Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Malti
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet6 Ġunju 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Rotot migratorji: Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta' Azzjoni ġdid għar-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Atlantiku

Migration

Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-rotot migratorji tal-Mediterran tal-Punent u tal-Atlantiku.

Fl-ittra tagħha lill-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu 2023, il-President von der Leyen tenniet il-ħidma li għaddejja tal-Kummissjoni mal-Istati Membri l-aktar ikkonċernati dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Mediterran tal-Punent u għall-Atlantiku wkoll. Dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa wkoll segwitu dirett għall-Kunsill Straordinarju Ġustizzja u Affarijiet Interni f'Novembru 2022. F'dik l-okkażjoni l-Ministri impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Mediterran Ċentrali, segwit mill-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent, u approvaw l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni simili għar-rotot migratorji ewlenin.

L-UE ilha ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-pajjiżi ewlenin ta' oriġini u ta' tranżitu tul ir-rotta, f'koordinazzjoni sħiħa mal-Istati Membri tagħha bħala Tim Ewropa. Il-miżuri li ttieħdu mill-UE, mill-Istati Membri u mis-sħab internazzjonali kkontribwew għat-tnaqqis importanti tal-wasliet irregolari. Madankollu, il-flussi migratorji għadhom sostnuti. Dan jitlob viġilanza kontinwa u risponsi operazzjonali konkreti, ankrati fil-kooperazzjoni effettiva attwali.

Dan il-Pjan ta' Azzjoni jippreżenta 18-il miżura operazzjonali mmirati strutturati fuq żewġ pilastri. L-għan huwa li jiġu appoġġati l-Istati Membri biex isaħħu l-ġestjoni tal-migrazzjoni tul din ir-rotta, jipprevjenu t-tluq irregolari u jsalvaw il-ħajjiet, filwaqt li jaħdmu mill-qrib mal-pajjiżi sħab ewlenin. 

L-Ewwel Pilastru: Tisħiħ tal-involviment ma' pajjiżi sħab

Il-kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi sħab hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni u jiġi miġġieled il-kuntrabandu. Permezz ta' approċċ ta' rotta sħiħa, l-enfasi tinxteħet fuq il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari permezz tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin, filwaqt li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri. Għal dan l-għan, l-UE se żżid il-ħidma fuq:

  • L-identifikazzjoni ta' prijoritajiet operazzjonali fuq terminu qasir u miżuri ta' koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni b'approċċ ta' rotta sħiħa, f'approċċ ta' Tim Ewropa.
  • Il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari permezz tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin. Bl-implimentazzjoni tas-Sħubija Operazzjonali Kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin mal-Marokk, it-tnedija f'dan il-kuntest ta' programm reġjonali ffinanzjat mill-NDICI-Ewropa Globali, u l-konsolidazzjoni ġenerali ta' attivitajiet tal-ġlieda kontra d-dħul klandestin ma' pajjiżi sħab fl-Afrika tul ir-rotta kollha, filwaqt li jiġu sostnuti l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin.
  • Il-ġestjoni tal-fruntieri permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Marokk, il-Mauritania, is-Senegal u l-Gambja biex jiżviluppaw azzjonijiet immirati li jipprevjenu t-tluq irregolari u jrawmu aktar kooperazzjoni bilaterali bejn il-Frontex u l-Marokk, il-Mauritania u s-Senegal.
  • Ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni billi jiġu appoġġati operazzjonijiet ta' protezzjoni u ta' ritorn volontarju fl-Afrika ta' Fuq u fil-pajjiżi tas-Saħel, u jissaħħaħ l-impenn li għaddej biex tittejjeb il-kooperazzjoni prattika dwar ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni sostenibbli ta' persuni rimpatrijati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom.
  • Il-protezzjoni u l-perkorsi legali billi titrawwem l-implimentazzjoni effettiva tal-mekkaniżmi ta' protezzjoni fil-pajjiżi sħab, filwaqt li jiġu promossi u appoġġati perkorsi legali għall-protezzjoni fl-UE permezz tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u perkorsi komplementari.
  • Il-migrazzjoni tal-ħaddiema u s-Sħubijiet ta' Talent. L-operazzjonalizzazzjoni tas-Sħubija ta' Talent mal-Marokk hija prijorità. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta wkoll il-fattibbiltà tat-tnedija ta' skemi ta' migrazzjoni legali u mobbiltà man-Niġerja u mas-Senegal.

It-Tieni Pilastru: Tisħiħ tal-miżuri operazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ, il-proċeduri ta' ritorn, kif ukoll solidarjetà volontarja b'inqas xkiel u aktar rapida

It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorni effettivi mill-UE lejn pajjiżi sħab huwa essenzjali f'sistema ta' ġestjoni tal-migrazzjoni li tiffunzjona. L-UE se taċċellera l-ħidma tagħha:

  • Il-Frontex: valutazzjoni mmirata tas-sitwazzjoni fil-Mediterran tal-Punent u fl-Atlantiku, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
  • Kooperazzjoni msaħħa dwar ir-ritorni lejn pajjiżi sħab bejn l-Istati Membri tal-UE (konsulenza dwar ir-ritorn, appoġġ fl-identifikazzjoni u fil-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, koordinazzjoni ta' titjiriet ta' ritorn, eċċ.), kif ukoll ir-riintegrazzjoni sostenibbli ta' persuni rimpatrijati, inkluż bl-appoġġ tal-Koordinatur tar-Ritorn tal-UE u permezz tan-Network ta' Livell Għoli għar-Ritorn.
  • Irbit tar-riintegrazzjoni ta' persuni rimpatrijati volontarji mal-investimenti tal-Istati Membri u tal-kumpaniji Ewropej fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, b'mod partikolari fir-rigward tat-trawwim tal-ħolqien tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet.
  • Kisba ta' reazzjonijiet aktar effiċjenti u aktar rapidi skont il-Mekkaniżmu ta' Solidarjetà Volontarju, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija tal-UE għall-Ażil. Billi l-Mekkaniżmu se jkompli bl-implimentazzjoni tiegħu, l-Istati li jwiegħdu huma mħeġġa wkoll ikunu flessibbli u jtaffu l-pressjoni fuq is-sistema ta' akkoljenza fl-Istati Membri tal-ewwel wasla.

Il-Passi li Jmiss

Il-Kummissjoni tippreżenta dan il-Pjan ta' Azzjoni fid-dawl tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni li jmiss fit-8 u d-9 ta' Ġunju u tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ġunju.

L-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu b'mod konġunt biex jiksbu l-għanijiet stabbiliti f'dan il-Pjan ta' Azzjoni u biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Ir-rappurtar u l-monitoraġġ permezz tal-mekkaniżmi eżistenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma essenzjali. Dan il-Pjan ta' Azzjoni jikkomplementa l-ħidma li għaddejja mmirata lejn rotot migratorji ewlenin oħra lejn l-Ewropa u jista' jaġixxi bħala mudell biex jiġu żviluppati pjanijiet simili għal rotot migratorji oħra.

Sfond

Fl-2018, il-wasliet irregolari fl-UE permezz tar-rotta tal-Mediterran tal-Punent żdiedu b'mod sinifikanti. Mill-2019, filwaqt li l-wasliet irregolari raw tnaqqis fir-rotta tal-Mediterran tal-Punent, dawn raw żieda importanti fir-rotta tal-Atlantiku lejn il-Gżejjer Kanarji, partikolarment fl-2020 u fl-2021 u bi tnaqqis konsiderevoli fl-2022 (b'31 %, meta mqabbel mal-2021) u sa issa fl-2023.

Fir-rigward tas-soluzzjoni sostenibbli fit-tul għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni tkompli taħdem biex twettaq il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.  B'mod parallel ma' dan, il-Kummissjoni qed tipproponi serje ta' miżuri operazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tul ir-rotot migratorji ewlenin lejn l-Ewropa. Dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa t-tielet wieħed li l-Kummissjoni ppreżentat biex tappoġġa l-Istati Membri, wara dak dwar il-Mediterran Ċentrali u l-Balkani tal-Punent fl-2022.

L-UE ser tkompli tippromwovi soluzzjonijiet sostenibbli u strutturali għall-isfidi komuni tagħna dwar il-migrazzjoni, ibbażati fuq approċċ komprensiv u ta' rotta sħiħa, u inkluża azzjoni mġedda dwar id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni.

Għal Aktar Informazzjoni

Pjan ta' Azzjoni dwar ir-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Atlantiku
Pjan ta' Azzjoni dwar il-Balkani tal-Punent

Pjan ta' Azzjoni għall-Mediterran Ċentrali

Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
6 Ġunju 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta