Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 8 Marzu 2023
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 1 min qari

NextGenerationEU: Il-Kummissjoni tagħmel l-ewwel ħlas ta’ €52.3 miljun lil Malta bis-saħħa tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Malta RRF

Il-ħlas tal-lum ta’ €52.3 miljun f’għotjiet kien possibbli minħabba li Malta laħqet is-16-il stadju importanti u t-tliet miri tal-ewwel ħlas parzjali. It-talba għall-ħlas tkopri miżuri importanti, bħall-adozzjoni ta’ strateġija biex jitnaqqas l-iskart fis-settur tal-kostruzzjoni permezz tar-riċiklaġġ, l-istabbiliment ta’ faċilitajiet tal-uffiċċji biex il-ħaddiema taċ-ċivil jkun jistgħu jaħdmu remotament minn madwar il-pajjiż, riformi biex jagħtu spinta lir-riċerka u l-investiment industrijali, strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni, u riformi biex is-sistema ġudizzjarja tiġi diġitalizzata. Bħal fil-każ ta’ kull Stat Membru ieħor, il-ħlasijiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), l-istrument ewlieni fil-qalba ta’ NextGenerationEU, huma bbażati fuq il-prestazzjoni, u jiddependu fuq li Malta timplimenta l-investimenti u r-riformi indikati fil-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza. 

Fid-19 ta’ Diċembru 2022, Malta ppreżentat l-ewwel talba għall-ħlas tagħha lill-Kummissjoni ta’ €52.3 miljun skont l-RRF, li kienet tkopri 16-il stadju importanti u tliet miri. Fis-17 ta’ Jannar 2023 il-Kummissjoni approvat valutazzjoni preliminari pożittiva tat-talba għall-ħlas li għamlet Malta. L-opinjoni favorevoli tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Kunsill dwar it-talba għall-ħlas li għamlet Malta wittiet it-triq biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar il-ħlas tal-fondi. Il-pjan ġenerali ta’ Malta għall-irkupru u r-reżiljenza se jiġi appoġġat minn €258.3 miljun f’għotjiet. L-ammonti mħallsa lill-Istati Membri jiġu ppubblikati fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza, li turi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-RRF inġenerali, u tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza individwali. Malta diġà rċeviet prefinanzjament ta’ €41.1 miljun f’Diċembru 2021. Aktar informazzjoni dwar il-proċess tat-talba għall-ħlas tal-RRF tinsab f’dawn il-mistoqsijiet u tweġibiet. Aktar informazzjoni dwar il-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza hija disponibbli hawnhekk. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
8 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta