Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 19 Mejju 2022
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 42 min qari

Pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Mejju: deċiżjonijiet ewlenin

Justice

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qiegħda tagħlaq ukoll 94 każ li fihom il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati kienu ġew solvuti mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli l-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-Mistoqsijiet u Tweġibiet sħaħ. Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Ambjent u sajd

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel. +32 229 53156, Daniela Stoycheva – Tel.: +32 229 53664)

 

Opinjonijiet motivati

 

Emissjonijiet industrijali: il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Impjanti tal-Kombustjoni Medji

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lil Ċipru (INFR(2021)2089) biex jittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji (id-Direttiva (UE) 2015/2193) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis tal-arja billi tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni medji. Dawn l-impjanti jintużaw għal firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet inkluż il-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ domestiku jew residenzjali u l-forniment ta' sħana/fwar għall-proċessi industrijali. Huma jirrappreżentaw sors sinifikanti tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidu tan-nitroġenu u tat-trab, u b'hekk jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala -ambizzjoni t-Tniġġis Żero jagħmel enfasi fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja li huwa fost il-fatturi ewlenin li jaffettwaw b'mod negattiv saħħet il-bniedem. Id-Direttiva kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali sad-19 ta' Diċembru 2017. F'Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru dwar din il-kwistjoni. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru, li fiha titlob li l-awtoritajiet jadottaw leġiżlazzjoni supplementari biex jikkonformaw bis-sħiħ u b'mod korrett mad-Direttiva. Il-pajjiż issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Kwalità tal-arja: il-Kummissjoni tappella lill-KROAZJA biex tipproteġi lill-popolazzjoni tagħha mit-tniġġis tal-arja

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lill-Kroazja(INFR(2020)2298) biex tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala l-ambizzjoni t-Tniġġis Żero, jagħmel enfasi fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, li huwa fost il-fatturi ewlenin li jaffettwaw saħħet il-bniedem. L-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-arja mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE hija essenzjali biex tipproteġi b'mod effettiv is-saħħa tal-bniedem u biex tissalvagwardja l-ambjent naturali. Meta jinqabżu l-valuri ta' limitu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri huma mitluba jadottaw pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja biex inaqqsu kemm jista' jkun il-perjodu ta' eċċess. Fil-Kroazja, il-valuri ta' limitu għall-materja partikolata (PM10) u għall-materja partikolata sospiża (PM2.5) jissoktaw jinqabżu f'diversi oqsma filwaqt li r-rapporti juri n-nuqqas tal-effettività tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Ottubru 2020 u l-awtoritajiet Kroati wieġbu f'Diċembru 2020. Madankollu, id-data disponibbli mill-monitoraġġ tal-kwalità fil-Kroazja turi persistenza fil-qbiż tal-valuri ta' limitu tal-PM10 fi tliet żoni tal-kwalità tal-arja u tal-PM2.5 f'żona waħda. Il-miżuri tal-kwalità tal-arja, ippreżentati mill-Kroazja sa issa, ma wrewx li huma effettivi biex inaqqsu t-tniġġis fil-limiti miftiehma u li jikkontribwixxu biex il-perjodi ta' eċċess jinżammu qosra kemm jista' jkun, kif meħtieġ skont id-dritt tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Il-Kroazja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Protezzjoni tan-natura: il-Kummissjoni tappella lill-PORTUGALL biex ilesti n-network ta' Natura 2000

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lill-Portugall (INFR (2019) 2148) biex jiżgura protezzjoni adegwata għall-ħabitats u għall-ispeċijiet ta' interess għall-UE billi jindika siti tan-Natura 2000, kif mitlub skont il-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-UE (id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 1992/43KEE)) u tad-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Skont dawn id-Direttivi, l-Istati Membri jintrabtu jiżviluppaw network Ewropew koerenti tan-Natura 2000. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats titlob lill-Istati Membri jipproponu siti adegwati ta' importanza Komunitarja (SIK) lill-Kummissjoni u tobbliga lill-pajjiżi tal-UE jipproteġu u jirrestawraw għal status ta' konservazzjoni favorevoli ħabitats li jaqdu rwol vitali għall-bijodiversità. Kemm il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw ukoll li huwa kruċjali għall-UE li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità. F'Lulju 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall dwar in-nuqqas tiegħu biex jiżgura protezzjoni adegwata għall-ħabitats u għall-ispeċijiet ta' interess għall-UE billi jiddeżinja żoni ta' protezzjoni tan-natura. Il-Portugall għadu ma pproponiex is-siti kollha li suppost għandu, inklużi s-siti tal-baħar, u dawk proposti ma jkoprux b'mod adegwat id-diversi tipi ta' ħabitats u ta' speċijiet li jeħtieġu protezzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Il-Portugall issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Natura: Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA biex tiddeżinja ż-żoni ta' protezzjoni speċjali tal-baħar

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lis-Slovenja (INFR (2021) 2068) biex tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE), li titlob lill-Istati Membri jiddeżinjaw żoni ta' protezzjoni speċjali (ŻPS) bil-għan li jipproteġu l-għasafar selvaġġi.  Kemm il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030jindikaw ukoll li huwa kruċjali għall-UE li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità.  Iż-żoni protetti tal-baħar, bħal dawk iddeżinjati fid-Direttiva dwar l-Għasafar, jipproteġu żoni importanti ta' tgħammir, ta' għalf jew ta' migrazzjoni għall-għasafar tal-baħar, li jaqdu rwol ewlieni fl-iżgurar tal-istatus tajjeb tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja f'Ġunju 2021. Madankollu, l-awtoritajiet Sloveni għadhom ma ddeżinjawx iż-ŻPS meħtieġa kollha għall-margun tat-toppu tal-Mediterran, sabiex jipprovdu protezzjoni ta' dak it-tip ta' għasfur, u għalhekk il-pajjiż qed jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva tal-Għasafar. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Is-Slovenja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali: Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA biex tirrimedja l-effetti dannużi ta' kumpless ta' lukanda fuq l-ambjent

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lil Spanja (INFR (2017) 2113) biex tirrimedja d-dannu lill-ambjent u, b'mod partikolari, lis-sit ta' Natura 2000 ta' importanza kbira għall-konservazzjoni ta' speċijiet rari ta' għasafar, ikkawżata mill-bini ta' kumpless ta' lukanda f'La Oliva (Fuerteventura, Gżejjer Kanarji). L-awtorità kompetenti approvaw il-proġett fl-2001 mingħajr ma vvalutaw l-effetti ambjentali tiegħu, kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (id-Direttiva 2011/92/UE) u skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 1992/43/KEE). Minkejja li l-qrati Spanjoli ddikjaraw il-proġett null u bla effett għal dawk ir-raġunijiet fl-2011, l-awtoritajiet iddeċidew li jkomplu bix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni tagħhom u kkawżaw ħsara irreparabbli lill-ħabitats ta' għasafar f'periklu kritiku. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja fl-2017. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli ma ssodisfaw l-ebda wieħed mill-impenji tagħhom biex jirrimedjaw l-effetti ambjentali tal-kumpless. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Spanja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Responsabbiltà ambjentali: il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS biex jiċċaraw il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess għall-ġustizzja għal danni ambjentali

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lin-Netherlands (INFR (2020) 2113) biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tippermetti b'mod ċar li dawk “affettwati direttament” u dawk “li x'aktarx jiġu affettwati” minn danni ambjentali għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni kif meħtieġ mid-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali. Id-Direttiva tipprevedi li d-dannu ambjentali jista' jiġi evitat jew rimedjat minn, fost l-oħrajn, l-għoti tad-dritt lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jitolbu li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar azzjoni (preventiva u) ta' rimedju li għandha tittieħed mill-operatur responsabbli. Id-Direttiva tiżgura wkoll li l-konsegwenzi finanzjarji tal-azzjoni ta' rimedju jitħallsu mill-operatur ekonomiku li jkun ikkawża d-dannu ambjentali. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Lulju 2020. In-Netherlands indikaw li, legalment, il-kategoriji kollha ta' persuni msemmija fid-Direttiva huma koperti. Madankollu, il-jedd tal-persuni “li x'aktarx jiġu affettwati” mid-danni ambjentali li jitolbu azzjoni mhuwiex ċar biżżejjed mil-leġiżlazzjoni Netherlandiża bħala tali, peress li jeħtieġu interpretazzjoni. Jeħtieġ – għall-ħarsien tal-ambjent – li jitneħħa kull tip ta' dubju dwar liema persuni għandhom il-jedd li jitolbu azzjoni mill-awtoritajiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. In-Netherlands issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Sajd u affarijiet marittimi

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Ppjanar tal-ispazju marittimu: il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA u lil SPANJA biex jistabbilixxu l-Pjani tal-Ispazju Marittimu

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lill-Bulgarija (INFR (2022) 2025) u lil Spanja (INFR(2022)2027) biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva (UE) 2014/89 dwar l-Ippjanar tal-ispazju marittimu. L-ippjanar tal-ispazju marittimu jimmira li jorganizza attivitajiet umani f'żoni tal-baħar sabiex jintlaħqu diversi objettivi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali. Fost dawn hemm l-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u l-konservazzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità tal-baħar b'saħħithom, li huma parti essenzjali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Id-Direttiva talbet lill-Istati Membri kostali jfasslu pjani tal-ispazju marittimu sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021, u jressqu kopji tal-pjani lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom. Il-Bulgarija u Spanja ma kkonformawx ma' dan ir-rekwiżit. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija u lil Spanja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittra u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Sonya Gospodinova – Tel.: +32 229 66953; Federica Miccoli – Tel.: +32 229 58300)

 

Opinjoni motivata

 

Ħlasijiet tard: il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex tiżgura li n-negozji jitħallsu fil-ħin

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja(INFR(2010)4206) talli ma applikatx b'mod korrett ir-regoli skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (id-Direttiva 2011/7/UE). Il-ħlasijiet tard għandhom effett negattiv fuq in-negozji, peress li jnaqqsu l-likwidità tagħhom, iwaqqfuhom milli jikbru, ixekklu r-reżiljenza tagħhom, b'mod partikolari fil-kuntest ekonomiku attwali, u l-kapaċità tagħhom li jsiru aktar ekoloġiċi u diġitali. Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard tobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi jħallsu l-fatturi tagħhom fi żmien 30 jum (jew 60 jum għall-isptarijiet pubbliċi) u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu l-eżempju tajjeb fil-ġlieda kontra l-kultura ta' ħlas ħażin fl-ambjent tan-negozju. Bejn l-2010 u l-2020, il-Greċja daħħlet regola li tipprevedi l-ħlas immedjat ta' djun fit-tul tal-isptarijiet pubbliċi lill-fornituri privati tagħhom bil-kundizzjoni li dawn il-fornituri jċedu l-jeddijiet tagħhom għall-interessi, għall-kumpens u għar-rimedji ġudizzjarji. Skont il-Kummissjoni, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-UE, kif interpretati mill-Qorti, b'mod partikolari fis-sentenza tagħha mogħtija fil-kawża C-555/14. Issa l-Greċja għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

 

3. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Unjoni tas-Sigurtà

(Għal aktar informazzjoni: Anitta Hipper - Tel.: +32 229 85691; Laura Bérard – Tel.: + 32 229 55721; Ciara Bottomley – Tel.: +32 229 69971; Yuliya Matsyk - Tel.: + 32 229 13173)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Migrazzjoni legali: Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA tuża format ġdid għall-karti tal-permessi ta' residenza għal nazzjonali mhux tal-UE

Illum, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat l-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Bulgarija (INFR (2021) 2127) talli naqset milli timplimenta l-format il-ġdid tal-karta tal-permess ta' residenza għal nazzjonali mhux tal-UE (ir-Regolament (KE) 1030/2002). Ir-Regolament ġie emendat fl-2017 biex jintroduċi format ġdid ta' karta għall-permessi ta' residenza b'karatteristiċi ta' sigurtà aġġornati li jiddependu fuq data bijometrika. Il-Bulgarija bħalissa mhux qed toħroġ il-permessi ta' residenza l-ġodda, li kellhom ikunu fis-seħħ sal-10 ta' Lulju 2020. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Ottubru 2021 u issa qegħdin jintalbu kjarifiki oħra. Il-Bulgarija għandha xahrejn biex tikkonforma. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.  

 

Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità: il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA, lil-LATVJA u lil MALTA biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-UE dwar iċ-Ċiberkriminalità

Illum, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2022) 2009), lil-Latvja(INFR(2022)2008) u lil Malta  (INFR(2022)2010) minħabba l-implimentazzjoni skorretta ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Attakki kontra s-Sistemi tal-Informazzjoni (id-Direttiva 2013/40/UE). Id-Direttiva hi parti essenzjali mill-qafas legali tal-UE fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità: u titlob lill-Istati Membri jsaħħu l-liġijiet nazzjonali taċ-ċiberkriminalità u jdaħħlu sanzjonijiet kriminali, inkluż għal attakki ċibernetiċi fuq skala kbira. L-Istati Membri huma obbligati wkoll li jiddeżinjaw punti tal-kuntatt li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, biex jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija, il-Latjva u Malta ttrasponew b'mod skorrett il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva fid-drittijiet nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-dispożizzjonijiet rigward ċerti reati, livelli ta' pieni meħtieġa, u l-ġuriżdizzjoni. L-Ungerija, il-Latvja u Malta issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.  

 

Opinjonijiet motivati

 

Pagamenti mhux bi flus kontanti: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BELĠJU, lill-BULGARIJA u liċ-ĊEKJA biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti

Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill- Belġju (INFR(2021)0147), lill-Bulgarija (INFR(2021)0158) u liċ-Ċekja(INFR(2021)0183) li fiha titlobhom biex jikkomunikaw l-informazzjoni dwar kif ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti (id-Direttiva 2019/713) ġew trasposti fid-dritt nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri qablu li jittrasponu din id-Direttiva u li jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni sal-31 ta' Mejju 2021. Id-Direttiva tikkriminalizza s-serq u l-miżapproprjazzjoni tal-kredenzjali ta' pagament, kif ukoll il-bejgħ u d-distribuzzjoni ulterjuri tagħhom. Din tkopri t-tranżazzjonijiet mhux fi flus mwettqa bi kwalunkwe tip ta' strument ta' pagament, inklużi kards tal-bank iżda wkoll strumenti virtwali bħall-pagamenti bil-mobile. Peress li l-Belġju, il-Bulgarija u ċ-Ċekja ma ħarsux id-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni inizjali, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lit-tliet Stati Membri f'Lulju 2021. It-tweġibiet tagħhom intbagħtu f'Settembru 2021. Madankollu, peress li l-Belġju, il-Bulgarija u ċ-Ċekja innotifikaw parzjalment jew ma nnotifikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni b'mod ċar u preċiż, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħatilhom opinjonijiet motivati. It-tliet pajjiżi issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  

 

4. Ġustizzja

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - Tel.: +32 229 62253; Katarzyna Kolanko - Tel.:+32 229 63444; Cristina Torres Castillo – Tel.: +32 229 90679)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Ġlieda kontra l-frodi: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ESTONJA, lill-UNGERIJA, lil MALTA u lin-NETHERLANDS biex jittrasponu r-regoli tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tal-baġit tal-Unjoni

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja(INFR(2022)2011), lill-Ungerija (INFR(2022)2012), lil Malta (INFR(2022)2014) lin-Netherlands (INFR(2022)2015) talli ma ttrasponewx b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-frodi fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva (UE) 2017/1371). Dawn ir-regoli, li jagħmlu parti mill-istrateġija usa' tal-Kummissjoni kontra l-frodi, iħarsu l-baġit tal-UE billi jarmonizzaw id-definizzjonijiet, is-sanzjonijiet, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-perjodi ta' limitazzjoni relatati mal-frodi u ma' reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Il-kwistjonijiet identifikati huma prinċipalment marbuta mat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali (frodi, korruzzjoni u miżapproprjazzjoni), ma' sanzjonijiet u ma' perjodu ta' limitazzjoni. Hija meħtieġa traspożizzjoni kif suppost ta' dawn ir-regoli mill-Istati Membri biex l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitħalla jwettaq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effettivi. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali skadiet fis-6 ta' Lulju 2019. Id-deċiżjoni tal-lum issegwi ittri oħra ta' intimazzjoni mibgħuta lill-Kroazja, lill-Finlandja, lill-Greċja, lil-Latvja, lil-Lussemburgu, lill-Portugall, lir-Rumanija u lil Spanja f'Diċembru 2021; u lill-Belġju, lil Ċipru, lis-Slovakkja, lis-Slovenja u l-Iżvezja fi Frar 2022 għan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-każ ta' ksur li nfetaħ kontra l-Awstrija f'Settembru 2019 talli naqset milli tikkomunika kif suppost il-miżuri ta' traspożizzjoni għal din id-Direttiva. Dawn l-erba' Stati Membri issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.


Protezzjoni tad-Datail-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR (2022)2030) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data (id-Direttiva (UE) 2016/680) . Il-Ġermanja naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjoni li tistipula li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data jrid ikollhom setgħat korrettivi effettivi ta' diversi tipi. Dawn it-tipi jinkludu twissijiet, ordnijiet biex l-operazzjonijiet ta' pproċessar isiru konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari billi jiġu ordnati r-rettifika jew it-tħassir tad-data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, kif ukoll l-impożizzjoni ta' limitazzjoni temporanja, definittiva jew il-projbizzjoni tal-ipproċessar. L-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data jridu jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kontra l-kontrolluri jew il-proċessuri. Il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet marbuta mas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data hi element essenzjali għall-garanzija effettiva tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-datapersonali. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil diversi Stati Membri f'April 2022 talli naqsu milli jittrasponu din id-Direttiva sal-iskadenza. Il-Ġermanja issa għandha xahrejn biex twieġeb lill-Kummissjoni u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirrimedja s-sitwazzjoni. Fin-nuqqas ta' dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Mandat ta' Arrest Ewropew: il-Kummissjoni tniedi proċedura ta' ksur kontra l-LUSSEMBURGU u r-RUMANIJA għal traspożizzjoni skoretta

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil-Lussemburgu (INFR(2022)2018) u lir-Rumanija(INFR(2021)2263) peress li ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafasdwar il-mandat ta' arrest Ewropew ma ġewx trasposti b'mod korrett, fir-rigward tal-limiti tal-ħin biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk jiġix eżegwit mandat ta' arrest Ewropew jew iċ-ċediment ta' persuna rikjesta. Il-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa proċedura ġudizzjarja transfruntiera simplifikata għaċ-ċediment ta' persuna rikjesta għall-iskopijiet ta' prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni. Operazzjonali mill-1 ta' Jannar 2004, il-Mandat ta' Arrest Ewropew ħa post il-proċeduri twal ta' estradizzjoni li kienu jeżistu qabel bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-24 Stat Membru ieħor talli ma ttrasponewx, jew talli ma ttrasponewx ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Il-Lussemburgu u r-Rumanija issa għandhom xahrejn biex iwieġbu lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. 

 

Opinjonijiet motivati

 

Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq: il-Kummissjoni tappella lil SPANJA biex tikkonforma mar-rekwiżiti dwar is-sanzjonijiet kriminali

Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2019)2127), biex tħeġġiġha tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għall-abbuż tas-suq (id-Direttiva 2014/57/UE). Id-Direttiva titlob lill-Istati Membri jintroduċu definizzjonijiet komuni għal reati kriminali ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta' manipulazzjoni tas-suq, u biex jimponu penali kriminali massimi għall-aktar reati serji tal-abbuż tas-suq. L-Istati Membri jeħtieġu jiżguraw li tali mġiba - inkluża l-manipulazzjoni tal-parametri referenzjarji - tkun reat kriminali, punibbli b'sanzjonijiet effettivi kullimkien fl-Ewropa. Spanja ma ttrasponietx id-Direttiva b'mod korrett fid-dritt nazzjonali, notevolment billi ma pprevedietx terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas erba' snin għal ċerti każijiet ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata koperti mid-Direttiva. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja f'April 2019. Peress li t-tweġiba ta' Spanja ma indirizzatx dan it-tħassib b'mod sodisfaċenti, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata. Spanja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa, inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

5. Enerġija u klima

(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661) validazzjoni għaddejja

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Effiċjenza enerġetika: il-Kummissjoni tappella lid-DANIMARKA, lil FRANZA u lill-PORTUGALL biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lid-Danimarka (INFR(2022)2038), lil Franza (INFR(2022)2039) ulill-Portugall (INFR(2022)2040) talli naqsu milli jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza Enerġetika (id-Direttiva (UE) 2018/2002); li temenda d-Direttiva 2012/27/UE. Din id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u tiffissa mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32,5 %. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sal-25 ta' Ottubru 2020. It-traspożizzjoni qiegħda tiġi eżaminata fl-Istati Membri kollha. It-22 Stat Membru li ma kinux iddikjaraw traspożizzjoni sħiħa sal-iskadenza rċevew ittra ta' intimazzjoni f'Novembru 2020. Id-Danimarka, Franza u l-Portugall iddikjaraw traspożizzjoni sħiħa u, għalhekk, ma rċevewx ittra ta' intimazzjoni f'dak iż-żmien. Madankollu, wara eżami tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni notifikati, il-Kummissjoni issa tqis li t-traspożizzjoni mhijiex kompluta. Issa għandhom xahrejn biex iwieġbu. Inkella, fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Suq intern tal-enerġija: il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU, liċ-ĊEKJA, lill-IRLANDA, lil-LITWANJA, lill-POLONJA u lil SPANJA biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar is-suq intern tal-elettriku

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2022)2032), liċ-Ċekja (INFR(2022)2033), lill-Irlanda (INFR(2022)2035), lil-Litwanja (INFR(2022)2036), lill-Polonja(INFR(2022)2037) u lil Spanja (INFR(2022)2034) talli kkomunikaw biss parzjalment il-miżuri nazzjonali li jittrasponi r-regoli tal-UE għas-suq intern tal-elettriku, kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2019/944,li temenda d-Direttiva 2012/27/UE. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli ewlenin relatati mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament tas-settur tal-elettriku tal-UE bil-għan li jinħolqu swieq tal-elettriku verament integrati, kompetittivi, iffokati fuq il-konsumaturi, flessibbli, ġusti u trasparenti fl-Unjoni. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet il-31 ta' Diċembru 2020. B'konsegwenza tal-ittri ta' intimazzjoni tal-lum, is-sitt Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE. Inkella, fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Standards bażiċi tas-sikurezza: il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tikkonforma ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tal-protezzjoni mir-radjazzjoni

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni f'konformità mal-Artikolu 260(2) tat-TFUE lill-Italja (INFR(2018)2044) talli naqset milli tikkonforma ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti sabet li l-Italja ma ttrasponietx id-Direttiva riveduta tal-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom). Id-Direttiva, li timmodernizza u tikkonsolida l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni, tistabbilixxi l-istandards bażiċi tas-sikurezza biex il-pubbliku ġenerali, il-ħaddiema u l-pazjenti jkunu protetti mill-perikli li jirriżultaw mill-esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti. Din tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar it-tħejjija u r-rispons f'każ ta' emerġenza, li ġew imsaħħa wara li seħħ l-inċident nukleari ta' Fukushima. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sas-6 ta' Frar 2018. F'Jannar 2021, il-Qorti tat is-sentenza tagħha fil-Kawża C-744/19, li fiha ddikjarat li l-Italja naqset milli tittrasponi d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. B'ittra ta' April 2021, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jispjegaw liema miżuri kienu ħadu biex jikkonformaw mas-sentenza u b'hekk jiżguraw it-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva. Il-Kummissjoni evalwat it-tweġibiet tal-awtoritajiet Taljani u kkonkludiet li l-miżuri meħuda mill-Italja ma jikkostitwixxux konformità sħiħa mas-sentenza. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 260(2) tat-TFUE. L-Italja issa għandha xahrejn biex twieġeb l-ittra u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għat-tieni darba u titlob penali finanzjarji.

 

Opinjonijiet motivati

 

Effiċjenza enerġetika: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-KROAZJA, lill-LUSSEMBURGU, lis-SLOVAKKJA u lil SPANJA biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Kroazja(INFR(2020)0529), lil-Lussemburgu (INFR(2020)0539), lis-Slovakkja (INFR(2020)0564) u lil Spanja (INFR(2020)0522) talli naqsu milli jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza Enerġetika (id-Direttiva (UE) 2018/2002), li temenda d-Direttiva 2012/27/UE. Din id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u tiffissa mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32,5 %. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sal-25 ta' Ottubru 2020. L-erba' Stati Membri, li ma kinux iddikjaraw traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza Enerġetika sal-iskadenza, irċevew ittra ta' intimazzjoni f'Novembru 2020. Wara li eżaminat il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni fil-Kroazja, fil-Lussemburgu, fis-Slovakkja u fi Spanja mhijiex kompluta. Issa għandhom xahrejn biex iwieġbu. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Enerġija rinnovabbli: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-KROAZJA, lil ĊIPRU, lill-ĠERMANJA, lill-GREĊJA, lill-UNGERIJA, lill-IRLANDA, lil-LUSSEMBURGU, lill-POLONJA, lill-PORTUGALL u lir-RUMANIJA biex jittrasponu d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Kroazja (INFR(2021)0248), lil Ċipru (INFR(2021)0169), lill-ĠERMANJA (INFR(2021)0192), lill-Greċja (INFR(2021)0209), lill-Ungerija (INFR(2021)0256), lill-Irlanda (INFR(2021)0260), lil-Lussemburgu (INFR(2021)0286), lill-Polonja (INFR(2021)0317), lill-Portugall (INFR(2021)0326) u lir-Rumanija (INFR(2021)0333) talli ma ttrasponewx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinovabbli għall-elettriku, għat-tisħin u t-tkessiħ, u għat-trasport fl-UE. Din tistabbilixxi mira vinkolanti fuq livell tal-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32 % għall-enerġija rinnovabbli u tinkludi l-miżuri biex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jkun kosteffettiv u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva tiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija, u tistabbilixxi l-miri speċifiċi biex jiżdied is-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ u tat-trasport sal-2030. Barra minn hekk, din issaħħaħ il-kriterji biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-bijoenerġija. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil dawn l-Istati Membri kollha. Sal-lum il-ġurnata, il-Kroazja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija naqsu milli jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni ċara u preċiża fir-rigward ta' liema dispożizzjonijiet nazzjonali jittrasponu kull waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva; u Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, u l-Lussemburgu nnotifikaw biss parzjalment il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva. Issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligu tat-traspożizzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA, lill-IRLANDA, lil-LITWANJA U lis-SLOVENJA biex jittrasponu id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Ungerija (INFR(2020)0193), lill-Irlanda (INFR(2020)0201), lil-Litwanja (INFR(2020)0213) u lis-Slovenja (INFR(2020)0259) talli naqsu milli jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2018/844 li emendat id-D-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Id-Direttiva introduċiet elementi ġodda biex issaħħaħ il-qafas eżistenti, bħar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini l-ġdid, l-elettromobbiltà u l-punti tal-irriċarġjar, u regoli ġodda dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali skadiet fl-10 ta' Marzu 2020. F'Mejju 2020, ħarġet ittra ta' intimazzjoni għal dawn l-Istati Membri wara li naqsu milli jiddikjaraw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Wara li eżaminat il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali notifikati, il-Kummissjoni qieset li l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja u s-Slovenja għadhom ma ttrasponewx bis-sħiħ. Issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligu tat-traspożizzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Skart radjuattiv: il-Kummissjoni tappella lill-KROAZJA, lill-ESTONJA, lill-ITALJA, lill-PORTUGALL u lis-SLOVENJA biex jadottaw programm nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv bi qbil mar-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Kroazja (INFR(2020)2267), lill-Estonja (INFR(2018)2028), lill-Italja (INFR(2020)2266), lill-Portugall (INFR(2020)2315) u lis-Slovenja(INFR(2018)2020) talli adottaw programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv li mhumiex konformi bis-sħiħ mad-Direttiva dwar il-Fjuwil użat u l-Iskart Radjuattiv (id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom). L-iskart radjuattiv jiġi ġġenerat mill-produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija nukleari, imma anke mill-użu mhux relatat mal-enerġija ta' materjali radjuattivi għal skopijiet mediċi, tar-riċerka, industrijali u agrikoli. Dan ifisser li l-Istati Membri kollha jiġġeneraw skart radjuattiv. Id-Direttiva tistabbilixxi qafas li jirrikjedi l-ġestjoni responsabbli u sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv biex jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza u biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet żejda fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. B'mod partikolari, din tirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv kollu ġġenerat fit-territorju tagħhom, mill-ġenerazzjoni sar-rimi. Il-programmi nazzjonali nnotifikati mill-Kroazja, mill-Estonja, mill-Italja, mill-Portugall u mis-Slovenja nstabu li ma kinux konformi ma' ċerti rekwiżiti tad-Direttiva. L-Istati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

 

6. Tassazzjoni u Unjoni Doganali
(Għal aktar informazzjoni: Daniel Ferrie – Tel.: +32 229 86500; Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lill-ĠERMANJA biex tallinja r-regoli tat-taxxa tagħha, dwar il-kuntratti ta' tfaddil għall-pensjoni (il-kuntratti “Riester-Rente”) konklużi wara l-1 ta' Jannar 2010, mad-dritt tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2022)4014), li fiha titlobha biex temenda l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tagħha dwar il-kuntratti ta' tfaddil għall-pensjoni. Dawn ir-regoli jiċħdu lir-residenti Ġermaniżi impjegati fi Stat ieħor tal-UE/taż-ŻEE bonus għat-tfaddil għall-pensjoni kif ukoll tnaqqis speċjali tat-taxxa għall-kuntratti ta' tfaddil għall-pensjoni konklużi wara l-1 ta' Jannar 2010. Sabiex jibbenefika minn dawn il-vantaġġi, bħalissa individwu jeħtieġ li jkun soġġett għall-iskema tal-pensjoni statutorja Ġermaniża. B'mod ġenerali, huwa obbligatorju li impjegat ikun assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali ta' Stat Membri wieħed, li fil-prinċipju jkun l-istat tal-impjieg tiegħu. Għalhekk, persuna li tirrisjedi fil-Ġermanja iżda taħdem fi Stat Membru ieħor hija soġġetta għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn taħdem, u ma tistax tagħżel li tikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjoni statutorja Ġermaniża. Madankollu, ħaddiem bħal dan jista' jiddeċiedi li jipparteċipa fi skema ta' pensjoni volontarja fil-Ġermanja, billi jikkonkludi kuntratt ta' tfaddil għall-pensjoni. Madankollu, ħaddiem bħal dan, li minbarra dan jiġi ntaxxat fuq l-introjtu minn impjieg barrani fil-Ġermanja, se jkun eskluż mill-vantaġġi msemmija hawn fuq ta' dan il-kuntratt partikolari. Għalhekk jidher li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, garantit fl-Artikolu 45 tat-TFUE u fl-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE. Jekk il-Ġermanja ma tipprovdix tweġiba sodisfaċenti fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Tassazzjoni fuq il-karozzi: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil MALTA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-taxxa annwali għaċ-ċirkolazzjoni

 Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta [INFR (2018) 2362] quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ntaxxat karozzi użati importati minn Stati Membri oħra b'mod aktar sever mill-karozzi użati importati fis-suq Malti. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tat-taxxi fuq il-karozzi, kull Stat Membru jista' jirranġa l-miżuri fiskali tiegħu skont il-valutazzjonijiet tiegħu stess. Madankollu, l-Artikolu 110 tat-TFUE jitlob lil kull Stat Membru jagħżel u jagħmel arranġamenti għat-taxxi fuq il-karozzi b'tali mod li ma jkollhomx l-effett li jippromwovu l-bejgħ ta' karozzi domestiċi użati u għaldaqstant jiskoraġġixxu t-trasferiment ta' karozzi użati simili minn Stati Membri oħra. Bħalissa, il-karozzi rreġistrati għall-ewwel darba f'Malta mill-1 ta' Jannar 2009 huma soġġetti għal taxxa annwali ta' ċirkolazzjoni ġeneralment ogħla minn dawk irreġistrati qabel dik id-data, minħabba differenza fil-mod kif tiġi kkalkulata t-taxxa, fil-kuntest ta' riorganizzazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni fuq il-karozzi f'Malta. Madankollu, is-sistema tat-tassazzjoni fuq il-karozzi ma tqisx id-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura, meta r-reġistrazzjoni tkun seħħet fi Stat Membri ieħor, iżda pjuttost id-data tar-reġistrazzjoni f'Malta. Għaldaqstant, vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra qabel l-1 ta' Jannar 2009 u miġjuba Malta wara dik id-data huma soġġetti għal taxxa tar-reġistrazzjoni annwali ogħla minn vetturi simili diġà rreġistrati f'Malta qabel dik id-data. Dan l-effett diskriminatorju mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 110 tat-TFUE, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-prodotti importati. Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Awtoritajiet Maltin fid-9 ta' Ġunju 2021 li fiha titlobhom b'mod formali biex jemendaw din il-leġiżlazzjoni fi żmien xahrejn. It-tweġiba mogħtija minn Malta għal din l-opinjoni motivata ma tqisitx sodisfaċenti. L-istqarrija għall-istampa hija disponibbli online.

 

 

7. Mobilità u Trasport

(Għal aktar informazzjoni: (Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Anna Wartberger - Tel.: +32 229 82054)

 

Opinjonijiet motivati

 

Trasport bit-Triq: il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex iżżid l-għadd ta' kontrolli fit-triq

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja(INFR (2018) 2336) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva 2006/22/KE. Id-Direttiva titlob li l-Istati Membri jwettqu għadd minimu ta' kontrolli fit-triq u fil-bini tal-impriżi tat-trasport bit-triq biex jivverifikaw il-konformità tas-sewwieqa u tal-operaturi mar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, u dwar l-użu tat-takografi. Il-kontrolli fit-triq għandhom ikopru mill-inqas 3 % tal-jiem maħduma mis-sewwieqa. Il-Greċja konsistentement naqset milli tilħaq il-limitu minimu ta' kontrolli preskritt mid-Direttiva 2006/22/KE. Issa l-Greċja għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Trasport bit-triq: il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU, lill-BULGARIJA, lill-UNGERIJA, lill-IRLANDA, lill-POLONJA u lill-PORTUGALL biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS)

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR(2021)0515), lill-Bulgarija (INFR(2021)0517), lill-Ungerija (INFR(2021)0529), lill-Irlanda (INFR(2021)0531), lill-Polonja (INFR(2021)0537) u lill-Portugall (INFR(2021)0539), talli naqsu milli jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali biex jittrasponu d-Direttiva tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) (id-Direttiva (UE) 2019/520). L-EETS hi sistema ta' pedaġġ li għaliha l-utenti tat-toroq tal-UE jistgħu jħallsu b'kuntratt ta' abbonament wieħed, fornitur ta' servizz wieħed u unità abbord waħda li tkopri l-Istati Membri kollha. Id-Direttiva għandha żewġ objettivi ewlenin: li tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' pedaġġ elettroniċi u l-iffaċilitar tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni. L-iskadenza tat-traspożizzjoni għal din id-Direttiva skadiet fid-19 ta' Ottubru 2021 u s-seba' Stati Membri kkonċernati għadhom ma nnotifikaw l-ebda miżura ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni. L-opinjonijiet motivati tal-lum isegwu l-ittri ta' intimazzjoni mibgħuta f'Novembru 2021 dwar l-istess kwistjoni lil 19-il Stat Membru. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti minn dawn l-Istati Membru fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Trasport tal-passiġġieri bit-triq: il-Kummissjoni tħeġġeġ id-DANIMARKA tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-kabotaġġ

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lid-Danimarka(INFR (2021)2072) dwar l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta' “kabotaġġ temporanju” għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ (ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009). Id-Danimarka tiddefinixxi l-kabotaġġ temporanju bħala “sebat ijiem konsekuttivi f'xahar kalendarju wieħed”. L-interpretazzjoni Daniża tkun tiżgura li l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ ikunu temporanji u proporzjonati. Madankollu, l-applikazzjoni stretta, iżolata u awtomatika tagħha tista' tirriżulta f'sitwazzjoni fejn operazzjonijiet ta' kabotaġġ li huma ta' natura temporanja ma jiġux trattati bħala tali mill-awtoritajiet Daniżi – pereżempju, f'każijiet fejn operazzjoni waħda ta' kabotaġġ tiġi pprovduta fl-ewwel ġimgħa ta' xahar u oħra fit-tielet ġimgħa.

Issa d-Danimarka għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Raba' Pakkett Ferrovjarju: Il-Kummissjoni tappella lill-IŻVEZJA biex tittrasponi bis-sħiħ ir-regoli l-ġodda

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja (INFR (2020)0558 u INFR(2020)0559) dwar in-nuqqas tagħha li tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri ta' traspożizzjoni għar-regoli dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja u s-sikurezza ferrovjarja kif stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/797 u fid-Direttiva (UE) 2016/798. Id-Direttivi huma parti mill-pilastru tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, li daħħal proċeduri aċċellerati, kostijiet aktar baxxi u sistema simplifikata ta' ċertifikazzjoni u ta' awtorizzazzjoni, b'mod partikolari għall-vetturi ferrovjarji li għandhom jintużaw f'diversi Stati Membri, u għall-impriżi ferrovjarji li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed. Għandha wkoll l-għan li tissimplifika l-qafas regolatorju billi telimina l-ostakli tekniċi u operazzjonali nazzjonali bla bżonn biex tiżgura traffiku ferrovjarju bla xkiel madwar l-Unjoni. L-opinjoni motivata tal-lum issegwi l-ittra ta' intimazzjoni li bagħtet il-Kummissjoni f'Novembru 2020. L-Iżvezja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

8. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Daniel Ferrie – Tel.: +32 229 86500, Aikaterini Apostola - Tel.: +32 229 87624)

 

Opinjonijiet motivati

 

Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL biex ilesti t-traspożizzjoni tar-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus

Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Portugall(INFR(2020)2016) talli naqas milli jittrasponi bis-sħiħ il-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (5th AMLD). Minkejja li l-Portugall iddikjara traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-fatt ma ġewx trasposti. Dawn jirreferu għall-obbligi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji fir-rigward ta' kards anonimi mħallsin minn qabel maħruġa f'pajjiżi terzi; informazzjoni li trid tinkiseb dwar relazzjonijiet jew tranżazzjonijiet ta' negozju, li jinvolvu pajjiżi terzi b'riskju għoli; u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta' trust jew ta' arranġament legali simili. Ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-lakuni leġiżlattivi li jkun hemm fi Stat Membru wieħed iħallu impatt fuq l-UE kollha kemm hi. Għalhekk, it-traspożizzjoni korretta u sħiħa hija ta' importanza assoluta. Mingħajr tweġiba sodisfaċenti mill-Portugall fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Assigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA biex temenda t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (id-Direttiva 2009/103/KE)

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja(INFR(2018)4150) talli naqset milli tapplika b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (id-Direttiva 2009/103/KE). Id-Direttiva fiha regoli li jħarsu l-vittmi ta' aċċidenti kkawżati mill-użu ta' vetturi bil-mutur. Il-Kummissjoni identifikat każijiet ta' traspożizzjoni skorretta fid-dritt nazzjonali. B'mod partikolari, it-traspożizzjoni leġiżlattiva Griega tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur teskludi mill-kumpens lill-passiġġier li weġġa' jekk il-persuna tinzerta li tkun ukoll sid il-karozza. Dan imur kontra d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti mill-Greċja fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

 

9. Ekonomija diġitali


(Għal aktar informazzjoni: Johannes Bahrke – Tel.: +32 229 58615, Charles Manoury - Tel.: +32 229 13391)

 

Opinjonijiet motivati

 

Direttiva dwar id-data miftuħa: Il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA u lis-SLOVENJA biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjonijiet motivati lir-Rumanija(INFR (2021) 0493) u lis-Slovenja (INFR (2021) 0505) li fiha titlob li tiġi kkomunikata informazzjoni dwar kif ir-regoli tal-UE dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku (id-Direttiva UE 2019/1024, imsejħa d-Direttiva dwar id-Data Miftuħa) huma trasposti fid-dritt nazzjonali. Filwaqt li l-iskadenza tat-traspożizzjoni skadiet fis-17 ta' Lulju 2021, l-Istati Membri elenkati hawn fuq naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali kollha tagħhom, minkejja l-ittri ta' intimazzjoni mibgħuta fit-30 ta' Settembru 2021. Id-Direttiva dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, adottata fl-20 ta' Ġunju 2019, għandha l-għan li tisfrutta l-benefiċċji tad-data u tgħin biex parti akbar mill-aggregazzjoni vasta u ta' valur tar-riżorsi tad-dataprodotti mis-settur pubbliku ssir disponibbli għall-użu mill-ġdid. Dan se jnaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq għall-SMEs permezz ta' kostijiet imnaqqsa għall-użu mill-ġdid tad-data, jagħmel aktar data disponibbli u jżid l-opportunitajiet ta' negozju permezz tal-kondiviżjoni tad-data bl-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs). Id-Direttiva tistimula l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi bħall-apps tal-mobilità, iżżid it-trasparenza billi tiftaħ l-aċċess għad-data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku, u tappoġġa teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti minn dawn l-Istati Membri fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Drittijiet tal-awtur: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur fid-dritt nazzjonali

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR 2021/0159), lil Ċipru (INFR 2021/0172), lill-Greċja (INFR 2021/0211), lill-Irlanda (INFR 2021/0261), lil-Latvja (INFR 2021/0295), lill-Polonja (INFR 2021/0320), lill-Portugall (INFR 2021/0329), lis-Slovenja (INFR 2021/0353), lis-Slovakkja (INFR 2021/0361) u lill-Finlandja (INFR 2021/0231) talli naqsu milli jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' traspożizzjoni tad-drittijiet tal-awtur u dawk relatati ma' ċerti trażmissjonijiet online (Id-Direttiva 2019/789 tal-UE). Illum, il-Kummissjoni bagħtet ukoll opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR 2021/0149), lill-Bulgarija (INFR 2021/0160), lil Ċipru (INFR 2021/0173), lid-Danimarka (INFR 2021/0196), lill-Greċja (INFR 2021/0212), lil Franza (INFR 2021/0241), lil-Latvja (INFR 2021/0296), lill-Polonja (INFR 2021/0321), lill-Portugall (INFR 2021/0330), lis-Slovenja (INFR 2021/0354), lis-Slovakkja (INFR 2021/0362), lill-Finlandja (INFR 2021/0232) u lill-Iżvezja (INFR 2021/0345) talli naqsu milli jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri ta' traspożizzjoni tad-drittijiet tal-awtur u dawk relatati fis-Suq Uniku Diġitali (id-Direttiva (UE) 2019/790). Dawn iż-żewġ Direttivi għandhom l-għan li jimmodernizzaw ir-regoli tad-drittijiet tal-awtur għall-konsumaturi u għall-ħallieqa sabiex jagħmlu l-aħjar użu tad-dinja diġitali. Huma jħarsu lid-detenturi tad-drittijiet minn setturi differenti, filwaqt li jistimulaw il-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni ta' kontenut ta' valur għoli. Dawn iġibu għażla akbar ta' kontenut għall-utenti billi jnaqqsu il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u jħaffu d-distribuzzjoni tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni madwar l-UE. L-Istati Membri jridu jippromulgaw dawn ir-regoli mingħajr aktar dewmien, u dan se jippermetti liċ-ċittadini tal-UE, lis-setturi kreattivi, lill-istampa, lir-riċerkaturi, lill-edukaturi u lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali kif ukoll lill-fornituri tas-servizzi fl-UE jibdew jibbenefikaw minnhom. Fit-23 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Istati Membri li ma kkomunikawx it-traspożizzjoni kompluta taż-żewġ Direttivi. Illum il-Kummissjoni segwiet b'opinjonijiet motivati għal dawk l-Istati Membri msemmija hawn fuq. Dawn l-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jadottaw miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni għaż-żewġ direttivi. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tista' ssib stqarrija għall-istampa hawnhekk.

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva: il-Kummissjoni tressaq ħames Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq iċ-Ċekja (INFR 2020/0510), l-Irlanda (INFR 2020/0531), ir-Rumanija (INFR 2020/0555), is-Slovakkja (INFR 2020/0563) u lil Spanja(INFR 2020/0521), quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (“AVMSD”, id-Direttiva (UE) 2018/1808), b'talba li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarju f'konformità mal-Artikolu 260(3) tat-TFUE. L-AVMSD tirregola l-koordinazzjoni mal-UE kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-media awdjoviżiva kollha. L-aħħar reviżjoni tal-AVMSD twettqet fl-2018. L-AVMSD riveduta tipprovdi standards tal-kontenut tal-media fl-UE kollha għall-media awdjoviżiva kollha, kemm għax-xandiriet televiżivi tradizzjonali kif ukoll għas-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba, flimkien mal-pjattaformi ta' video-sharing. Dawn ir-regoli l-ġodda tal-UE għandhom l-għan li joħolqu ambjent awdjoviżiv aktar sikur, aktar ġust u aktar varjat. Huma jsaħħu l-protezzjoni tat-telespettaturi, b'attenzjoni partikolari għas-sikurezza ta' dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-minorenni, jestendu r-regoli dwar il-kontenut illegali u ta' ħsara għall-pjattaformi ta' video-sharing, u jrawmu d-diversità kulturali fil-media awdjoviżiva. Barra minn hekk, id-Direttiva introduċiet rekwiżiti ta' indipendenza addizzjonali għar-regolaturi nazzjonali tal-media. L-Istati Membri kellhom jittrasponu din id-Direttiva u jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni sad-19 ta' Settembru 2020. Fin-nuqqas ta' adozzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti, il-Kummissjoni bagħtet Ittri ta' Intimazzjoni lil 23-il Stat Membru f'Novembru 2020, segwiti minn disa' Opinjonijiet Motivati f'Settembru u tnejn f'Novembru 2021. Sal-lum il-ġurnata, l-Istati Membri elenkati hawn fuq naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ u jikkomunikaw il-miżuri li jimplimentaw l-AVMSD. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-riferimenti jinkludu talba biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji f'konformità mal-Artikolu 260(3) tat-TFUE. Tista' ssib l-istqarrija għall-istampa sħiħa hawnhekk.

 

10. Impjiegi u drittijiet soċjali

(Għal aktar informazzjoni: Veerle Nuyts – Tel.: +32 229 96302; Flora Matthaes – Tel.: +32 229 83951)

 

Ittra ta' intimazzjoni

 

Liġi tax-xogħol tal-UE: Il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA temenda l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet

Il-Kummissjoni tappella lill-Irlanda (INFR(2022)4021) biex tikkonforma mar-regoli tal-UE biex tiżgura l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-ħaddiema skont id-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (id-Direttiva 2009/38/KE). Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jaqdu rwol importanti għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-impjegati ta' kumpaniji multinazzjonali bejn il-fruntieri. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati sabiex il-ħaddiema u l-ġestjoni tal-kumpaniji jkunu jistgħu jinfurzaw il'jeddijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mid-Direttiva. Il-Kummissjoni identifikat għadd ta' nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni Irlandiża, li tonqos milli tiggarantixxi l-jedd tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, tal-Korp Speċjali tan-Negozjati (korp ta' rappreżentanti tal-ħaddiema) jew tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet li jmorru quddiem qorti nazzjonali dwar tilwim relatat ma' ksur tal-jeddijiet u tal-obbligi skont din id-Direttiva. Dan jikkonċerna, pereżempju, tilwim relatat mal-jedd li tintalab assistenza u l-preżenza ta' espert f'laqgħat ta' negozjati jew ta' tilwim relatat mal-obbligi ta' kunfidenzjalità. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-ittra u biex tieħu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Opinjoni motivata

 

Protezzjoni tal-ħaddiema kontra s-sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer: il-Kummissjoni tipproċedi bil-każ ta' ksur kontra SPANJA

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja(INFR (2021) 0410) talli naqset milli tikkomunika l-liġi nazzjonali tagħha li tittrasponi r-regoli tal-UE mfassla biex jipproteġu lill-ħaddiema kontra sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer, bħal karċinoġeni u mutaġeni (id-Direttiva (UE) 2019/983). Din id-Direttiva tal-UE hija t-tielet reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni. Ittejjeb il-protezzjoni għal madwar 1 miljun ħaddiem fl-Ewropa billi tillimita l-esponiment tal-ħaddiema għal ħames sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer. Pereżempju, bis-saħħa tat-tielet reviżjoni tad-Direttiva, ġie inkluż il-formaldeid, li jintuża fuq firxa wiesgħa f'xogħlijiet ta' bini u ta' kostruzzjoni, fil-karti u fil-prodotti tal-karti, fl-injam u fil-prodotti tal-injam u jista' jwassal għal kanċer nażofarinġali, tip ta' kanċer tar-ras u tal-għonq, u l-lewkimja. L-Istati Membri ntalbu jittrasponu t-tieni aġġornament tar-regoli u jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali rispettivi lill-Kummissjoni sal-11 ta' Lulju 2021. Sal-lum il-ġurnata, Spanja għadha ma għamlitx dan, minkejja li l-Kummissjoni diġà bagħtet ittra ta' intimazzjoni fit-30 ta' Settembru 2021. Għalhekk, illum il-Kummissjoni se ssegwi dan b'opinjoni motivata. Issa Spanja għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata u biex tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta