
It-8 Rapport ta’ Koeżjoni juri li l-politika ta’ Koeżjoni għenet biex jitnaqqsu d-disparitajiet territorjali u soċjali bejn ir-reġjuni fl-UE. Bis-saħħa tal-finanzjament ta’ Koeżjoni, il-PDG per capita ta’ reġjuni inqas żviluppati huwa mistenni li jiżdied b’sa 5 % sal-2023.
L-istess investimenti appoġġaw ukoll tnaqqis ta’ 3.5 % fid-differenza bejn il-PDG per capita tal-10 % tar-reġjuni l-inqas żviluppati u l-10 % tar-reġjuni l-aktar żviluppati.
Ir-rapport juri wkoll li, bis-saħħa tal-flessibbiltà tagħha, il-politika ta’ koeżjoni pprovdiet appoġġ tant meħtieġ u rapidu ħafna lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali f’nofs it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-agħar kriżi taż-żminijiet reċenti.
Il-programmi l-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027 se jkomplu jinvestu fir-reġjuni u fin-nies, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-qawwa finanzjarja tal- pakkett NextGenerationEU.
Sejbiet ewlenin addizzjonali
- Il-politika ta’ koeżjoni saret sors aktar importanti ta’ investiment. Il-finanzjament ta’ koeżjoni żdied mill-ekwivalenti ta’ 34 % għal 52 % tal-investiment pubbliku totali mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013 sal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020.
- Mill-2001, ir-reġjuni inqas żviluppati fl-Ewropa tal-Lvant qed ilaħħqu mal-bqija tal-UE. Madankollu, fl-istess ħin, ħafna reġjuni bi dħul medju u inqas żviluppati, speċjalment fl-UE tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ, sofrew minn staġnar ekonomiku jew tnaqqis.
- Il-konverġenza bejn l-Istati Membri aċċellerat, iżda d-disparitajiet reġjonali interni fi ħdan l-Istati Membri li qed jikbru b’rata mgħaġġla żdiedu.
- L-impjiegi qed jiżdiedu, iżda d-disparitajiet reġjonali għadhom akbar minn qabel l-2008.
- L-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqas bi 17-il miljun bejn l-2012 u l-2019.
- Id-distakk reġjonali fl-innovazzjoni fl-Ewropa kiber, minħabba nuqqas ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u dgħufijiet fl-ekosistemi tal-innovazzjoni tar-reġjuni l-anqas żviluppati.
- Il-popolazzjoni tal- UE qed tixjieħ u se tibda tonqos fis-snin li ġejjin. Fl-2020, 34 % tal-popolazzjoni tal-UE kienet tgħix f’reġjun li qed jiċkien. Dan huwa pprojettat li jilħaq il-51 % fl-2040.
Il-membri tal-Kulleġġ qalu:
Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: "It-8 Rapport ta’ Koeżjoni juri biċ-ċar l-importanza tal-politika ta’ Koeżjoni fit-trawwim tal- konverġenza u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni fl-UE. Permezz tal-immappjar tal-oqsma fejn l-Istati Membri u r-reġjuni jeħtieġ li jagħmlu aktar u aħjar, ir-rapport jippermettilna nitgħallmu mil-lezzjonijiet tal-passat biex inkunu ppreparati aħjar għall-isfidi tal-futur. Jeħtieġ li naċċelleraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021–2027 sabiex inkunu nistgħu nkomplu nappoġġaw lir-reġjuni fl-irkupru mill-pandemija, naħsdu l-benefiċċji kollha tat-tranżizzjoni lejn Ewropa ekoloġika u diġitali u nwettqu t-tkabbir fit-tul”.
Il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, żied jgħid: “Il-pandemija żiedet ir-riskju ta’ inugwaljanzi fl-UE, u l-politika ta’ Koeżjoni hija waħda mill-għodod ewlenin tagħna biex niġġieldu din ix-xejra u ninvestu fin-nies. Tgħinna nilħqu l-għan li nibnu Ewropa soċjali b’saħħitha li tkun inklużiva u ġusta. Jiena kburi li bis-saħħa tal-fondi tal-UE, it-tfal żvantaġġati jirċievu kotba u kompjuters; iż-żgħażagħ jiġu offruti apprendistati biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; u l-persuni vulnerabbli għandhom aċċess għal ikla u kura sħuna.”
Il-politika ta’ koeżjoni tindirizza l-isfidi ewlenin tar-reġjuni tal-UE
Il-politika ta’ koeżjoni għamlet differenza għal ħafna reġjuni u nies tal-UE. Għenithom jinvestu fi tkabbir aktar sostenibbli u bbilanċjat, b’benefiċċji fit-tul. Hija appoġġat l-infrastruttura fiżika u diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-SMEs, u t-tranżizzjoni ekoloġika.
Aktar reċentement, il-politika ta’ koeżjoni għenet lir-reġjuni tal-UE jiffaċċjaw l-isfida tal-pandemija tal-coronavirus u l-konsegwenzi tagħha. Iż-żewġ pakketti ta’ appoġġ imnedija fir-rebbiegħa 2020 (CRII u CRII+) offrew likwidità immedjata, għamlu l-infiq aktar flessibbli, żiedu r-rata ta’ kofinanzjament għal 100 % u estendew l-ambitu tal-Fond ta’ Solidarjetà tal- UE.
Bħala parti min-NextGenerationEU, REACT-EU ipprovdiet EUR 50.6 biljun addizzjonali biex tappoġġa l-irkupru mill-pandemija li jippermetti lir-reġjuni u l-bliet ikomplu jinvestu fit-tkabbir tagħhom waqt it-tħejjija tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027. Hija pprovdiet ukoll xibka ta’ sikurezza tant meħtieġa lil persuni vulnerabbli li s-sitwazzjonijiet tagħhom saru saħansitra aktar prekarji bħala riżultat tal-pandemija.
Matul is-snin li ġejjin, il-politika ta’ koeżjoni se tkompli ssaħħaħ żvilupp ġust u sostenibbli fir-reġjuni kollha tal-UE, filwaqt li tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali permezz ta’:
- Approċċ komprensiv u mmirat lejn l-iżvilupp: il-finanzjament, il-governanza, il-konsistenza u s-sinerġiji mal-politiki nazzjonali;
- Politiki bbażati fuq il-post, f’diversi livelli u mmexxija minn sħubija, li jfasslu l-appoġġ tagħhom għat-territorji l-aktar vulnerabbli;
- L-adattabilità kontinwa għall-isfidi emerġenti u mhux mistennija.
Il-passi li jmiss
It-8 Rapport ta’ Koeżjoni se jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet fil-Forum ta’ Koeżjoni li jmiss (fis-17–18 ta’ Marzu), li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali mill-Istati Membri kollha, sħab soċjali u ekonomiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u akkademiċi. Il-Forum se jiddiskuti kif il-politika ta’ koeżjoni tista’ tiżgura li l-ebda reġjun ma jitħalla lura fil-bidliet strutturali li għaddejjin, u li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Sfond
Kull tliet snin, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, li jippreżenta l-progress u r-rwol tal-UE bħala mutur għall-iżvilupp reġjonali. Janalizza l-evoluzzjoni tal-koeżjoni fl-UE skont firxa wiesgħa ta’ indikaturi, bħall-prosperità, l-impjiegi, il-livelli tal-edukazzjoni, u l-aċċessibbiltà u l-governanza.
Abbażi tal-fatti u ċ-ċifri, ir-Rapport joffri stampa tal-istat u l-evoluzzjoni tal-iżvilupp tar-reġjuni tal-UE, u l-isfidi li qed jiffaċċjaw. Ir-Rapport jivvaluta jekk id-differenzi bejn ir-reġjuni naqsux, min qed imexxi u min jeħtieġ li jlaħħaq mal-innovazzjoni, l-impjieg jew il-kapaċità istituzzjonali, pereżempju. Dan juri wkoll fejn jinsabu r-reġjuni fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u min jeħtieġ aktar appoġġ. Stampa aktar ċara ta’ dak li nkiseb u dak li għad irid isir fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 se jiggwidaw il-politiki u l-investimenti tal-UE biex jgħinu lir-reġjuni jiksbu tkabbir fit-tul ibbilanċjat u sostenibbli.
GĦAL AKTAR TAGĦRIF
- Komunikazzjoni dwar it-8 Rapport ta’ Koeżjoni: Koeżjoni fl-Ewropa lejn l-2050
- It-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali
- Q&A dwar it-8 Rapport ta’ Koeżjoni
- Skeda informattiva dwar it-8 Rapport ta’ Koeżjoni
- Pjattaforma tad-Data Miftuħa dwar il-Koeżjoni tal-UE
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 9 Frar 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta