
Illum, il-Kummissjoni qed tadotta Kommunikazzjoni li tistabbilixxi l-kunċett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Din tinkludi numru ta' azzjonijiet politiċi u possibiltajiet ta' finanzjament.
Il-proġett għandu l-għan li jaċċellera t-trasformazzjoni ta' diversi setturi ekonomiċi bħas-settur tal-bini u dak tat-tessuti sabiex iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal prodotti ċirkolari u b'inqas intensità tal-karbonju.
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ġġib magħha dimensjoni kulturali u kreattiva għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, bil-għan li turi kif l-innovazzjoni sostenibbli toffri esperjenzi pożittivi u tanġibbli fil-ħajja tagħna ta' kuljum.
Għall-finanzjament, se jkun hemm madwar €85 miljun mill-programmi tal-UE fl-2021 – 2022, iddedikati għall-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida . Ħafna programmi oħra tal-UE se jintegraw il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala element ta' kuntest jew ta' prijorità mingħajr baġit iddedikat iddefinit minn qabel.
Il-finanzjament se jinkiseb minn programmi differenti tal-UE li jinkludu l-programm Orizzont Ewropa għar-riċerka u l-innovazzjoni (notevolment il-missjonijiet ta' Orizzont Ewropa), il-programm LIFE għall-ambjent u għall-azzjoni dwar il-klima u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-valuri fundamentali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fl-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp territorjali u soċjoekonomiku, u jimmobilizzaw il-partijiet rilevanti tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll il-programmi fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni biex jinbena futur aħjar għal kulħadd.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: “il-grupp ta' riflessjoni u ta' għemil” biex joħloq b'mod konġunt, jibni prototipi u jittestja għodod, soluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta' politika ġodda. Il-Laboratorju se jkompli fuq l-ispirtu kollaborattiv tal-moviment li jlaqqa' flimkien persuni minn oqsma differenti tal-ħajja u jilħaq lis-soċjetà, lill-industrija u lill-politika biex ilaqqa' n-nies u jsib modi ġodda għal sens ta' ħolqien flimkien.
Il-Kummissjoni hija ispirata mill-input li rċeviet matul il-fażi tal-kodisinn li kien hemm fis-seħħ minn Jannar sa Lulju fejn il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 2000 kontribuzzjoni minn madwar l-Ewropa kollha u lil hinn minnha.
Inrawmu moviment li qed jikber
F'Jannar 2021, il-fażi ta' kodisinn tal-Bauhaus Ewropea l-ġdida tnediet biex tidentifika u taħseb fuq is-soluzzjonijiet estetiċi, sostenibbli u inklużivi għall-ispazji għall-għajxien tagħna u tgħin twettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-ewwel parti tal-iżvilupp talbet lil kulħadd biex jissieħeb f'konverżazzjoni biex nevalwaw mill-ġdid il-mod ta' kif ngħixu flimkien. Dawn l-iskambji kkontribwew għall-komunikazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida adottata llum.
Il-kokreazzjoni se tibqa' fundamentali, u se tevolvi fid-dawl tal-ewwel riżultati konkreti, permezz ta' valutazzjonijiet u rieżamijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni se tapprofondixxi aktar il-ħidma mal-Komunità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida li qed tikber, magħmula minn individwi, organizzazzjonijiet u awtoritajiet impenjati.
Il-moviment jispira ruħu wkoll minn postijiet u proġetti eżistenti, sbieħ, sostenibbli u inklużivi fl-Ewropa. L-ewwel Premji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jiċċelebraw dawn il-kisbiet, bl-għoti ta' premji fil-kuntest ta' għaxar kategoriji, minn “prodotti u stil ta' ħajja”, għal “postijiet ridisinjati għal laqgħat u skambji”. Il-fergħa tal-“Istilel Promettenti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, miftuħa esklużivament għal dawk taħt it-30, tappoġġa u tinkoraġġixxi l-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tkompli tiżviluppa ideat ġodda u kunċetti eċitanti. Ir-rebbieħa se jingħataw il-premji f'ċerimonja fis-16 ta' Settembru.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 15 Settembru 2021