Illum il-Kummissjoni qed tipproponi politika ambizzjuża u sostenibbli dwar il-migrazzjoni legali. Bħala parti mill-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni stabbilit fil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Kummissjoni qed tipproponi inizjattivi legali, operazzjonali u ta' politika li se jkunu ta' benefiċċju għall-ekonomija tal-UE, isaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE u jtejbu l-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni fit-tul. Is-sett ta' proposti jinkludi wkoll azzjonijiet speċifiċi biex jiffaċilitaw lil minn qed jaħrab mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna jidħol fis-suq tax-xogħol tal-UE.
Fi kliem il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas: “Filwaqt li l-Istati Membri tagħna huma impenjati fil-ġestjoni tal-wasla ta' aktar minn ħames miljun persuna mill-Ukrajna, dan ma jipprekludix il-ħtieġa li jiġu stabbiliti s-sisien ta' approċċ sostenibbli u komuni għall-migrazzjoni tax-xogħol biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE fit-tul. Bl-inizjattivi tal-lum nirrikonoxxu li l-migrazzjoni legali għandha impatt pożittiv minn kull lat: il-migrazzjoni legali tagħti lil dawk li jixtiequ jemigraw opportunità biex itejbu ċ-ċirkostanzi tagħhom filwaqt li tipprovdi aktar ħaddiema tas-sengħa għall-pajjiżi ospitanti, li min-naħa tagħhom isaħħu l-ekonomija għal kulħadd.”
Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, qalet: “Kull sena, bejn żewġ miljuni u tliet miljun ċittadin minn pajjiżi mhux tal-UE jiġu fl-UE legalment, b'kuntrast ma' bejn 125 000 u 200 000 wasla irregolari. Il-migrazzjoni legali hija essenzjali għall-irkupru ekonomiku tagħna, għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika u għall-ħolqien ta' kanali sikuri lejn l-Ewropa, filwaqt li titnaqqas il-migrazzjoni irregolari. Bil-pakkett tal-lum, qed nissimplifikaw il-proċess tal-applikazzjoni għall-għajxien u x-xogħol fl-UE u qed intejbu d-drittijiet għar-residenti u għall-membri tal-familja tagħhom. Ninsab fiduċjuż li qed inwittu triq soda 'il quddiem biex nattiraw talent ġdid lejn l-UE għal-lum u għal għada.”
Qafas leġiżlattiv imsaħħaħ
Biex tipprovdi qafas aktar effettiv għal rotot legali lejn l-UE, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Permess Unikuu d-Direttiva dwar ir-Residenti fit-Tul.
- Proċedura simplifikata għall-permess uniku tax-xogħol u tar-residenza flimkien se tagħmel il-proċess aktar rapidu u aktar faċli għall-applikanti u l-impjegaturi. Dan se jippermetti lill-applikanti jippreżentaw applikazzjonijiet kemm minn pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll minn Stati Membri tal-UE u se jtejjeb ukoll is-salvagwardji għat-trattament ugwali u għall-protezzjoni mill-isfruttament tal-ħaddiema.
- Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Residenti fit-Tul se tagħmilha aktar faċli biex jinkiseb l-istatus ta' residenza fit-tul tal-UE billi tissimplifika l-kundizzjonijiet ta' ammissjoni, pereżempju billi tippermetti l-akkumilazzjoni ta' perjodi ta' residenza fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, ir-reviżjoni se ssaħħaħ id-drittijiet tar-residenti fit-tul u tal-membri tal-familja tagħhom, inkluż titjib fir-riunifikazzjoni tal-familji u mobilità eħfef intra-UE.
Tqabbil aħjar tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol
Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-kooperazzjoni operazzjonali fil-livell tal-UE bejn l-Istati Membri kif ukoll ma' pajjiżi sħab. Diġà saret ħidma avvanzata f'għadd ta' inizjattivi ewlenin biex jitqabblu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet tal-Istati Membri ma' ta' pajjiżi sħab. Wara t-tnedija tas-Sħubijiet ta' Talent f'Ġunju 2021, il-Kummissjoni issa qed tipproponi għadd ta' passi biex toperazzjonalizzahom bil-għan li jintlaħaq qbil dwar l-ewwel Sħubijiet ta' Talent sa tmiem l-2022.
Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi l-ewwel pjattaforma u għodda ta' tqabbil mal-UE kollha, ir-Riżerva ta' Talent tal-UE biex l-UE ssir aktar attraenti għal ċittadini mhux tal-UE li qed ifittxu opportunitajiet u tgħin lill-impjegaturi jsibu t-talent li jeħtieġu. Biex tindirizza l-ħtieġa urġenti li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal wasliet ġodda mill-Ukrajna, il-Kummissjoni qed tipproponi inizjattiva pilota li għandha tkun operattiva sas-sajf tal-2022.
Politika dwar il-migrazzjoni legali li tħares 'il quddiem
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tesplora aktar toroq potenzjali għall-migrazzjoni legali lejn l-UE fuq perjodu medju u twil. Il-Kummissjoni tara l-potenzjal li tiffoka fuq politiki li jħarsu 'l quddiem fi tliet oqsma ta' azzjoni: il-kura, iż-żgħażagħ u l-innovazzjoni. L-għan se jkun li:
- Jiġu attirati ħiliet u talent f'setturi fejn hemm nuqqas u ħtiġijiet ta' ħaddiema, pereżempju fis-settur tal-kura fit-tul;
- Jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jesploraw pajjiżi ġodda, biex jibbenefikaw mix-xogħol u mill-ivvjaġġar; u
- Il-promozzjoni tal-intraprenditorija fl-innovazzjoni fl-UE u l-investiment fis-sovranità teknoloġika Ewropea.
Sfond
Filwaqt li huma biss l-Istati Membri individwalment li jiddeċiedu dwar il-volumi ta' migranti legali li jixtiequ jaċċettaw, l-UE tista' tappoġġahom b'għodod prattiċi u operazzjonali. Matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, l-UE żviluppat qafas legali li jarmonizza fil-biċċa l-kbira l-kundizzjonijiet ta' dħul tal-Istati Membri u r-residenza għal ċittadini mhux tal-UE. Evalwazzjoni ta' dan il-qafas legali fl-2019 enfasizzat li jista' jsir aktar biex jiżdied l-impatt tal-qafas tal-migrazzjoni legali tal-UE fuq l-isfidi demografiċi u tal-migrazzjoni tal-UE. Wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa u wara żewġ riżoluzzjonijiet mill-Parlament Ewropew fl-2021, il-Kummissjoni ntalbet tippreżenta sett ta' proposti biex tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni legali lejn l-UE bil-għan li titnaqqas il-burokrazija, tissaħħaħ l-armonizzazzjoni, jiġu promossi d-drittijiet fundamentali u t-trattament ugwali, u jiġi evitat l-isfruttament tal-ħaddiema.
Għal aktar informazzjoni
Komunikazzjoni: Nattiraw il-Ħiliet u t-Talent lejn l-UE
Id-Direttiva dwar il-Permess Uniku Riveduta
Id-Direttiva dwar ir-Residenti fit-Tul
Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 27 April 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta