Le, l-UE mhux se ġġiegħlek tiekol l-insetti (imma jekk trid, tista’) - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 20 Frar 2025
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 1 min qari

Le, l-UE mhux se ġġiegħlek tiekol l-insetti (imma jekk trid, tista’)

Visit by Virginijus Sinkevičius, European Commissioner, to Germany

Jista' jkun li qrajt jew smajt xi xniegħa li l-Unjoni Ewropea se ġġegħilna nieklu d-dqiq tad-dud jew insetti oħra. Tħallihomx jgħaddu ż-żmien bik: din mhi xejn għajr aħbar falza biex toħloq l-isfiduċja.

Huwa minnu li hemm xi produtturi li jixtiequ jbigħu prodotti li tradizzjonalment ma nikluhomx fl-UE, bħal dawk li jużaw l-insetti bħala ingredjenti. U iva, huwa minnu li dan l-ikel il-ġdid huwa permess fl-UE, dejjem jekk jilħaq l-istandards stretti ħafna biex jiggarantixxu s-sikurezza tagħna.

Is-saħħa qabel kollox

Qabel ma kwalunkwe prodott tal-ikel ġdid jasal fil-ħwienet, irid jgħaddi minn proċess ta’ evalwazzjoni xjentifika bir-reqqa. L- Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija inkarigata tanalizza jekk dan l-ikel huwiex tajjeb biex jittiekel mill-bnedmin.

Informazzjoni dettaljata

Jekk prodott ikun fih l-insetti, dan irid jidher ċar fil-lista tal-ingredjenti. Barra minn hekk, irid jiġi indikat jekk jistax jikkawża allerġiji. Ma rridux sorpriżi!

Tiddeċiedi int

Ladarba prodott tal-ikel ġdid jiġi awtorizzat, id-deċiżjoni tiklux jew le hija tiegħek, u tiegħek biss. Bis-saħħa tar-regoli Ewropej, fit-tiketta ssib id-dettalji kollha li teħtieġ biex tieħu deċiżjoni infurmata sew.

Biex nikkonkludu:

· Xejn mhu bilfors: ħadd mhu se jġiegħlek tiekol dak li ma tridx.

· Is-saħħa l-ewwel: l-ikel il-ġdid jgħaddi minn proċess ta’ verifika tas-sikurezza tiegħu.

· Trasparenza totali: tkun taf eżatt x’inti tiekol.

Ix-xjenza u l-istituzzjonijiet Ewropej jistinkaw ta’ kuljum biex jipproteġu ’l saħħitna u d-drittijiet tagħna bħala konsumaturi. Tista’ ssir taf aktar billi taqra dawn il-mistoqsijiet u tweġibiet dwar is-sikurezza tal-ikel

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
20 Frar 2025
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta