Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet16 Settembru 20216 min qari

NextGenerationEU: Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-pjan ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza ta' EUR 316.4 miljun

whatsapp_image_2021-09-16_at_15.45.47.jpeg
© EU
Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat valutazzjoni pożittiva tal-pjan ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza.

 

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat valutazzjoni pożittiva tal-pjan ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan huwa pass importanti lejn il-ħlas mill-UE ta' EUR 316.4 miljun f'għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Dan il-finanzjament se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri kruċjali ta' investiment u riforma deskritti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta. Dan se jippermetti lil Malta toħroġ aktar b'saħħitha mill-pandemija tal-COVID-19.

L-RRF hija fil-qalba ta' NextGenerationEU li se tipprovdi EUR 800 biljun (fi prezzijiet attwali) biex tappoġġa l-investimenti u r-riformi madwar l-UE. Il-pjan Malti jifforma parti minn rispons koordinat bla preċedent tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19 biex jindirizza l-isfidi komuni Ewropej billi jħaddan it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex isaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u l-koeżjoni tas-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni vvalutat il-pjan ta' Malta abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament RRF. L-analiżi tal-Kummissjoni kkunsidrat, b'mod partikolari, jekk l-investimenti u r-riformi li jinsabu fil-pjan ta' Malta jappoġġawx it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi identifikati fis-Semestru Ewropew; u ssaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħha.

Niżguraw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ta' Malta 

Il-Kummissjoni ssib li l-pjan ta' Malta jiddedika 54% tal-allokazzjoni totali tagħha għal miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi. Dan jinkludi investimenti għall-finanzjament ta' inizjattivi ta' trasport sostenibbli, inkluż sit ta' żbark ta' laneċ u vetturi elettriċi, kif ukoll interventi fl-effiċjenza enerġetika fil-bini. Il-pjan jinkludi wkoll riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-ippjanar tat-trasport, iwessgħu l-aċċess liberu għat-trasport pubbliku, u jimplimentaw il-Pjan ta' Mobilità Urbana Sostenibbli tar-reġjun tal-Belt Valletta. Ir-riformi tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart għandhom l-għan li jsaħħu l-ekonomija ċirkolari f'Malta.

Il-Kummissjoni ssib li l-pjan ta' Malta jiddedika 26 % tal-allokazzjoni totali tagħha għal miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali. Dan jinkludi sforzi biex l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi jkomplu jiġu diġitalizzati, inkluż il-kura tas-saħħa u s-sistemi ġudizzjarji, kif ukoll biex jissaħħu l-inizjattivi relatati mad-diġitalizzazzjoni għas-settur privat.

It-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u soċjali ta' Malta

Il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' Malta jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil Malta.

Il-pjan jinkludi miżuri fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-innovazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, l-iskart, it-trasport sostenibbli, l-indipendenza ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Jinkludi wkoll miżuri li parzjalment jindirizzaw l-isfidi fl-oqsma tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-innovazzjoni u l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet.

Il-pjan jirrappreżenta rispons komprensiv u bbilanċjat b'mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Malta, u b'hekk jikkontribwixxi b'mod xieraq għas-sitt pilastri kollha tar-Regolament RRF.

Appoġġ għal proġetti ewlenin ta' investiment u riforma

Il-pjan ta' Malta jipproponi proġetti f'ħames oqsma ewlenin Ewropej. Dawn huma proġetti ta' investiment speċifiċi, li jindirizzaw kwistjonijiet li huma komuni għall-Istati Membri kollha f'oqsma li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir u li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Pereżempju, Malta pproponiet li tipprovdi EUR 60 miljun biex jiġi rinnovat bini privat u pubbliku, inklużi sptarijiet u skejjel, biex tittejjeb il-prestazzjoni enerġetika tagħhom. Dan se jwassal biex Malta tnaqqas id-domanda tagħha għall-enerġija primarja, tillimita l-iskart tal-enerġija, tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li tiżgura wkoll implikazzjonijiet soċjali, tas-saħħa u ambjentali pożittivi.

Il-valutazzjoni ssib ukoll li l-ebda waħda mill-miżuri inklużi fil-pjan ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-ambjent, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament RRF.

Is-sistemi ta' kontroll stabbiliti minn Malta huma kkunsidrati adegwati biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-pjan jipprovdi biżżejjed dettalji dwar kif l-awtoritajiet nazzjonali se jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu każijiet ta' kunflitt ta' interess, korruzzjoni u frodi relatati mal-użu tal-fondi.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti l-approvazzjoni tagħha lill-pjan ta' rkupru u ta' reżiljenza ta' Malta. Ninsab partikolarment kuntenta li l-pjan ipoġġi enfasi daqshekk qawwija fuq miżuri li se jgħinu biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni ekoloġika ta' Malta. L-investimenti fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-mobbiltà sostenibbli deskritti fil-pjan ta' Malta huma urġenti daqs kemm huma kruċjali. Se nkunu magħkom f'kull pass f'din it-triq hekk kif l-enfasi ddur fuq l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ambizzjuż.”

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, qal: “Illum, approvajna l-pjan ta' rkupru ta' Malta biex tinħoloq ekonomija aktar ġusta, aktar diġitali u sostenibbli. Dan il-pjan jilħaq il-bilanċ it-tajjeb, b'aktar minn nofs l-allokazzjoni totali mmirata lejn l-objettivi tal-klima billi jnaqqas id-domanda tal-pajjiż għall-enerġija u l-iskart. Dan jinkludi investimenti biex jiġi ffinanzjat it-trasport sostenibbli, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini u jiġu riformati s-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart. Dwar il-qasam diġitali, Malta se tkompli tiddiġitalizza l-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi tagħha, inklużi l-kura tas-saħħa u l-ġudikatura. Nilqa' wkoll l-enfasi tal-pjan fuq l-indirizzar tal-indipendenza ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Malta tindirizza parzjalment l-isfidi relatati mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u aħna se naħdmu mal-awtoritajiet tagħha biex nagħmlu aktar fil-futur.”

Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: “L-implimentazzjoni tal-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza fis-snin li ġejjin se tgħin biex tittrasforma l-irkupru ekonomiku b'saħħtu tal-pajjiż f'fażi ta' tkabbir sostnut u sostenibbli. Appoġġat minn EUR 316 miljun f'finanzjament minn NextGenerationEU, il-pjan fih firxa impressjonanti ta' miżuri għall-ekonomija ekoloġika ta' Malta, jagħti spinta lill-kompetittività diġitali tagħha u jsaħħaħ aktar is-sistema tas-saħħa tagħha. Nilqa' wkoll l-impenji importanti għas-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja, it-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-għeluq tal-opportunitajiet għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa.”

Il-passi li jmiss

Illum il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill biex tipprovdi EUR 316.4 miljun f'għotjiet lil Malta skont l-RRF. Il-Kunsill issa se jkollu, bħala regola, erba' ġimgħat biex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni.

L-approvazzjoni tal-pjan mill-Kunsill tippermetti l-iżborż ta' EUR 41.1 miljun lil Malta bħala prefinanzjament. Dan jirrappreżenta 13 % tal-ammont totali allokat għal Malta.

Il-Kummissjoni se tawtorizza aktar żborżi bbażati fuq l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri deskritti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill, li jirriflettu l-progress fl-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi. 

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-pjan ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza ta' EUR 316.4 miljun

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva dwar il-pjan ta' rkupru u ta' reżiljenza ta' Malta

Proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta

Anness għall-Proposta ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Malta

Dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Settembru 2021