Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet13 Marzu 2024Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta31 min qari

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur għal Marzu: deċiżjonijiet ewlenin

Justice

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 50 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet sħaħ.

Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu fir-rigward ta' każ partikolari, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur billi ddaħħal ir-referenza INFR(SSSS)nnnn.

 

1. Ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA biex tipproteġi l-għasafar u l-ħabitats tagħhom
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2023)2179) talli naqset milli timplimenta biżżejjed il-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi skont id-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw li huwa fundamentali li l-UE twaqqaf it-telf tal-bijodiversità billi tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità. Id-Direttiva dwar l-Għasafar hija kruċjali biex tinżamm il-bijodiversità u tipproteġi l-500 speċi ta' għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fl-UE. Il-Ġermanja ma kklassifikatx l-aktar territorji xierqa bħala Żoni ta' Protezzjoni Speċjali (ŻPS) għal ħames speċijiet ta' għasafar, u għalhekk naqset milli toħloq network koerenti biżżejjed ta' dawn iż-żoni. Barra minn hekk, il-Ġermanja għadha ma stabbiliet l-ebda miżura ta' konservazzjoni għal 220 ŻPS mis-742 eżistenti. Il-Ġermanja lanqas ma pproteġiet biżżejjed iż-ŻPS “Unterer Niederrhein” (iż-żona t'isfel tar-Renu) fejn l-għadd ta' speċijiet ta' għasafar protetti naqas b'mod sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri li ħadet il-Ġermanja fin-network taż-ŻPS u barra minnu s'issa mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Minħabba f'hekk, hemm tnaqqis evidenti fil-popolazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar protetti. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata. 

Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA biex ittejjeb it-trattament tagħha tal-iskart muniċipali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2024)2013) talli naqset milli tapplika b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Landfill (id-Direttiva 1999/31/KE) u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE). Id-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Landfill tistabbilixxi standards għar-rimi f'landfills biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskart li jkun ġie ttrattat biss jintrema fil-landfills. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero stabbilew ambizzjoni ta' tniġġis żero għall-UE, li hija ta' benefiċċju għas-saħħa pubblika, għall-ambjent u għan-newtralità klimatika. Fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Ottubru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, qabel ir-rimi f'landfills, l-iskart irid jiġi ttrattat bl-aktar mod xieraq biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem. Madankollu, l-aktar data reċenti turi li 12.7 % tal-iskart muniċipali kollu li nġabar fi Spanja ma ġiex ittrattat kif meħtieġ qabel intrema fil-landfills. Barra minn hekk, Spanja ma stabbilietx network integrat u adegwat tal-installazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-iskart għal skart muniċipali mħallat li jkopru l-landfills kollha fit-territorju kollu tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE

Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA biex tadotta pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju għat-toroq ewlenin
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ġermanja (INFR(2016)2116) talli naqset milli tistabbilixxi pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju għat-toroq ewlenin kollha. Skont id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (id-Direttiva 2002/49/KE), l-Istati Membri jridu jfasslu pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju għall-agglomerazzjonijiet, għal-linji ferrovjarji u għall-ajruporti. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-ambizzjoni ta' tniġġis żero tiegħu, jinkludi l-indirizzar tat-tniġġis akustiku għas-saħħa pubblika, għall-ambjent u għan-newtralità klimatika. Peress li l-istorbju huwa t-tieni kawża tal-imwiet prematuri wara t-tniġġis tal-arja, il-Kummissjoni stabbiliet mira speċifika li sal-2030 tnaqqas l-għadd ta' persuni li jiġu ddisturbati kronikament mill-istorbju mit-trasport bi 30 % (meta mqabbel mal-2017). Id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali għandha l-għan li tipproteġi saħħet il-bniedem billi tirrikjedi li l-Istati Membri jivvalutaw il-livelli tal-istorbju sabiex iċ-ċittadini u l-awtoritajiet jkunu jistgħu jagħżlu l-aħjar soluzzjonijiet fi ħdan il-pjanijiet ta' azzjoni obbligatorji. Mill-opinjoni motivata ta' Ottubru 2017 'l hawn, il-Ġermanja stabbiliet il-pjanijiet ta' azzjoni meħtieġa għall-agglomerazzjonijiet, għal-linji ferrovjarji u għall-ajruporti. Madankollu, ħafna pjanijiet ta' azzjoni għal toroq ewlenin 'il barra mill-agglomerazzjonijiet (madwar 16,000) għadhom neqsin. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ġermanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tipproteġi l-ilmijiet tal-baħar tagħha
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR (2022)2172) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligi tar-rapportar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE). Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb status ambjentali tajjeb tal-ibħra u tal-oċeani tal-UE filwaqt li tiżgura li r-riżorsi tagħhom jiġu ġestiti b'mod sostenibbli. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri kienu meħtieġa jirrevedu u jaġġornaw il-programmi tal-miżuri tagħhom sal-31 ta' Marzu 2022. Dawn il-programmi huma l-pedamenti tad-Direttiva għax jidentifikaw il-miżuri li jeħtieġ jittieħdu biex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb u jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri tiġi mmonitorjata. Bosta Stati Membri naqsu milli jressqu r-rapporti dwar l-aġġornamenti tal-programmi tal-miżuri tagħhom lill-Kummissjoni sal-iskadenzi meħtieġa. Minħabba f'hekk, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati fi Frar 2023. Minn dak iż-żmien 'l hawn, uħud mill-Istati Membri adottaw u rrapportaw il-programmi tal-miżuri tagħhom. Madankollu, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Greċja, il-Kroazja u Malta s'issa naqsu milli jagħmlu dan. Il-Kummissjoni diġà bagħtet opinjonijiet motivati lid-Danimarka, lill-Greċja, lill-Kroazja u lil Malta fi Frar 2024. Il-Bulgarija kienet wiegħdet li kienet se tirrieżamina u taġġorna l-programmi sa tmiem l-2023, iżda l-proċess tal-approvazzjoni interna tagħhom iddewwem. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jivvaluta kif suppost il-proġetti li jaf ikollhom impatt sinifikanti fuq is-siti ta' Natura 2000
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru (INFR(2019)2303) talli naqas milli jivvaluta kif suppost il-proġetti li jaf ikollhom impatt sinifikanti fuq is-siti ta' Natura 2000 kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE). Id-Direttiva hija waħda mill-għodod ewlenin tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tirrikjedi li l-pjanijiet u l-proġetti li x'aktarx ikollhom impatt sinifikanti fuq sit ta' Natura 2000 jgħaddu minn valutazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit qabel jiġu awtorizzati. Il-pjanijiet u l-proġetti jistgħu jiġu awtorizzati biss, skont ċerti eżenzjonijiet, jekk ma jagħmlux ħsara lill-integrità tas-sit. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru f'Novembru 2019. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Kummissjoni kompliet tirċievi l-ilmenti mingħand iċ-ċittadini dwar l-awtorizzazzjoni ta' proġetti ġodda u kompliet timmonitorja s-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni sabet li l-prattika strutturali u persistenti tal-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi fis-siti ta' Natura 2000 mingħajr konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats għadha għaddejja. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA biex tikkonforma mad-Direttiva dwar il-Ħabitats u mad-Direttiva dwar l-Għasafar
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja (INFR(2019)4058) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) u mad-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) b'rabta mal-ħarsien tal-bwar, tal-għasafar tal-bwar u tal-farfett magħruf bħala “False Ringlet”. Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri jridu jipproteġu u jirrestawraw il-ħabitats li jaqdu rwol vitali għall-bijodiversità, bħall-bwar, li jospitaw ukoll ħafna għasafar u friefet protetti. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw li huwa fundamentali li l-UE twaqqaf it-telf tal-bijodiversità billi tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità. Ċerti prattiki mhux sostenibbli qed jikkawżaw deterjorament tal-ħabitats protetti f'xi siti Sloveni ta' Natura 2000 u qed iwasslu għal tnaqqis sostanzjali jew saħansitra għall-estinzjoni lokali ta' ċerti speċijiet (eż. l-għasafar tal-bwar u l-farfett magħruf bħala “False Ringlet”) f'diversi siti ta' Natura 2000. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja f'Lulju 2019. Minn dak iż-żmien 'l hawn is-Slovenja ħadet xi miżuri, iżda dawn urew li mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu t-tnaqqis tal-ħabitats u tal-ispeċijiet tal-bwar. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-IRLANDA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tipproteġi t-torbieri mistagħdra
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Irlanda (INFR(2010)2161) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tapplika d-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) biex tipproteġi s-siti ddeżinjati għall-ħabitats tat-torbieri mistagħdra għoljin u tat-torbiera mistagħdra tal-għata mill-qtugħ tal-pit. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tirrikjedi li l-Istati Membri jiddeżinjaw l-aktar ħabitats naturali prezzjużi tagħhom u jipproteġuhom minn attivitajiet ta' ħsara. Dawn is-siti fl-Irlanda għadhom qed jiġu degradati permezz tad-drenaġġ u ta' attivitajiet tal-qtugħ tal-pit, u mhix qed tittieħed biżżejjed azzjoni għar-restawr tas-siti. Dawn iż-żoni huma hotspots tal-bijodiversità li jospitaw speċijiet importanti ta' insetti u ta' għasafar. Dawn huma kategorizzati bħala ħabitats “ta' prijorità” skont id-Direttiva, minħabba l-kwalitajiet uniċi tagħhom. It-torbieri mistagħdra huma wkoll bjar tal-karbonju vitali meta jkunu sani, filwaqt li rapport tan-NU stma li t-torbieri degradati tal-Irlanda jemettu 21.5 miljun tunnellata ta' ekwivalenti tas-CO2 fis-sena. Wara l-bidu tal-proċedura ta' ksur, l-awtoritajiet Irlandiżi għamlu xi progress, iżda ma indirizzawx in-nuqqasijiet bis-sħiħ. Pereżempju, filwaqt li sar xi xogħol ta' restawr fuq is-siti ta' torbieri mistagħdra għoljin, ma ttieħdet l-ebda azzjoni fir-rigward tas-siti ta' torbieri mistagħdra tal-għata li għalihom l-Irlanda naqset milli tistabbilixxi reġim regolatorju effettiv biex tipproteġi dawn is-siti uniċi ta' torbieri mistagħdra. Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali f'Settembru 2022. Il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa, l-isforzi tal-awtoritajiet Irlandiżi ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Irlanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-ĠREĊJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tiffinalizza r-reviżjoni tal-pjanijiet tal-ilma tagħhom
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ġreċja, (INFR(2022)2191) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tiffinalizza r-reviżjoni tal-pjanijiet tagħha tal-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara, kif meħtieġ skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE), u tal-pjanijiet tagħha tal-immaniġġjar tar-riskju ta' għargħar, kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar l-Għargħar (id-Direttiva 2007/60/KE). Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tiffoka fuq l-iżgurar tal-istatus kwalitattiv u kwantitattiv tajjeb tal-korpi tal-ilma Ewropej, bħax-xmajjar u l-lagi. Għandha l-għan li tnaqqas u telimina t-tniġġis kif ukoll li tiżgura li jkun hemm biżżejjed ilma għas-sostenn tal-ħajja selvaġġa u fl-istess ħin tal-ħtiġijiet tal-bniedem. Hija parti essenzjali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tagħha għall-klima, għan-natura u għat-tnaqqis tat-tniġġis. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jaġġornaw u jirrappurtaw il-pjanijiet tagħhom tal-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara kull 6 snin. Il-konformità mad-Direttiva dwar l-Għargħar hija kritika għat-tħejjija għall-għargħar u għall-immaniġġjar tagħhom. Skont id-Direttiva dwar l-Għargħar, l-Istati Membri jridu jaġġornaw u jirrappurtaw ukoll il-pjanijiet tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskju ta' għargħar kull 6 snin. Il-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riskju tal-baċin tax-xmara u tal-għargħar huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi taż-żewġ Direttivi. Il-Greċja s'issa għadha ma rrevediet, ma adottat u ma rrappurtat l-ebda pjan tal-immaniġġjar. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja fi Frar 2023. F'Novembru 2023, din kienet segwita minn opinjoni motivata. Madankollu, il-pjanijiet relevanti għadhom ma ġewx finalizzati. Il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa, l-isforzi tal-awtoritajiet Griegi ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-ITALJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma bis-sħiħ mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Italja (INFR(2017)2181) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tal-ġbir u tat-trattament stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva 1991/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u lill-ambjent billi tirrikjedi li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel ma jiġi skarikat fl-ambjent. L-ilma mormi mhux ittrattat jista' jpoġġi saħħet il-bniedem f'riskju u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija u l-ilma kostali u ta' taħt l-art. L-informazzjoni li waslet mingħand l-Italja uriet nuqqasijiet mifruxa fejn tidħol il-konformità mad-Direttiva, f'total ta' 179 agglomerazzjoni Taljana. L-Italja għad trid tiżgura li s-sistemi tal-ġbir tal-ilma mormi (jew sistemi individwali jew sistemi xierqa oħra f'każijiet ġustifikati) ikunu fis-seħħ f'36 agglomerazzjoni. Fil-każ ta' 130 agglomerazzjoni, l-Italja għadha qed tonqos milli tittratta b'mod korrett l-ilma mormi li jinġabar. Fil-każ tal-agglomerazzjonijiet li jiskarikaw l-ilma mormi f'żoni sensittivi, jeħtieġ trattament aktar strett tal-ilma mormi. L-Italja għadha ma tikkonformax ma' dan l-obbligu fi 12-il agglomerazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-każ ta' 165 agglomerazzjoni, l-Italja tonqos milli timmonitorja li l-iskariki tal-ilma jissodisfaw, maż-żmien, il-kundizzjonijiet tal-kwalità meħtieġa. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja f'Ġunju 2018, segwita minn opinjoni motivata f'Lulju 2019. Minkejja xi progress, ħafna agglomerazzjonijiet għadhom mhumiex konformi mal-obbligi tad-Direttiva. Il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa, l-isforzi tal-awtoritajiet Taljani ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil ĊIPRU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqas milli jieħu l-passi meħtieġa biex jipproteġi u jimmaniġġja s-siti tiegħu ta' Natura 2000
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Ċipru (INFR(2021)2064) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE). Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, Ċipru formalment iddeżinja 37 sit bħala Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni iżda għad irid jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa għal 28 sit. Barra minn hekk, l-objettivi ta' konservazzjoni għal ħames siti mhumiex adegwati, jiġifieri l-ispeċijiet u l-ħabitats f'dawn is-siti mhumiex protetti kif suppost. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru f'Ġunju 2021, segwita minn opinjoni motivata f' April 2022. Minkejja xi progress li sar fid-deżinjazzjoni ta' Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni, l-awtoritajiet Ċiprijotti għadhom ma indirizzawx l-ilmenti bis-sħiħ. Il-Kummissjoni jidhrilha li s'issa, l-isforzi tal-awtoritajiet Ċiprijotti ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lil Ċipru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

Ittra ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260 tat-TFUE

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tikkonforma mal-istandards tal-kwalità tal-arja
Il-Kummissjoni Ewropea qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni, skont l-Artikolu 260 tat-TFUE, lill-Italja (INFR(2014)2147) talli qed tkompli tonqos milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta' Novembru 2020 (C-644/18). F'din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-Italja kienet kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (id-Direttiva 2008/50/KE). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-ambizzjoni tiegħu ta' tniġġis żero, jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-arja biex tiġi protetta b'mod effettiv saħħet il-bniedem u biex jiġi ssalvagwardjat l-ambjent naturali. Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent tobbliga lill-Istati Membri jżommu l-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi niġġiesa speċifiċi fl-arja, bħall-PM10, taħt ċerti valuri ta' limitu. Jekk jinqabżu dawn il-valuri ta' limitu, l-Istati Membri jridu jadottaw miżuri biex il-perjodu ta' qbiż jinżamm kemm jista' jkun qasir. Għalkemm l-Italja ħadet xi miżuri mis-sentenza — li nqatgħet fl-2022 — 'l hawn, 24 żona tal-kwalità tal-arja xorta rrappurtaw qbiż fil-valuri tal-limitu ta' kuljum u żona waħda rrappurtat qbiż fil-valuri tal-limitu annwali. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Johanna Bernsel – Tel.: +32 2 298 66 99; Ana Martinez Sanjurjo – Tel.: +32 2 296 30 66)

Ittra ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment rigward il-leġiżlazzjoni dwar ir-riproduzzjoni assistita medikament 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)4001) rigward ir-restrizzjonijiet tas-servizzi tar-riproduzzjoni assistita medikament għall-fornituri tal-Istat jew li huma kkontrollati mill-Istat biss. Minħabba l-emendi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-liċenzji kollha tal-operaturi privati barranin ġew itterminati. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-miżura tikser l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dwar il-libertà tal-istabbiliment. Ir-regoli Ungeriżi jirrestrinġu l-aċċess għall-proċeduri tar-riproduzzjoni assistita medikament minkejja li l-offerta ta' dawn is-servizzi kienet diġà konsiderevolment aktar baxxa milli fi Stati Membri oħra ta' daqs komparabbli. Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ma tidhirx li hija ġġustifikata minn xi kunsiderazzjoni ta' interess pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata. 

 

3. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Unjoni tas-Sigurtà

(Għal aktar informazzjoni: Anitta Hipper - Tel.: +32 229 85691; Fiorella Belciu – Tel.: +32 2 299 37 34; Elettra di Massa – Tel.: +32 2 298 21 61)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA, lill-PORTUGALL, lir-RUMANIJA, lis-SLOVENJA, lis-SLOVAKKJA, lill-IŻVEZJA u lill-FINLANDJA biex jittrasponu kif suppost u bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali  
Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra lil Spanja (INFR(2024)2004), lill-Portugall (INFR(2024)2006), lir-Rumanija(INFR(2024)2007), lis-Slovenja (INFR(2024)2009), lis-Slovakkja (INFR(2024)2010), lill-Iżvezja (INFR(2024)2008) u lill-Finlandja (INFR(2024)2005) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Ħaddiem Staġjonali (id-Direttiva 2014/36/UE). Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura regoli ġusti u trasparenti għall-ammissjoni ta' ħaddiema staġonali mhux tal-UE fl-UE, b'garanziji għal kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti, għal drittijiet ugwali, u għal biżżejjed ħarsien mill-isfruttament madwar l-UE kollha. L-iżgurar tal-ħarsien sħiħ tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali huwa prerekwiżit importanti biex l-UE tiġbed lejha l-ħaddiema meħtieġa għax-xogħol staġonali, u jista' jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis fil-migrazzjoni irregolari. Il-Kummissjoni qed timmonitorja t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali mill-Istati Membri.  Il-Kummissjoni nediet l-ewwel sett ta' ksur f'April 2023 billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju, lill-Bulgarija, lill-Ġermanja, lill-Estonja, lill-Greċja, lill-Italja, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Litwanja u lil-Lussemburgu rispettivament. Tnieda t-tieni sett ta' ksur f'Diċembru 2023 billi ntbagħtu ittri ta' intimazzjoni liċ-Ċekja, lil Franza, lill-Kroazja, lill-Ungerija, lil Malta, lin-Netherlands, lill-Awstrija u lill-Polonja. Il-Kummissjoni jidhrilha li Spanja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja ttrasponew u/jew implimentaw b'mod skorrett xi obbligi tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, lill-Portugall, lir-Rumanija, lis-Slovenja, lis-Slovakkja, lill-Iżvezja u lill-Finlandja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tibagħtilhom opinjoni motivata.    

Opinjonijiet motivati 

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lil ĊIPRU u lis-SLOVENJA biex jissodisfaw l-obbligi tar-Regolament dwar id-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online  
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR(2022)2113), lil Ċipru (INFR(2022)2114) u lis-Slovenja (INFR(2022)2132) talli naqsu milli jikkonformaw ma' ċerti obbligi tar-Regolament dwar id-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (TCO ir-Regolament (UE) 2021/784). Ir-Regolament TCO, li daħal fis-seħħ fis-7 ta' Ġunju 2022, jirrikjedi li l-kontenut terroristiku fl-UE jitneħħa mill-pjattaformi online fi żmien siegħa minn meta jirċievu ordni ta' tneħħija maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dan jgħin fil-ġlieda kontra t-tixrid ta' ideoloġiji estremisti online — li hija kruċjali għall-prevenzjoni tal-attakki u għall-indirizzar tar-radikalizzazzjoni — filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni nediet sett ta' ksur f'Jannar 2023 billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 22 Stat Membru. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Bulgarija, Ċipru u s-Slovenja naqsu milli jikkonformaw ma' obbligu wieħed jew aktar skont ir-Regolament TCO. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija, lil Ċipru u lis-Slovenja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa.  Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.    

 

4. Ġustizzja

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand – Tel.: +32 229 62253; Yuliya Matsyk – Tel.: +32 2 291 31 73; Jordis Ferolli – Tel.: +32 2 299 27 29; Cristina Torres Castillo – Tel.: +32 229 90679)

Ittri ta' intimazzjoni 

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u ta' komunikazzjoni mal-arrest 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2024)2003) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u ta' komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE).  Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura aċċess għas-servizzi ta' avukat mill-aktar stadji bikrija tal-proċedimenti għall-persuni soġġetti għal Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE), kif ukoll għall-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali. Tkompli tiżgura li dawk li jiġu mċaħħda mil-libertà jkunu jistgħu jinfurmaw lil persuni terzi — bħal min iħaddimhom jew il-membri tal-familja tagħhom — u lill-awtoritajiet konsulari, kif ukoll jikkomunikaw magħhom. Il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni nnotifikati mill-Bulgarija ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva. B'mod speċifiku, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kamp ta' applikazzjoni tas-salvagwardji proċedurali skont il-liġi Bulgara huwa ristrett wisq. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li hemm nuqqasijiet fil-liġi Bulgara fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dritt għal parteċipazzjoni effettiva minn avukat matul il-fażi tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-possibbiltajiet potenzjali ta' deroga mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat minħabba ħtiġijiet investigattivi jmorru lil hinn mil-limiti meħtieġa mid-Direttiva u li r-rekwiżit li d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew adult xieraq ieħor jiġi infurmat dwar iċ-ċaħda tal-libertà ta' tifel/tifla ma ġiex traspost b'mod korrett. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.  

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-dritt tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija  
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Bulgarija (INFR(2020)2321) talli ttrasponiet b'mod skorrett ir-regoli tal-UE dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI). L-għan tad-Deċiżjoni Qafas hu li tiżgura li manifestazzjonijiet serji ta' razziżmu u ta' ksenofobija, bħall-istigazzjoni pubblika għall-vjolenza jew għall-mibegħda, jiġu kkastigati b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi mal-Unjoni Ewropea kollha. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija fi Frar 2021. F'Lulju 2023, il-Bulgarija adottat liġi li temenda l-kodiċi kriminali li solviet parzjalment l-ilmenti li qajmet il-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li din l-emenda ma tikkonformax bis-sħiħ mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, li jirrikjedi li motivazzjonijiet razzisti u ksenofobiċi jkunu ċirkostanza aggravanti għar-reati kriminali kollha, jew biex jiġi żgurat li din il-motivazzjoni titqies meta jiġu ddeterminati l-pieni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.   

Ittri ta' intimazzjoni u opinjonijiet motivati 

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ĠERMANJA, lil SPANJA, lil-LATVJA u lis-SLOVENJA jikkonformaw mal-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew  
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ġermanja (INFR(2020)2361), lil-Latvja (INFR(2021)2239) u lis-Slovenja (INFR(2020)2313) u opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2021)2070) talli naqsu milli jikkonformaw mad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI). Il-mandat ta' arrest Ewropew (MAE) huwa proċedura ġudizzjarja transfruntiera simplifikata biex persuna rikjesta tiġi konsenjata għall-fini tal-prosekuzzjoni jew tal-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni. Il-MAE ilu operazzjonali mill-1 ta' Jannar 2004 u ħa post il-proċeduri twal għall-estradizzjoni li kienu jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja fi Frar 2021, lil Spanja f'Mejju 2021, lil-Latvja f'Diċembru 2021 u lis-Slovenja fi Frar 2022. Wara analiżi tat-tweġibiet tagħhom, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġermanja, il-Latvja u s-Slovenja naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjoni dwar ir-raġunijiet fakultattivi għaċ-ċaħda tal-eżekuzzjoni tal-MAE. Barra minn hekk, il-Ġermanja naqset milli tittrasponi d-dispożizzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-persuna rikjesta sakemm tittieħed id-deċiżjoni għall-eżekuzzjoni tal-MAE fir-rigward tal-possibbiltà tat-trasferiment temporanju tagħha. Spanja naqset milli tittrasponi bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar il-konsenja jew dwar l-estradizzjoni sussegwenti. Barra minn hekk, Spanja naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet obbligatorji u fakultattivi għaċ-ċaħda u dwar id-deċiżjonijiet meħuda wara proċess li fih il-persuna ma dehritx personalment. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ġermanja, lil-Latvja u lis-Slovenja, u opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja, lil-Latvja u lis-Slovenja u li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA, lill-ITALJA, lil ĊIPRU, lil-LUSSEMBURGU u lill-POLONJA biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal fil-proċedimenti kriminali  
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2023)2176), lill-Italja (INFR(2023)2090), lil-Lussemburgu (INFR(2024)2002) u lill-Polonja (INFR(2023)2127), u li toħroġ opinjoni motivata addizzjonali għal Ċipru (INFR(2019)0175) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali tagħhom id-Direttiva dwar is-salvagwardja proċedurali għal tfal li huma suspettati jew akkużati fil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva (UE) 2016/800). Din id-Direttiva hija parti mill-istrateġija komprensiva tal-UE biex jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-garanzija tad-dritt ta' proċess ġust u tad-drittijiettal-persuni suspettati jew akkużati fil-proċedimenti kriminali madwar l-UE kollha. Din tistabbilixxi regoli komuni dwar il-ħarsien tas-salvagwardji proċedurali għat-tfal bħad-dritt għal valutazzjoni individwali, għal trattament speċifiku f'każ ta' ċaħda tal-libertà (bħall-firda mid-detenuti adulti u l-aċċess għat-taħriġ u għall-edukazzjoni) u li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri matul il-proċedimenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Polonja naqset milli tittrasponi bis-sħiħ il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u ċerti rekwiżiti sostantivi, pereżempju, fir-rigward tad-dritt għal valutazzjoni individwali u tal-assistenza ta' avukat ipprovduta lit-tfal. Fil-każ tal-Italja, tal-Lussemburgu u ta' Spanja, ġew identifikati kwistjonijiet marbuta mal-kompletezza, pereżempju, fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni tat-tfal u tad-dritt għal eżami mediku. Ċipru rċieva l-ewwel opinjoni motivata f'Mejju 2020 talli naqas milli jikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva. Wara t-tweġiba ta' Ċipru, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri nnotifikati ma jissodisfawx ir-rekwiżit tad-Direttiva biex jiġi żgurat trattament speċifiku tat-tfal f'każ ta' ċaħda tal-libertà. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Spanja, lill-Italja, lil-Lussemburgu u lill-Polonja u opinjoni motivata addizzjonali lil Ċipru. Issa l-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja, lill-Italja, lil-Lussemburgu u lill-Polonja u li tressaq lil Ċipru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  

 

5. Enerġija u klima

(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661)

Opinjoni motivata

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ĠERMANJA tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Ġermanja (INFR(2021)0192) talli ma ttrasponietx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku, għat-tisħin u għat-tkessiħ, u għat-trasport fl-UE. Tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32 % ta' enerġija rinnovabbli u tinkludi miżuri biex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jkun kosteffettiv, u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u tistabbilixxi miri speċifiċi biex jiżdied is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ u tat-trasport sal-2030. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. Wara t-tnedija tal-proċedura ta' ksur f'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ġermanja f'Mejju 2022 talli ma ttrasponietx bis-sħiħ id-Direttiva, b'mod partikolari talli ma nnotifikatx tabella ta' korrelazzjoni kompluta jew dokument ta' spjegazzjoni komplut li fihom tispeċifika kif ittrasponiet kull dispożizzjoni tad-Direttiva. Wara l-ispjegazzjonijiet tal-Ġermanja, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali għaliex it-traspożizzjoni tad-Direttiva għadha mhix kompluta. Il-Ġermanja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

6. Mobbiltà uTrasport

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Deborah Almerge Rückert – Tel.: +32 2 298 79 86) 

Ittri ta' intimazzjoni 

Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVAKKJA biex tispezzjona l-mini tat-toroq fin-Network tat-Toroq TEN-T 
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja (INFR(2024)4000) talli naqset milli twettaq spezzjonijiet perjodiċi tal-mini tat-toroq fin-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Id-Direttiva 2004/54/KE tirrikjedi li l-mini fin-Network tat-Toroq TEN-T u l-karatteristiċi ta' sikurezza tagħhom jiġu spezzjonati regolarment, mill-inqas kull 6 snin, biex jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-funzjonalità permanenti tagħhom. Is-Slovakkja naqset milli tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex isiru dawn l-ispezzjonijiet, b'hekk esponiet lill-utenti tal-mini għal xi riskji. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata. 

Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali

Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għoti kompetittiv tal-kuntratti tat-trasport ferrovjarju pubbliku 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lin-Netherlands (INFR(2023)4011) talli naqsu milli japplikaw b'mod korrett ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq. L-introduzzjoni ta' kompetizzjoni regolata fis-suq ferrovjarju, f'konformità ma' dan ir-Regolament, hija essenzjali biex il-passiġġieri jiġu pprovduti b'servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos, filwaqt li jinżammu l-kompiti tas-servizz pubbliku. Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta' intimazzjoni għar-raġuni li n-Netherlands kienu ddeċidew li jagħtu l-kuntratt ta' konċessjoni għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri mill-2025 sal-2033 direttament lill-operatur preeżistenti Nederlandse Spoorwegen, filwaqt li kellhom jużaw proċedura kompetittiva ta' aġġudikazzjoni. Minkejja t-tħassib tal-Kummissjoni, il-kuntratt ingħata fil-21 ta' Diċembru 2023. Tħassib addizzjonali jikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku stabbiliti f'dak il-kuntratt. Skont ir-Regolament, l-obbligi ta' servizz pubbliku huma rekwiżiti imposti minn awtorità pubblika biex jiġi żgurat li operatur jassumi s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fl-interess ġenerali, minkejja li dawn is-servizzi mhumiex fl-interess kummerċjali tiegħu. Skont il-Kummissjoni, in-Netherlands ma analizzawx biżżejjed liema servizzi tat-trasport setgħu jiġu pprovduti mill-operaturi tas-suq bil-kundizzjonijiet kummerċjali u ta' aċċess miftuħ. Dan jikser l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. In-Netherlands issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni f'din l-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata. 

Opinjonijiet motivati 

Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA, lill-KROAZJA, lil ĊIPRU, lil-LUSSEMBURGU, lill-POLONJA u lis-SLOVENJA biex jittrasponu r-regoli tal-UE fuq l-użu tal-vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport tal-merkanzija bit-triq 
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2023)0213), lill-Kroazja (INFR(2023)0221), lil Ċipru (INFR(2023)0196), lil-Lussemburgu (INFR(2023)0229), lill-Polonja (INFR(2023)0236) u lis-Slovenja (INFR(2023)0246) talli naqsu milli jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull miżura nazzjonali biex jiġu trasposti r-regoli tal-UE fuq l-użu tal-vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport tal-merkanzija bit-triq (id-Direttiva (UE) 2022/738). Din id-Direttiva għandha l-għan li tgħin lill-kumpaniji jibbenefikaw mill-vantaġġi tal-użu tal-vetturi mikrija, pereżempju billi tippermetti l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru ieħor. Din il-possibbiltà tista', b'mod partikolari, tagħmilha eħfef biex il-kumpaniji jlaħħqu maż-żidiet fid-domanda staġjonali jew temporanja fuq perjodu ta' żmien qasir, jew biex ibiddlu l-vetturi difettużi jew bil-ħsara, filwaqt li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza meħtieġa u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għas-sewwieqa. L-Istati Membri kellhom jadottaw il-miżuri sas-6 ta' Awwissu 2023 biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil dawn l-Istati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA biex tittrasponi r-regoli tal-UE dwar il-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna 
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja (INFR(2022)2041) talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali (INFR(2022)0261) lis-Slovenja talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva (UE) 2021/1233, li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397, dwar il-miżuri tranżizzjonali għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-pajjiżi terzi għan-navigazzjoni interna. Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tal-persuni involuti fit-tħaddim ta' inġenju fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE, u għar-rikonoxximent ta' dawn il-kwalifiki fi Stati Membri oħra. Tistabbilixxi wkoll miżuri tranżizzjonali biex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati ta' kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta' abbord maħruġa qabel tmiem il-perjodu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva jibqgħu validi. Wara l-ittra ta' intimazzjoni li ntbagħtet lis-Slovenja fil-15 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda notifika mingħand is-Slovenja li turi li ttrasponiet bis-sħiħ id-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema għar-rikonoxximent tad-dokumenti tal-pajjiżi terzi, id-Direttiva (UE) 2021/1233 temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397. Is-Slovenja lanqas ma ttrasponiet din it-tieni Direttiva, minkejja l-ittra ta' intimazzjoni mibgħuta fl-24 ta' Marzu 2022. Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-Slovenja mhijiex kompletament konformi mad-Direttivi rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tieħu passi addizzjonali billi tibgħat żewġ opinjonijiet motivati lis-Slovenja li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
13 Marzu 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta