Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa17 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

NextGenerationEU: il-Kummissjoni Ewropea tiżborża €41.1 miljun fi prefinanzjament għal Malta

Malta's Recovery & Resilience Plan

Illum, il-Kummissjoni Ewropea żborżat €41.1 miljun, li huwa ekwivalenti għal 13 % tal-allokazzjoni finanzjarja tal-pajjiż taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF), fi prefinanzjament għal Malta. Il-pagament ta' prefinanzjament se jgħin biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-investiment kruċjali u l-miżuri ta' riforma deskritti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta.

Il-Kummissjoni se tawtorizza aktar żborżi bbażati fuq l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi deskritti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta. Il-pajjiż huwa mistenni li jirċievi total ta' €316.4-il miljun, li jikkonsistu kompletament f'għotjiet, tul il-ħajja tal-pjan tiegħu.

Minn Ġunju 2021, il-Kummissjoni ġabret €71 biljun għal NextGenerationEU permezz ta' Bonds tal-UE ta' terminu twil – €12-il biljun minnhom permezz tal-ewwel ħruġ ta' bonds ekoloġiċi ta' NextGenerationEU. Fl-14 ta' Diċembru, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta' finanzjament tagħha għall-ewwel semestru tal-2022. Il-pjan jipprevedi l-ħruġ ta' €50 biljun f'Bonds tal-UE ta' terminu twil bejn Jannar u Ġunju 2022, li għandhom jiġu kkomplementati minn Kambjali tal-UE ta' terminu qasir. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bħalissa għandha madwar €20 biljun f'Kambjali tal-UE li għadhom pendenti.

L-RRF, bħala parti minn NextGenerationEU, se tipprovdi €723.8 biljun (fi prezzijiet kurrenti) biex tappoġġa l-investimenti u r-riformi madwar l-Istati Membri. Il-pjan ta' Malta huwa parti mir-rispons bla preċedent tal-UE biex toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżi tal-COVID-19, trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-koeżjoni fis-soċjetajiet tagħna.

Appoġġ għal investimenti trasformattivi u proġetti ta' riforma

L-RRF f'Malta tiffinanzja investimenti u riformi li huma mistennija li jkollhom effett trasformattiv profond fuq l-ekonomija u s-soċjetà ta' Malta. Dawn huma xi wħud minn dawn il-proġetti:

  • Is-sigurtà tat-tranżizzjoni ekoloġika: Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta huwa fost l-aktar ekoloġiċi, b'54 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan li tappoġġa objettivi klimatiċi. Se jiġu investiti €60 miljun f'rinnovazzjonijiet għall-effiċjenza fl-enerġija u fl-ekoloġizzazzjoni tal-bini privat u pubbliku, inklużi l-isptarijiet u l-iskejjel. Huma mistennija €16-il miljun oħra għal post ta' żbark ġdid f'San Pawl il-Baħar/Buġibba, bil-ħsieb li t-trasport jiġi trasferit mit-triq għall-baħar u jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport.
  • L-appoġġ għat-tranżizzjoni diġitali: Il-pjan jinvesti €34 miljun fis-sistemi tal-IT tal-gvern biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, il-kapaċità u s-sigurtà tagħhom u jittejbu s-servizzi pubbliċi diġitali għal esperjenza aħjar għall-konsumaturi. Se jkunu disponibbli €15-il miljun oħra għad-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, f'diversi setturi, inklużi s-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, it-turiżmu u l-manifattura. Il-pjan jipprovdi wkoll €10 miljun biex jiġu implimentati soluzzjonijiet diġitali siguri u għodod biex jappoġġaw lill-utenti fis-settur tal-ġustizzja, tiżdied l-aċċessibbiltà tal-ġustizzja u tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema.
  • Ir-rinfurzar tar-reżiljenza ekonomika u soċjali: Il-pjan ta' Malta jappoġġa l-bini tar-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-settur tas-saħħa tagħha billi jinvesti €49.9 miljun biex jippromwovi l-integrazzjoni u l-benesseri tal-ħaddiema tas-saħħa barranin, jistabbilixxi Ċentru tad-Demm, tat-Tessuti u taċ-Ċelloli għal Malta, u jintroduċi teknoloġiji diġitali biex jiffaċilita l-interazzjoni mal-pazjenti u mal-professjonisti tas-saħħa u jtejjeb it-trattament. Fost affarijiet oħra, €41.4 miljun addizzjonali jsaħħu l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u l-miżuri ta' intervent, jirrinforzaw edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva, jespandu l-gwida u l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għall-adulti kollha u b'mod partikolari għal dawk b'livell baxx ta' ħiliet, u jkomplu jiżviluppaw l-analiżi u l-monitoraġġ regolari tas-sistema tal-pensjonijiet u tal-benefiċċji tal-qgħad biex tiġi appoġġata l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tagħha. Il-pjan ta' Malta jsaħħaħ ukoll l-indipendenza u l-effiċjenza tal-qrati u tal-fergħat investigattivi u tal-prosekuzzjoni tas-sistema ġudizzjarja, filwaqt li jadotta wkoll miżuri li parzjalment inaqqsu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Membri tal-Kulleġġ qalu

Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Ninsab kuntenta li Malta se tirċievi l-ewwel pagament tagħha ta' €41 miljun taħt NextGenerationEU. Dan huwa pass importanti lejn it-twettiq fuq il-post tal-miżuri ambizzjużi li jinsabu fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta. Il-pjan jenfasizza b'mod speċjali l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni, permezz ta' miżuri bħal rinnovazzjonijiet ta' effiċjenza fl-enerġija, il-promozzjoni ta' mobbiltà aktar ekoloġika, u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Dan l-appoġġ se jagħti spinta lil futur aktar ekoloġiku u diġitali għal Malta.”

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, qal: “Malta tinsab fit-triq it-tajba biex tibni ekonomija aktar ġusta, aktar diġitali u sostenibbli. Dan l-iżborż tal-prefinanzjament se jippermettilha tibda tpoġġi fis-seħħ ir-riformi u l-investimenti t-tajbin li se jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u jimpjegaw lil ħafna Maltin hekk kif il-pajjiż joħroġ mill-kriżi.”

Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, qal: “Il-fondi ta' NextGenerationEU tagħna li nġabru fis-suq finanzjarju jkomplu jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika fl-Istati Membri tal-UE, bħal kif ġara issa bl-iżborż tal-prefinanzjament lil Malta. Ninsab ċert li ċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà Maltija kollha kemm hi se jibbenefikaw mill-investimenti u l-proġetti trasformattivi.”

Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: “Dan il-pagament ta' prefinanzjament ta' €41 miljun jimmarka pass importanti ieħor fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta. Tul is-snin li ġejjin, l-investimenti u r-riformi trasformattivi stabbiliti fil-pjan ta' Malta se jgħinu biex tinbena ekonomija aktar ekoloġika, diġitalment kompetittiva u soċjalment inklużiva.”

Għal Aktar Informazzjoni


Mistoqsijiet u tweġibiet: Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-pjan ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza ta' EUR 316.4 miljun

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva dwar il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar il-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għal Malta

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Analiżi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

L-istqarrija għall-istampa: it-tielet bond ta' NextGenerationEU

L-istqarrija għall-istampa: l-ewwel pjan ta' finanzjament tal-Kummissjoni

Is-sit web EU as a borrower

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta