
Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika
Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.
Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qiegħda tagħlaq ukoll 74 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.
Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet sħaħ. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.
1. Ambjent u sajd
(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-PORTUGALL biex jivvaluta b'mod korrett il-proġetti li jaf ikollhom impatt sinifikanti fuq is-siti ta' Natura 2000
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall (INFR(2024)2050) talli naqas milli jittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar i-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva hija waħda mill-għodod primarji tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-bijodiversità li hija objettiv essenzjali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tirrikjedi li qabel jiġu awtorizzati, il-pjanijiet u l-proġetti li x'aktarx ikollhom impatt sinifikanti fuq sit ta' Natura 2000 jgħaddu minn valutazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-sit. Il-pjanijiet u l-proġetti jistgħu jiġu awtorizzati biss, skont ċerti eżenzjonijiet, jekk ma jkunux jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ta' Natura 2000. Dan jista' jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta' miżuri ta' mitigazzjoni li jipprevjenu kwalunkwe ħsara sinifikanti. Madankollu, bil-kontra tad-Direttiva u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlazzjoni Portugiża tippermetti li jitqiesu mhux biss il-miżuri ta' mitigazzjoni iżda wkoll il-miżuri ta' kumpens għad-dannu li l-proġett mistenni jagħmel meta jiġi ddeterminat jekk proġett għandux effett sinifikanti fuq is-siti ta' Natura 2000. Il-permess tal-inklużjoni ta' dawn il-miżuri ta' kumpens matul il-valutazzjoni ta' proġett idgħajjef ir-riżultat tal-valutazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tikkonforma mad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss u mar-regoli proċedurali tal-UE dwar it-trasparenza fis-suq intern
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2024)2053) talli naqset milli tittrasponi bis-sħiħ u b'mod korrett id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (id-Direttiva (UE) 2019/904) u talli kisret l-obbligi skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku (id-Direttiva (UE) 2015/1535). Id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss hija element essenzjali tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Plastiks u tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Għandha l-għan li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem, kif ukoll li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-Italja naqset milli tittrasponi, jew milli tittrasponi b'mod korrett, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss fid-dritt nazzjonali, u dan jaffettwa l-kamp ta' applikazzjoni u l-applikazzjoni tagħha. L-objettiv tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku huwa li tipprevjeni l-ħolqien ta' ostakli fis-suq intern. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw l-abbozzi kollha tar-regolamenti tekniċi dwar il-prodotti lill-Kummissjoni qabel jiġu adottati fid-dritt nazzjonali. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jirrispettaw perjodu ta' sospensjoni ta' 3 xhur bejn in-notifika tal-abbozz tar-regolament tekniku u l-adozzjoni tiegħu. L-Italja kisret ir-regoli proċedurali stabbiliti minn din id-Direttiva billi adottat il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss matul il-perjodu ta' sospensjoni filwaqt li d-djalogu mal-Kummissjoni kien għadu għaddej. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA u lil MALTA biex jiżguraw aċċess miftuħ għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)2011) u lil Malta (INFR(2024)2052) talli naqsu milli jimplimentaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus). Id-dritt nazzjonali għandu jkun ċar u preċiż fir-rigward tal-possibbiltà li l-atti ambjentali jiġu kkontestati quddiem il-qrati. Il-Kummissjoni tintrabat li tippromwovi l-liġijiet ambjentali u li tiżgura li jinftiehmu, jiġu rispettati u infurzati b'mod wiesa'. Għaldaqstant, element importanti ħafna huwa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitolbu lill-qrati nazzjonali biex jivverifikaw il-konformità legali. Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, l-Ungerija ma tiżgurax id-dritt li jiġu kkontestati quddiem qorti d-deċiżjonijiet jew l-ommissjonijiet kollha tal-awtoritajiet nazzjonali fl-oqsma ta' politika ambjentali li ġejjin: il-protezzjoni tan-natura, il-ġestjoni tal-ilma, il-kwalità tal-arja, il-ġestjoni tal-iskart, l-emissjonijiet industrijali, u l-protezzjoni mill-istorbju. Fil-każ ta' Malta, il-membri tal-pubbliku, bħall-NGOs ambjentali, għandhom dritt limitat li jaċċessaw il-qrati fi tliet oqsma ta' politika identifikati: in-natura, il-ġestjoni tal-iskart u l-politika tal-ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Ungerija u lil Malta, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjonijiet motivati.
Sajd u affarijiet marittimi
Opinjoni motivata u Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL biex jistabbilixxi u jikkomunika l-pjanijiet tal-ispazju marittimu tiegħu u tiddeċiedi li tressaq lill-ITALJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tistabbilixxi u tikkomunika dawn il-pjanijiet
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall (INFR(2023)2042) u li tressaq lill-Italja (INFR(2021)2223) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tiżgura l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu (id-Direttiva 2014/89/UE). Id-Direttiva tistabbilixxi approċċ komuni għall-pajjiżi tal-UE biex jippjanaw u jorganizzaw l-attivitajiet umani fiż-żoni tal-baħar b'mod sostenibbli. L-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva hija essenzjali biex jinkisbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri kostali tal-UE jfasslu l-pjanijiet tal-ispazju marittimu sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021, u li jikkomunikaw dawn il-pjanijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati fi żmien 3 xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom. Madankollu, il-Portugall għadu ma stabbiliex u ma bagħatx il-pjanijiet li jkopru xi ilmijiet tal-baħar tiegħu. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni dwar dan il-ksur f'Lulju 2023. It-tweġiba tal-Portugall għall-ittra ta' intimazzjoni ma kinitx sodisfaċenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Italja għadha ma fasslitx u ma ppreżentatx il-pjanijiet tal-ispazju marittimu tagħha lill-Kummissjoni. Għalhekk, wara ittra ta' intimazzjoni mibgħuta f'Diċembru 2021 u opinjoni motivata f'April 2023, il-Kummissjoni qiegħda tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs
(Għal aktar informazzjoni: Johanna Bernsel – Tel.: +32 2 298 66 99; Federica Miccoli – Tel.: +32 229-58300)
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni titlob lil Spanja tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar is-servizzi u l-kwalifiki professjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2023)4009) talli naqset milli tirrispetta r-regoli tal-UE dwar is-servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE u d-Direttiva (UE) 2018/958) u l-kwalifiki professjonali (id-Direttiva 2005/36/KE) fis-settur tal-kostruzzjoni. Dawk ir-regoli għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż regolatorju u li jagħmluha eħfef biex il-professjonisti jipprovdu s-servizzi tagħhom f'diversi Stati Membri, filwaqt li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini. Skont il-Kummissjoni, Spanja xxekkel b'mod mhux ġustifikat lill-kumpaniji milli jwettqu xogħlijiet fl-oqsma tal-installazzjonijiet tal-gass, tal-elettriku, tax-xogħlijiet tal-arja kundizzjonata, eċċ., billi twaqqafhom milli jissottokuntrattaw ċerti attivitajiet lil professjonisti kwalifikati u tobbligahom ikollhom dawn il-kompetenzi internament. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-GREĊJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar il-proporzjonalità tar-regolamenti professjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INFR(2021)2200) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tiżgura t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità (id-Direttiva (UE) 2018/958) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din id-Direttiva tmexxi l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tar-regoli l-ġodda jew emendati li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjonijiet regolati jew il-kisba tagħhom. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li kwalunkwe regolamentazzjoni nazzjonali tal-professjonijiet tkun issegwi l-objettivi leġittimi ta' interess pubbliku kif ukoll tkun meħtieġa u bbilanċjata. Skont il-Kummissjoni, il-Greċja naqset milli tiżgura li l-miżuri kollha koperti mid-Direttiva, b'mod partikolari dawk li qegħdin jinbdew minn korpi professjonali, minn inizjattivi parlamentari u minn emendi parlamentari, jgħaddu minn valutazzjoni tal-proporzjonalità minn qabel. Barra minn hekk, il-Greċja ma tiżgurax il-monitoraġġ kontinwu tar-regoli adottati. Id-Direttiva tirrikjedi rieżami sistematiku jew regolari tal-proporzjonalità maż-żmien u tad-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati kollha. Il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
3. Ġustizzja
(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - Tel.: +32 229 62253; Jördis Ferroli - Tel.: +32 229 92729; Yuliya Matsyk - Tel.: +32 229-62716)
Ittra ta' intimazzjoni u opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA u lill-POLONJA biex jittrasponu b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u ta' komunikazzjoni mal-arrest
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2024)2073) u li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja (INFR(2023)2006) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u ta' komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva kienet is-27 ta' Novembru 2016. Id-Direttiva hija waħda mis-sitt Direttivi li jiffurmaw il-qafas legali tal-UE dwar l-istandards minimi komuni għal proċessi ġusti u li jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed. Issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin, u b'hekk tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f'materji kriminali. Il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali nnotifikati miż-żewġ Stati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Pereżempju fiż-żewġ Stati Membri, il-possibbiltajiet potenzjali ta' deroga mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat imorru lil hinn mil-limiti meħtieġa mid-Direttiva, u r-rekwiżit li d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew adult xieraq ieħor jiġi infurmat dwar iċ-ċaħda tal-libertà ta' tifel/tifla ma ġiex traspost b'mod korrett. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tieħu l-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur kontra l-UNGERIJA talli kisret id-dritt tal-UE bil-liġi dwar id-difiża tas-sovranità
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija (INFR(2024)2001) talli kisret id-dritt tal-UE bil-liġi nazzjonali tagħha dwar id-“difiża tas-sovranità”. Il-liġi tistabbilixxi 'l hekk imsejjaħ Uffiċċju għad-Difiża tas-Sovranità, inkarigat mill-investigazzjoni tal-attivitajiet speċifiċi mwettqa fl-interess ta' Stat ieħor jew ta' korp, ta' organizzazzjoni jew ta' persuna fiżika barrani(ja), jekk ikunu responsabbli għall-ksur jew għall-ipperikolar tas-sovranità tal-Ungerija; u tal-organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom li jsiru permezz ta' finanzjament barrani jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-elezzjonijiet jew ir-rieda tal-votanti. Fiha wkoll dispożizzjonijiet u emendi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża eżistenti li jipprojbixxu lill-kandidati, lill-partijiet politiċi u lill-assoċjazzjonijiet li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet milli jużaw finanzjament barrani biex jinfluwenzaw jew jippruvaw jinfluwenzaw ir-rieda tal-votanti għall-elezzjonijiet ikkonċernati, u biex jikkastigaw, skont id-dritt kriminali, l-użu ta' finanzjament barrani fil-kuntest tal-elezzjonijiet. Il-Kummissjoni nediet il-proċedura ta' ksur billi fi Frar 2024 bagħtet ittra ta' intimazzjoni. It-tweġiba li rċeviet l-Ungerija ma taffietx it-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. Huwa proprju għalhekk li llum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. L-Ungerija issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
4. Enerġija u klima
(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lill-GREĊJA, lil-LITWANJA, lil MALTA, lill-PORTUGALL, lir-RUMANIJA u lis-SLOVENJA biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2024)2083), lill-Greċja (INFR(2024)2079), lil-Litwanja (INFR(2024)2082), lil Malta (INFR(2024)2081), lill-Portugal (INFR(2024)2077), lir-Rumanija (INFR(2024)2078) u lis-Slovenja (INFR(2024)2080) biex tfakkarhom fl-obbligi tagħhom dwar il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni rigward it-tielet rapport kostottimali skont ir-regoli tal-UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (id-Direttiva 2010/31/UE). L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija biex jinkiseb l-aħjar kombinament bejn l-investimenti u t-tfaddil, magħrufa wkoll bħala “livelli kostottimali”. Il-kalkolu tal-livelli kostottimali huwa essenzjali biex l-Istati Membri jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli tal-istokk tal-bini nazzjonali u biex jiġi evitat li n-nies u n-negozji jonfqu aktar flus milli hemm bżonn fuq it-titjib tal-effiċjenza fid-djar u fl-uffiċċji tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-KROAZJA tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Kroazja (INFR(2021)0248) talli ma ttrasponietx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-UE. Tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32 % tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni, kif ukoll miri speċifiċi għas-setturi tat-tisħin, tat-tkessiħ u tat-trasport. Id-Direttiva tiffaċilita wkoll sehem iċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Kroazja segwita minn opinjoni motivata f'Mejju 2022. Fi Frar 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva, b'mod partikolari talli naqset milli tinnotifika tabella ta' korrelazzjoni jew dokument ta' spjegazzjoni li jispeċifika fejn il-pajjiż kien ittraspona kull dispożizzjoni. Wara li rċeviet tabella ta' korrelazzjoni mill-Kroazja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiem il-Qorti. Wara l-valutazzjoni tat-tabella, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-traspożizzjoni tad-Direttiva għadha mhijiex kompluta. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Kroazja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
5. Tassazzjoni u Unjoni Doganali
(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA, lill-UNGERIJA, lill-POLONJA u lir-RUMANIJA biex jissodisfaw l-obbligu ta' kooperazzjoni tagħhom ma' Stati Membri oħra dwar it-trasparenza fiskali tal-introjtu ġġenerat permezz tal-pjattaformi diġitali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR (2024)2043), lill-Ungerija (INFR(2024)2045), lill-Polonja (INFR(2024)2047) u lir-Rumanija(INFR(2024)2048) talli naqsu milli jiskambjaw informazzjoni f'waqtha dwar l-introjtu miksub minn individwi u minn kumpaniji permezz tal-użu tal-pjattaformi online. Id-Direttiva (UE) 2021/514 tat-22 ta' Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC7) introduċiet, mill-1 ta' Jannar 2023, regoli ġodda dwar it-trasparenza fiskali għat-tranżazzjonijiet fuq il-pjattaformi diġitali. L-objettiv huwa li jiġu identifikati aħjar is-sitwazzjonijiet fejn għandha titħallas it-taxxa. Ir-rappurtar għandu jsir f'żewġ stadji. L-ewwel nett, il-pjattaformi online kienu obbligati jiġbru l-informazzjoni dwar l-introjtu miksub mill-individwi u mill-kumpaniji matul l-2023 u jirrapportawha lill-Istat Membru tal-pjattaforma. Dak l-Istat Membru mbagħad kellu jiskambja dik l-informazzjoni sad-29 ta' Frar 2024. Ir-rapportar u l-iskambjar f'waqthom huma essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni u l-funzjonament bla xkiel tad-DAC7 fl-Istati Membri kollha. Il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija naqsu milli jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tat-taxxa ta' Stati Membri oħra, u dan ifixkilhom milli jinfurzaw il-liġijiet lokali dwar it-taxxa. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lill-Ungerija, lill-Polonja u lir-Rumanija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA tbiddel il-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-tassazzjoni fuq il-karozzi u dwar ir-reġistrazzjoni tagħhom *
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja (INFR(2020)4001) talli naqset milli temenda r-regoli tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tal-karozzi u t-tassazzjoni fuqhom. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 110 tat-Trattat jinkiser meta t-taxxi fuq il-karozzi importati jiġu kkalkulati b'mod differenti minn kif jiġu kkalkulati għall-karozzi domestiċi simili, u dan iwassal biex jiġu imposti taxxi ogħla fuq il-prodott importat. Skont id-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ fil-Greċja, it-taxxa tar-reġistrazzjoni, imposta fuq il-vetturi kollha, hija ogħla għal ċerti kategoriji ta' vetturi użati importati milli għall-vetturi użati domestiċi simili. Barra minn hekk, it-taxxa ambjentali Griega, imposta fuq ċerti kategoriji ta' vetturi, tiddiskrimina bejn il-vetturi użati domestiċi u l-vetturi użati mixtrija fi Stat Membru ieħor u sussegwentement irreġistrati fil-Greċja. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-leġiżlazzjoni Griega mhijiex kompatibbli mal-Artikolu 110 tat-Trattat peress li tiġi imposta taxxa ogħla fuq il-vetturi importati minn Stat Membru ieħor meta mqabbla ma' dik imposta fuq il-vetturi domestiċi. Fl-istess ħin, il-Greċja tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta' ċerti vetturi użati importati fil-Greċja, filwaqt li ma hija imposta l-ebda projbizzjoni simili għall-kategoriji korrispondenti tal-vetturi domestiċi. Din il-projbizzjoni hija restrizzjoni ċara għall-moviment liberu tal-oġġetti u tmur kontra l-Artikolu 34 u l-Artikolu 36 tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA tbiddel ir-regoli tagħha dwar it-tassazzjoni fuq il-gwadanji kapitali tal-kontribwenti mhux residenti meta dawn jitħallsu f'pagamenti parzjali*
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2021)4035) talli naqset milli tallinja r-regoli tagħha dwar it-tassazzjoni fuq il-gwadanji kapitali miksuba fi Spanja minn kontribwenti mhux residenti mal-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE). Fil-każ tal-gwadanji kapitali li jkunu ġejjin minn trasferiment tal-assi meta l-pagament jiġi differit għal aktar minn sena jew jitħallas f'pagamenti parzjali f'perjodu itwal minn sena, il-kontribwenti residenti għandhom l-għażla li jħallsu t-taxxa meta l-gwadann kapitali jakkumula jew li jiddifferixxuh u jħallsuh proporzjonalment abbażi tal-fluss tal-flus. Madankollu, il-kontribwenti mhux residenti ma jingħatawx din l-opzjoni li jiddifferixxu u jridu jħallsu t-taxxa meta l-gwadanji kapitali jakkumulaw fil-ħin tat-trasferiment tal-assi. Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' ksur billi fit-2 ta' Diċembru 2021 bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja. Peress li Spanja ma adattatx il-leġiżlazzjoni tagħha għar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA, lil ĊIPRU, lil-LATVJA, lil-LITWANJA, lill-POLONJA u lill-PORTUGALL jinnotifikaw il-miżuri għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva dwar il-Pilastru 2*
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2024)0049), lil Ċipru(INFR(2024)0020), lil-Latvja (INFR(2024)0094), lil-Litwanja (INFR(2024)0080), lill-Polonja (INFR(2024)0113), u lill-Portugall (INFR(2024)0119) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (id-Direttiva dwar il-Pilastru 2). Il-Kummissjoni jidhrilha li s-soluzzjoni b'żewġ pilastri li tirrikjedi li l-korporazzjonijiet multinazzjonali ewlenin kollha jridu jħallsu rata tat-taxxa effettiva minima ta' 15 %, bħala l-prijorità ewlenija. L-Istati Membri kollha tal-UE kienu meħtieġa jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar il-Pilastru 2 sal-31 ta' Diċembru 2023. Sal-lum, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE ssodisfaw dawn l-obbligi. Madankollu, Spanja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Portugall għadhom ma nnotifikawx il-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil dawn l-Istati Membri li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni titlob lill-IŻVEZJA temenda r-regoli tagħha dwar it-taxxa preliminari fuq l-introjtu tal-kuntratturi barranin
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja (INFR(2023)4007) li fiha titlobha tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-tassazzjoni preliminari fuq l-introjtu mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE. Il-klijenti Żvediżi li jħallsu għal xogħol imwettaq minn kuntratturi stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE jew f'pajjiżi taż-ŻEE huma obbligati li jżommu taxxa preliminari fuq l-introjtu b'rata ta' 30 fil-mija fuq ir-remunerazzjonijiet rilevanti sakemm il-kuntratturi barranin ma jkunux ġew approvati mill-awtorità tat-taxxa Żvediża (magħrufa aħjar bħala l-“approvazzjoni tat-taxxa F”). Il-Kummissjoni jidhrilha li dan l-obbligu li tinżamm it-taxxa preliminari fuq l-introjtu f'sitwazzjonijiet fejn il-kuntratturi barranin ma jkollhom l-ebda stabbiliment permanenti Żvediż, u għalhekk l-ebda obbligazzjoni ta' taxxa fuq l-introjtu fl-Iżvezja, jikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE). Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA tabolixxi l-kundizzjonijiet addizzjonali ristrettivi għad-differimenti tat-taxxa skont id-Direttiva dwar il-fużjonijiet, fil-każ tad-diviżjonijiet tal-kumpaniji
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Spanja (INFR(2018)4084) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli introduċiet fil-liġi Spanjola kundizzjonijiet addizzjonali li jirrestrinġu r-regoli armonizzati tal-UE dwar id-diviżjonijiet tal-kumpaniji (id-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE, “id-Direttiva dwar il-Fużjonijiet”). Id-Direttiva dwar il-Fużjonijiet tiżgura li r-riorganizzazzjonijiet tan-negozji bħall-fużjonijiet u d-diviżjonijiet ma jiġux imxekkla mit-tassazzjoni fil-ħin tar-ristrutturar. Għalhekk, it-tassazzjoni tal-gwadanji kapitali li tirriżulta minn din ir-riorganizzazzjoni għandha tiġi differita għal bejgħ jew disponiment tal-assi u tal-ishma li jsir aktar tard. Madankollu, il-liġi Spanjola tistabbilixxi l-kundizzjonijiet restrittivi għad-diviżjonijiet totali tal-kumpaniji. Id-differiment tat-taxxa ma jingħatax jekk l-azzjonisti tal-kumpanija diviża ma jirċevux l-istess proporzjon ta' ishma fil-kumpaniji kollha li jirriżultaw mid-diviżjoni, sakemm l-assi akkwiżiti ma jkunux fergħat ta' attività. Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Spanja f'Novembru 2019. Minn dakinhar 'l hawn, l-implimentazzjoni Spanjola tad-Direttiva dwar il-Fużjonijiet għadha mhijiex kompletament konformi mad-dritt tal-UE u toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi għall-kumpaniji li joperaw fis-suq intern kollu. Peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma ħadu l-ebda azzjoni xierqa biex jikkonformaw mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa l-isforzi mill-awtoritajiet ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
6. Mobbiltà u Trasport
(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Anna Wartberger – Tel.: +32 2 298 20 54)
Ittra ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVAKKJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar is-sorveljanza tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja (INFR(2024)2029) talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE marbuta mas-sorveljanza tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. Il-Kummissjoni jidhrilha li s-Slovakkja ma tikkonformax mar-rekwiżiti kollha deskritti fir-Regolamenti (UE) Nru 748/2012 u (UE) Nru 1321/2014 dwar l-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru u tal-prodotti, tal-partijiet u tat-tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-persunal involut f'dan ix-xogħol. Il-lakuni fl-implimentazzjoni jikkonċernaw it-taħriġ adegwat tal-persunal, il-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru għall-utenti tal-avjazzjoni ċivili f'reġjuni soġġetti għal restrizzjonijiet militari, ir-regoli dwar l-immaniġġjar tal-aċċidenti u l-inċidenti tal-avjazzjoni u l-verifika tal-miżuri tas-sikurezza imposti fuq l-operaturi tal-ajru. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex timplimenta b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar iż-żona ferrovjarja unika Ewropea
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija (INFR(2023)2154) talli naqset milli tittrasponi u tapplika b'mod korrett ċerti regoli tal-UE dwar iż-żona ferrovjarja unika Ewropea. Il-qafas legali Ungeriż għall-ferroviji mhuwiex allinjat bis-sħiħ mad-Direttiva 2012/34/UE li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali jidhru li jillimitaw bla bżonn id-dritt li jintalab test tal-bilanċ ekonomiku. Dan it-test jintuża biex jiġi vvalutat l-impatt tas-servizzi ferrovjarji l-ġodda fuq il-konnessjonijiet ferrovjarji eżistenti operati bħala servizz pubbliku, bil-ħsieb li jinkiseb bilanċ bejn l-interessi tal-operaturi li joperaw is-servizzi skont it-termini tas-suq u dawk tal-impriżi li joperaw is-servizzi ferrovjarji skont kuntratt pubbliku ta' servizz. Il-Kummissjoni tibqa' tal-fehma wkoll li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tonqos milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34/UE dwar l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali tal-maniġer tal-infrastruttura, il-possibbiltà li l-maniġer tal-infrastruttura jikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-impriżi ferrovjarji, u mar-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn il-korp regolatorju nazzjonali u l-kontropartijiet tiegħu fi Stati Membri oħra. L-opinjoni motivata tal-lum issegwi ittra ta' intimazzjoni li bagħtet il-Kummissjoni f'Novembru 2023. S'issa, l-Ungerija ma ħadet l-ebda rimedju biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
7. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali
(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170, Marta Perez-Cejuela Romero Tel.: +32 2 296 37 70)
Ittra ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IRLANDA tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2024)2074) talli naqset milli tittrasponi bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar l-insolvenza tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur (id-Direttiva 2009/103/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2021/2118) sat-23 ta' Diċembru 2023. It-traspożizzjoni nieqsa taffettwa l-protezzjoni tal-partijiet korruti wara inċident fil-każ tal-insolvenza ta' impriża tal-assigurazzjoni. Id-Direttiva (UE) 2021/2118 li temenda d-Direttiva 2009/103/KE għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku madwar l-UE. Għal dak l-għan, tiċċara l-iskop ta' dik il-protezzjoni, tiffaċilita l-kontrolli fuq l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur u tistabbilixxi mekkaniżmu biex tikkumpensa lill-vittmi fil-każ tal-insolvenza tal-assiguratur responsabbli. Tiffaċilita wkoll il-bdil minn assiguratur għal ieħor għad-detenturi tal-poloz billi tiżgura trattament ugwali u mhux diskriminatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-pretensjonijiet preċedenti. Issa l-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU, lill-ITALJA, lil ĊIPRU, lis-SLOVENJA, lill-AWSTRIJA u lill-FINLANDJA biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Pubbliku għal kull Pajjiż
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR(2023)0109), lill-Italja (INFR(2023)0150), lil Ċipru (INFR(2023)0118), lis-Slovenja (INFR(2023)0175), lill-Awstrija (INFR(2023)0106) u lill-Finlandja (INFR(2023)0136) talli naqsu milli jittrasponu kompletament id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Pubbliku għal kull Pajjiż (id-Direttiva (UE) 2021/2101) li temenda d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà (id-Direttiva 2013/34/UE). Id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Pubbliku għal kull Pajjiż hija strumentali għat-tisħiħ tat-trasparenza korporattiva u tal-iskrutinju pubbliku tal-impriżi multinazzjonali. Id-Direttiva tipprevedi r-regoli dwar id-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi multinazzjonali bi dħul li jaqbeż is-€750 miljun, inkluż il-kumpaniji multinazzjonali mhux tal-UE li jagħmlu negozju fl-UE. Jekk ikun hemm dewmien fl-implimentazzjoni ta' din il-politika, dan se jfixkel l-objettiv li tissaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva fuq it-taxxa fuq l-introjtu li jħallsu f'kull Stat Membru, u b'hekk jiġi pperikolat l-objettiv li ċ-ċittadini jkomplu jafdaw il-ġustizzja tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju, lill-Italja, lil Ċipru, lis-Slovenja, lill-Awstrija u lill-Finlandja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
8. Ekonomija diġitali
(Għal aktar informazzjoni: Johannes Bahrke – Tel.: +32 229 58615, Thomas Regnier - Tel.: +32 2 299 10 99)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lil 18-il Stat Membru biex jikkonformaw mal-Att dwar il-Governanza tad-Data tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil 18-il Stat Membru — il-Belġju (INFR(2024)2055), iċ-Ċekja(INFR(2024)2057), il-Ġermanja (INFR(2024)2060), l-Estonja (INFR(2024)2058), il-Greċja (INFR(2024)2061), Franza (INFR(2024)2059), l-Italja (INFR(2024)2062), Ċipru (INFR(2024)2056), il-Latvja (INFR(2024)2064), il-Lussemburgu (INFR(2024)2063), Malta (INFR(2024)2065), l-Awstrija (INFR(2024)2054), il-Polonja (INFR(2024)2066), il-Portugall (INFR(2024)2067), ir-Rumanija (INFR(2024)2068), is-Slovenja (INFR(2024)2070), is-Slovakkja (INFR(2024)2071) u l-Iżvezja (INFR(2024)2069 — li ma nnominawx l-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Governanza tad-Data jew li naqsu milli juru li dawn tal-aħħar għandhom is-setgħa li jwettqu l-kompiti meħtieġa mill-Att. L-Att dwar il-Governanza tad-Data jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data bejn is-setturi u bejn il-pajjiżi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kumpaniji. Dan se jżid il-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data billi jistabbilixxi regoli għan-newtralità tal-intermedjarji tad-data li jgħaqqdu lill-individwi u lill-kumpaniji mal-utenti tad-data. L-attivitajiet ta' intermedjazzjoni tad-data għandhom ikunu strettament indipendenti minn kwalunkwe servizz ieħor li jipprovdu, ikunu rreġistrati u jkunu jistgħu jiġu identifikati permezz ta' logo komuni tal-UE. L-Att se jiffaċilita wkoll l-użu mill-ġdid ta' ċerta data miżmuma mis-settur pubbliku u jistimula l-kondiviżjoni volontarja tad-data. L-altruwiżmu fir-rigward tad-data jippermetti liċ-ċittadini jagħtu l-kunsens tagħhom biex issir disponibbli d-data li jiġġeneraw għall-ġid komuni, pereżempju għall-proġetti ta' riċerka medika. L-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jistgħu jiddeċiedu li jiġu inklużi f'reġistru pubbliku u jużaw il-logo komuni tal-UE. Irid ikollhom karattru mingħajr skop ta' qligħ u jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-trasparenza kif ukoll joffru salvagwardji speċifiċi biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini u tal-kumpaniji li jiddeċiedu li jikkondividu d-data tagħhom. Applikabbli mill-24 ta' Settembru 2023, l-awtoritajiet responsabbli huma responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u mill-monitoraġġ tal-konformità tal-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lit-18-il Stat Membru kkonċernat, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
9. Baġit
(Għal aktar informazzjoni: Balazs Ujvari Tel.: +32 2 295 45 78; Veronica Favalli – Tel.: +32 2 295 68 59)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni titlob lill-POLONJA u lis-SLOVAKKJA jikkonformaw mar-regoli dwar il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2018)2351) u lis-Slovakkja (INFR(2020)2235) talli naqsu milli jiġbru r-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) (kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill li jimplimenta d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014) minn ċerti proċeduri ta' tranżitu li nbdew fil-Ġermanja u li ngħalqu mid-dwana tal-Polonja u tas-Slovakkja. Il-Kummissjoni ripetutament appellat lill-Polonja u lis-Slovakkja biex jikkumpensaw dan it-telf ta' RPT, inkluż l-imgħax korrispondenti, iżda s'issa kien kollu ta' xejn. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw il-kwistjonijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 23 Mejju 2024
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta