Il-qarrejja f’Malta issa għandhom għażla usa’ ta’ kotba Ewropej x’jaqraw, bis-saħħa ta’ lott kotba mis-27 Stat Membru tal-UE li żdiedu mal-Librerija tal-Awturi tal-UE għal Jum l-Awturi Ewropej.
Imwaqqfa biex tfakkar l-ewwel Jum l-Awturi Ewropej is-sena l-oħra, din il-kollezzjoni għandha l-għan li ġġib wħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ letteratura kontemporanja Ewropea lill-qarrejja f’Malta. Il-kotba ntgħażlu skont il-mertu u l-importanza tagħhom, u l-kollezzjoni fiha kotba li rebħu jew kienu fil-lista l-qasira għall-Premju tal-UE għal-Letteratura, il-Premju Nobel għal-Letteratura, il-Booker Prize u l-International Booker Prize.
“Il-kollezzjonijiet tal-libreriji tagħna kull sena jistgħanew naqra aktar sforz dan l-appuntament annwali u din is-sena investejna wkoll fl-istess titli f’format diġitali għall-membri ta’ Malta Libraries li jippreferu jaqraw eBooks fuq l-app tal-qari tagħna Libby,” saħqet Doreen Borg Zammit, id-Deputat Librar tan-Network ta’ Libreriji Pubbliċi fi ħdan Malta Libraries.
Sabiex il-qarrejja jintilfu fil-ktieb iżda ma jitilfux il-paġna li jkunu fuqha, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u Malta Libraries ħarġu markapaġna tal-okkażjoni, bil-kitba “Il-verità ma ssibhiex biss fir-realtà”.
“Ix-xogħlijiet letterarji kbar kapaċi jartikolaw u jwasslu veritajiet dwar il-ħajja u l-kundizzjoni umana permezz ta’ rakkonti fittizji, u huwa għalhekk li għażilna dan il-messaġġ għal Jum l-Awturi Ewropej,” qal David Schembri, l-Uffiċjal tal-Lingwa fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
“Ta’ min ninnutaw ukoll ir-rwol essenzjali tat-traduzzjoni, li mingħajrha ħafna minna ma jkunux jistgħu jaqraw il-kotba li nkitbu b’lingwi oħra Ewropej.”
Jum l-Awturi Ewropej ġie mfakkar għall-ewwel darba s-sena l-oħra, u huwa maħsub biex jgħin lin-nies, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, jiskopru (mill-ġdid) is-sbuħija tal-qari u d-diversità rikka tal-letteratura Ewropea b’mod partikolari.
Illum, 120 awtur minn madwar l-Ewropa se jkunu qed jaqsmu xogħolhom ma’ udjenzi żgħażagħ, inkluż tlieta fil-gżejjer Maltin: Joe Camilleri, Michael Cini, u Leanne Ellul. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari ġew koordinati mill-European Writers Council u l-membri lokali tagħhom, fil-każ ta’ Malta, l-Akkademja tal-Malti.
Jum l-Awturi Ewropej huwa inizjativa tal-linja kulturali tal-Programm Ewropa Kreattiva tal-UE, li tappoġġa l-letteratura u l-pubblikazzjoni. Il-linja tal-kultura ta’ Ewropa Kreattiva diġà tospita l-Premju tal-UE għal-Letteratura, tikkofinanzja xogħol ta’ traduzzjoni biex il-letteratura Ewropea ssir aktar aċċessibbli, u tgħaqqad l-udjenzi mal-letteratura Ewropea, għanijiet li huma kondiviżi minn Jum l-Awturi Ewropej ukoll.
Il-kotba huma disponibbli għall-membri kollha ta’ Malta Libraries. Biex tissieħeb, żur librerija pubblika jew applika online fuq maltalibraries.gov.mt
Għal aktar tagħrif dwar Jum l-Awturi Ewropej: https://culture.ec.europa.eu/cultural-and-creative-sectors/books-and-publishing/day-of-european-authors
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 25 Marzu 2024
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta