Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet19 Settembru 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Ewrobarometru ġdid dwar l-isport u l-attività fiżika juri li 49 % tal-Ewropej jeżerċitaw

jogging

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika l-ħames Ewrobarometru ddedikat għall-isport u l-attività fiżika. L-istħarriġ juri li 38 % tal-Ewropej jipprattikaw sport jew eżerċizzju mill-inqas darba fil-ġimgħa, filwaqt li 17 % jeżerċitaw inqas minn darba fil-ġimgħa. Sa 45 % tal-Ewropej bħalissa qatt ma jeżerċitaw jew jieħdu sehem f'attività fiżika. Filwaqt li dawn iċ-ċifri jixbħu lil dak li ħareġ mill-Ewrobarometru tal-2017, jidher ċar li l-promozzjoni kontinwa għall-isport u l-attività fiżika għadha meħtieġa ħafna. L-istħarriġ jiżvela wkoll li matul il-pandemija tal-COVID-19, nofs l-Ewropej naqqsu l-livelli ta' attività tagħhom jew saħansitra waqfu għalkollox.

Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, stqarr: “L-isport waħdu mhux se jsolvilna l-problemi kollha, iżda minbarra l-benefiċċji ovvji ħafna għal saħħitna, għandu wkoll potenzjal uniku li jgħaqqadna u li jġegħilna nħossuna parti minn komunità. L-isport għandu rwol importanti x'jaqdi fil-bini ta' soċjetajiet koeżivi, waħda mill-akbar sfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja llum. Diġà lħaqna miljuni ta' nies permezz tal-inizjattivi tagħna, iżda l-Ewrobarometru tal-lum jurina li rridu nkomplu nsibu modi ġodda biex nimmotivaw lill-Ewropej isiru attivi.”

Il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel, qalet: “Is-sejbiet li qed nippreżentaw illum juru li huwa ta' importanza vitali li nkomplu u nżidu l-isforzi tagħna biex nippromwovu l-attività fiżika, l-istili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u l-valuri universali, mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-inklużività, permezz tal-isport. Diġà nedejna xi inizjattivi siewja biex inħeġġu lin-nies ikunu aktar attivi, u l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li se tibda fl-aħħar ta' din il-ġimgħa b'avvenimenti u azzjonijiet fl-irkjjen kollha tal-Ewropa, hija waħda minnhom! B'ħidma mal-Istati Membri u s-sħab mill-familja sportiva Ewropea, mill-atleti sal-coaches u l-klabbs lokali, u b'mod partikolari għaż-żgħażagħ f'din is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, se nerġgħu nużaw il-Ġimgħa tal-Isport biex inħeġġu lill-Ewropej kollha jinvolvu ruħhom f'attività fiżika.”

Dawk li wieġbu li għandhom bejn il-15 u l-24 sena huma l-aktar probabbli li jeżerċitaw jew jipprattikaw sport b'ċerta regolarità (54 %). Dan il-proporzjon jonqos mal-età, minn 42 % fost dawk li għandhom bejn il-25 u d-39 sena għal 32 % fil-grupp ta' bejn l-40 u l-54 sena u 21 % fost dawk li għandhom 55 sena u aktar. B'mod ġenerali, l-Ewrobarometru juri li r-rispondenti li regolarment jinvolvu ruħhom f'attività fiżika għal raġunijiet rikreattivi jew mhux relatati mal-isport ma jiffurmaw maġġoranza fl-ebda Stat Membru tal-UE.

Skont dawk li wieġbu, l-ostaklu ewlieni biex wieħed ikun attiv huwa nuqqas ta' ħin segwit minn nuqqas ta' motivazzjoni, jew sempliċement l-ebda interess fl-isport. Bħala rispons, il-HealthyLifeStyle4All tal-Kummissjoni se tkompli tqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta' stil ta' ħajja attiv u san fost il-ġenerazzjonijiet u l-gruppi soċjali.

L-istħarriġ jinforma li r-raġuni ewlenija għala wieħed għandu jkun attiv hi li jtejjeb saħħtu, segwita mix-xewqa li jiżdiedu l-livelli tal-fitness u li jinstabu modi ta' rilassament. Kull sena il-Kummissjoni qed tippromwovi l-benefiċċji tal-isport għall-benesseri fiżiku u mentali matul il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Nofs dawk li wieġbu esprimew ukoll ix-xewqithom li jkunu attivi fil-beraħ, li l-Kummissjoni tapoġġja bl-isforzi lejn sport u attività fiżika aktar ekoloġiċi u sostenibbli. Fi żvilupp ġdid, possibbilment imsaħħaħ mill-pandemija tal-COVID-19, madwar terz jippreferu jipprattikaw l-isport id-dar.

Fl-aħħar nett, l-importanza tal-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isport hija sostnuta bis-sħiħ mir-riżultat tal-Ewrobarometru, peress li d-differenza bejn il-ġeneri fost dawk li jeżerċitaw b'mod regolari tibqa' favur l-irġiel. F'dan il-kuntest, huwa inkoraġġanti li wieħed jitgħallem li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu f'25 Stat Membru tal-UE iddikjaraw li jixtiequ jsegwu kompetizzjonijiet sportivi kemm tal-irġiel u kif ukoll tan-nisa fil-media.

Kuntest

Stħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru

Il-Kummissjoni tniedi Ewrobarometru Speċjali dwar l-isport fuq bażi regolari - l-aħħar fosthom fl-2013 u l-2017 - biex timmonitorja x-xejriet fil-parteċipazzjoni fl-isport u l-attività fiżika, inklużi l-livelli ta' attività fiżika fl-UE-27 u informazzjoni dwar il-kuntesti li fihom in-nies jeżerċitaw.

Dan l-Ewrobarometru Speċjali dwar l-isport u l-attività fiżika huwa bbażat fuq tweġibiet għal madwar 20 mistoqsija minn 26 580 Ewropew mis-27 Stat Membru kollha. Dan juri xejriet rigward il-livelli ta' parteċipazzjoni, l-ostakli u l-preferenzi għall-prattika tal-isport bħala bażi għal politiki futuri. Ir-riżultati se jikkontribwixxu għall-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-isport, l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa u stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa b'mod ġenerali fl-Ewropa.

Il-pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport (2021-2024), adottat mill-Kunsill, enfasizza l-importanza tad-data rigward l-isport u l-livelli ta' parteċipazzjoni fl-UE. Id-disponibbiltà ta' sejbiet ġodda tal-Ewrobarometru dwar ix-xejriet fl-attività fiżika u l-parteċipazzjoni fl-isport se tappoġġa attivitajiet fil-livell tal-UE fuq in-naħa operattiva u politika tal-isport. L-istħarriġ jibni wkoll fuq l-istħarriġ preċedenti tal-Ewrobarometru li jippermetti tqabbil kontinwu u jipprovdi bażi tajba għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika dwar l-isport fil-livell tal-UE f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tippromwovi l-isport u l-attività fiżika madwar l-Ewropa, inklużi l-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi mis-Sħubija tal-Lvant. L-isport u l-attività fiżika jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, madankollu, il-livell ta' attività fiżika fl-Ewropa bħalissa qed jistaġna u saħansitra qed jonqos f'xi pajjiżi. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija rispons konġunt għal din l-isfida kif ukoll sejħa għal azzjoni biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-inattività billi l-Ewropej ta' kull età jitħeġġew iħaddnu stil ta' ħajja f'saħħtu u attiv. Hija parti mill-kampanja #BeActive, li tnediet uffiċjalment fit-23 ta' Ġunju, il-Jum Olimpiku Internazzjonali. Il-kampanja #BeActive tal-2022 se titfa' dawl fuq in-nies li huma ta' ispirazzjoni u li wieħed jista' jirrelata magħhom, b'enfasi fuq t-3 pilastri: Żgħożija, Inklużjoni u Ugwaljanza, u Stil ta' Ħajja Tajjeb għas-Saħħa.

HealthyLifestyle4All

L-inizjattiva HealthyLifestyle4All tnediet f'Settembru 2021 bħala kampanja ta' sentejn biex l-isport u l-istili ta' ħajja attivi jintrabtu mas-saħħa, l-ikel u politiki oħra. Din għandha l-għan li turi l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa għal kulħadd, fost il-ġenerazzjonijiet u l-gruppi soċjali, filwaqt li tinnota li kulħadd jista' jibbenefika minn attivitajiet li jtejbu s-saħħa u l-benesseri. L-inizjattiva hija miftuħa għall-moviment sportiv, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jistgħu jingħaqdu mal-inizjattiva bl-impenji tagħhom stess, ippubblikati fuq il-Bord ta' Impenn online.

Għal aktar informazzjoni

Ewrobarometru 525 – Sport u Attività Fiżika

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport | Sport (europa.eu)

L-Inizjattiva HealthyLifestyle4All | Sport (europa.eu)

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Settembru 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta