweġiba sostantiva jew ma ħadet l-ebda miżura biex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha ta' Lulju 2023. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Taljana baqgħet tonqos milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar ix-xogħol għal żmien fiss, dwar ix-xogħol part-time u dwar il-ħinijiet tax-xogħol (il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE, il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81/KE, id-Direttiva 2003/88/KE, rispettivament). Bosta kategoriji ta' mħallfin onorarji – jiġifieri kummissarji tal-ġustizzja onorarji tal-paċi, viċi prosekuturi onorarji u mħallfin onorarji – ma jibbenefikawx minn status ta' “ħaddiem” skont id-dritt nazzjonali Taljan, u jitqiesu bħala voluntiera li jipprovdu servizzi fuq bażi “onorarja”. Huma jirċievu trattament inqas favorevoli minn imħallfin permanenti komparabbli fir-rigward ta' diversi kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal allowances f'każ ta' mard, aċċidenti u tqala, trattament fiskali, liv annwali mħallas u modalitajiet u livell ta' paga. Huma ma jirċevux kumpens f'każ ta' abbuż. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sistema għall-kejl tal-ħin tax-xogħol tagħhom. Il-Kummissjoni fetħet din il-proċedura ta' ksur f'Lulju 2021 b'ittra ta' intimazzjoni, segwita minn ittra ta' intimazzjoni addizzjonali mibgħuta f'Lulju 2022 u opinjoni motivata f'Lulju 2023. Minkejja l-emendi leġiżlattivi ppjanati biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE fir-rigward tal-maġistrati onorarji li kienu fis-servizz fil-15 ta' Awwissu 2017 l-Italja ma ppreżentatx pjanijiet biex tindirizza l-kwistjoni inkwistjoni għall-imħallfin onorarji reklutati wara dik id-data. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Riferimenti lill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-ITALJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli ttemm l-użu abbużiv tal-kuntratti għal terminu fiss u l-kundizzjonijiet tal-impjieg diskriminatorji
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Italja (INFR(2014)4231) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli ttemm l-użu abbużiv tal-kuntratti għal terminu fiss u l-kundizzjonijiet tal-impjieg diskriminatorji (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE). Skont il-Kummissjoni, l-Italja ma għandhiex ir-regoli fis-seħħ li huma meħtieġa biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha u l-użu abbużiv ta' kuntratti suċċessivi b'terminu fiss. Il-Kummissjoni ssib li l-leġiżlazzjoni Taljana li tiddetermina s-salarju tal-għalliema b'terminu fiss fl-iskejjel pubbliċi ma tipprevedix progressjoni inkrementali fis-salarju bbażata fuq perjodi preċedenti ta' servizz. Dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni meta mqabbel mal-għalliema impjegati fuq bażi permanenti, li huma intitolati għal tali progressjoni fis-salarju. Barra minn dan, għall-kuntrarju tad-dritt tal-UE, l-Italja ma ħaditx miżuri effettivi biex tipprevjeni l-użu abbużiv ta' kuntratti suċċessivi ta' impjieg għal żmien fiss ta' persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju fl-iskejjel tal-Istat. Dan jikser il-liġi tal-UE dwar l-impjieg għal żmien fiss. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tista' tintsab fl-istqarrija għall-istampa.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Ottubru 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta