Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet30 Ġunju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Regoli ġodda dwar ir-Roaming għall-vjaġġaturi fl-UE: “Roaming daqslikieku f'pajjiżek” għal 10 snin oħra

 Free roaming charges

Wara t-titjib li sarlu, ir-Regolament il-ġdid dwar ir-Roaming se jidħol fis-seħħ għada, l-1 ta' Lulju 2022. Jestendi r-“Roaming daqslikieku f'pajjiżek” sal-2032 – l-iskema li bis-saħħa tagħha l-vjaġġaturi fl-UE u fiż-ŻEE jistgħu jċemplu, jibagħtu l-messaġġi u jużaw l-internet barra minn pajjiżhom mingħajr tariffi żejda. Ir-regoli l-ġodda se jġibu magħhom ukoll benefiċċji sinifikanti għan-negozji u għaċ-ċittadini tal-UE, li se jgawdu minn esperjenza tar-roaming aħjar, bl-istess kwalità ta' servizz tal-mowbajl barra minn pajjiżhom bħal dik li għandhom f'pajjiżhom. Ir-regoli l-ġodda jtejbu wkoll l-aċċess għall-komunikazzjonijiet ta' emerġenza madwar l-UE u jiggarantixxu informazzjoni ċara dwar is-servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal tariffi żejda.

Fi kliem Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali: “Bis-saħħa tar-Regolament dwar ir-Roaming, kollha kemm aħna gawdejna mir-“Roaming daqslikieku f'pajjiżek”. Meta nivvjaġġaw fl-UE nistgħu nċemplu, nibagħtu l-messaġġi u nużaw l-Internet mingħajr spejjeż żejda  Dan huwa wieħed mill-benefiċċji tanġibbli ħafna tas-Suq Uniku Ewropew tagħna. L-estensjoni ta' dawn ir-regoli se żżomm il-kompetittività tal-prezzijiet bejn l-operaturi, u se tippermetti lill-konsumaturi jkomplu jgawdu minn servizzi tar-roaming b'xejn għall-għaxar snin li ġejjin.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal: Tiftakru meta kellna nitfu d-data tal-mowbajl waqt li nivvjaġġaw fl-Ewropa biex nevitaw li nirċievu kont għoli minħabba r-roaming? Issa dan jinsab kollu warajna. U bi ħsiebna nħallu l-affarijiet kif inhuma għal mill-inqas għaxar snin oħra. Veloċità aħjar, aktar trasparenza: Inkomplu ntejbu ħajjet iċ-ċittadini tal-UE.”

Internet b'veloċità aħjar fuq il-mowbajl waqt l-ivvjaġġar

Il-konsumaturi issa se jkollhom id-dritt għall-istess kwalità tal-internet fuq il-mowbajl barra minn pajjiżhom bħal dik li għandhom f'pajjiżhom. L-operaturi li jipprovdu servizzi tal-mowbajl għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-4G, jew għan-networks avvanzati aktar tal-5G, meta dawn ikunu disponibbli fil-post li jkun qed iżur il-konsumatur. Fil-kuntratti tas-servizz tal-mowbajl tagħhom u fuq is-siti web tal-operaturi, il-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-disponibbiltà tan-network.

Nevitaw tariffi moħbija u mhux mistennija

Meta l-konsumaturi jivvjaġġaw bl-ajruplan jew bid-dgħajsa, il-mowbajls jistgħu jaqbdu awtomatikament man-network abbord ipprovdut mis-satelliti. L-użu ta' servizzi tal-konnessjoni tal-mowbajl ipprovduti minn networks mhux terrestri jista' jkun soġġett għal tariffi addizzjonali għaljin ħafna. Ir-regoli l-ġodda dwar ir-roaming jobbligaw lill-operaturi jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom u jinnotifikawhom meta l-mowbajls tagħhom jaqilbu għal networks mhux terrestri. Barra minn hekk, l-operaturi għandhom awtomatikament jinterrompu s-servizzi tal-mowbajl jekk is-servizzi tal-mowbajl fin-networks mhux terrestri jtellgħu kont ta' €50 jew jilħqu xi limitu ieħor definit minn qabel. L-operaturi jistgħu joffru wkoll servizzi addizzjonali, bħall-possibbiltà li jagħżlu li ma jużawx ir-roaming fuq l-ajruplani u d-dgħajjes.  

Aktar informazzjoni għal għażliet aħjar

Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-użu ta' servizzi li jistgħu jdaħħluhom fi spejjeż addizzjonali. Waqt l-ivvjaġġar, it-telefonati lil servizzi għall-klijent u lil helpdesks tal-assigurazzjoni u tal-linji tal-ajru, jew l-SMS ta' xi kompetizzjoni jew avveniment jaf ikunu ferm ogħla mit-tariffi li kieku tkun f'pajjiżek. L-operaturi għandhom jiżguraw li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar it-tipi ta' numri tat-telefown li l-konsumaturi jistgħu jġarrbu spejjeż addizzjonali meta jċemplu jew jaċċessawhom minn barra l-pajjiż. L-operaturi għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi meta jaqsmu l-fruntiera ta' pajjiż ieħor tal-UE permezz ta' messaġġi awtomatiċi mibgħuta bl-SMS, kif ukoll fil-kuntratti tas-servizz.

112 – Komunikazzjoni ta' emerġenza waqt l-ivvjaġġar

Ir-regoli l-ġodda dwar ir-roaming qed jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu konxji tan-numru ta' emerġenza uniku tal-UE 112, li jistgħu jużaw kullimkien fl-UE biex jaqbdu mas-servizzi ta' emerġenza. Sa Ġunju tal-2023, l-operaturi għandhom jibagħtu messaġġi awtomatiċi lill-klijenti tagħhom li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom biex jinfurmawhom dwar il-mezzi alternattivi disponibbli biex jaqbdu mas-servizzi ta' emerġenza, ngħidu aħna permezz ta' messaġġi f'ħin reali jew apps. Iċ-ċittadini li ma jistgħux jagħmlu telefonati bil-vuċi jistgħu jużaw dawn il-mezzi alternattivi.

Prezzijiet orħos bejn l-operaturi, kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi

Ir-Regolament il-ġdid dwar ir-Roaming jistabbilixxi tariffi orħos għall-operaturi, u għalhekk inaqqas l-ispiża għall-operaturi meta jużaw in-networks barra mill-pajjiż ħalli jipprovdu servizzi lill-klijenti tagħhom li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż. Il-limiti massimi għar-rati tal-operaturi huma stabbiliti f'livelli li jiżguraw li l-operaturi jkunu jistgħu jsostnu u jirkupraw l-ispiża talli jipprovdu servizzi tar-roaming lill-klijenti bil-prezzijiet tal-pajjiż tal-utent:

  • Għas-servizzi tad-data, ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi l-limiti massimi għar-rati tal-operaturi li ġejjin: €2/GB fl-2022, €1.80/GB fl-2023, €1.55/GB fl-2024, €1.30/GB fl-2025, €1.10/GB fl-2026 u €1/GB mill-2027 'il quddiem.
  • Għall-vuċi: €0.022/min fl-2022-2024 u €0.019/min mill-2025 'il quddiem.
  • Għall-SMS: €0.004/SMS fl-2022-2024 u €0.003/SMS mill-2025 'il quddiem.

It-tnaqqis fit-tariffi għall-operaturi hu ta' ġid għall-konsumaturi għax b'hekk l-operaturi jkunu jistgħu joffru abbonamenti tar-roaming kompetittivi skont il-prinċipju tar-“Roaming daqslikieku f'pajjiżek”.

Kuntest

Bis-saħħa tar-Regolament tal-UE dwar ir-Roaming, iċ-ċittadini ilhom mill-2017 igawdu minn roaming bla ħlas biex iċemplu, jibagħtu l-messaġġi u jużaw id-data bil-mowbajl barra minn pajjiżhom fl-UE mingħajr tariffi addizzjonali. Ir-reviżjoni tar-regoli ħarġet fid-dieher li kien hemm lok għal titjib. Fl-aħħar Ewrobarometru ta' Frar 2021, 33 % ta' dawk li wieġbu li vvjaġġaw barra mill-pajjiż kellhom veloċità tal-internet fuq il-mowbajl aktar baxxa minn dik li normalment kien ikollhom f'pajjiżhom, u 28 % kellhom standard tan-network aktar baxx barra mill-pajjiż (jiġifieri network 3G minflok 4G). Barra minn hekk, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka wettaq studju li sab li 25 % tal-klijenti esperjenzaw kwalità agħar fis-servizz tar-roaming mill-inqas darba meta mqabbel mal-kwalità f'pajjiżhom anke meta l-kundizzjonijiet tan-network setgħu pprovdew kwalità aħjar. Peress li r-Regolament preċedenti dwar ir-roaming kien se jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2020 u, sabiex l-utenti kollha tal-mowbajls u tal-internet ikunu jistgħu jibqgħu konnessi mingħajr tariffi żejda huma u jivvjaġġaw minn Stat Membru għall-ieħor, fi Frar 2021 il-Kummissjoni kienet ipproponiet Regolament ġdid u mtejjeb dwar ir-roaming. Dan jidħol fis-seħħ għada, l-1 ta' Lulju.

Għal Aktar Informazzjoni

Dwar ir-Roaming

Mistoqsijiet u Tweġibiet aġġornati dwar ir-Regolament il-ġdid dwar ir-Roaming

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar kif jaħdem ir-“Roaming daqslikieku f'pajjiżek”

Rapporti u Studji dwar ir-Roaming

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
30 Ġunju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta