Il-Kummissjoni Ewropea ferħet lis-27 rebbieħ tal-kompetizzjoni tat-traduzzjoni tagħha, Juvenes Translatores.
Għal Malta, ir-rebbieħ huwa Nathan Anthony Pace mill-Junior College li, flimkien mal-parteċipant Litwan, ġab l-ogħla marka mill-Unjoni Ewropea kollha (39 minn 40) għal traduzzjoni mill-Ingliż għall-Malti.
Il-parteċipanti kellhom l-għażla li jittraduċu bejn kwalunkwe żewġ lingwi uffiċjali tal-UE. Mill-552 kombinazzjoni ta' lingwi possibbli, dawn it-tradutturi promettenti użaw 150, għadd tassew impressjonanti. Għal Malta u Għawdex, ħadu sehem sitt Sixth Forms b’total ta’ 27 student.
Irriżulta li t-tema magħżula għal din l-edizzjoni, “Ninnavigaw fi żminijiet ta' sfida — flimkien aħna aktar b'saħħitna” kienet riflessjoni preċiża tal-Ewropa tul is-sena li għaddiet.
Il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, Johannes Hahn, qal:
“Nixtieq nifraħ lill-istudenti li laqgħu l-isfida tat-traduzzjoni f'ċirkostanzi tant diffiċli. Nifraħ ukoll lill-għalliema tagħhom, li kienu ddeterminati li jorganizzaw il-kompetizzjoni waqt li kienu għaddejjin bit-tagħlim online. Dawn kollha wrew passjoni ta' veru għal-lingwi u l-multilingwiżmu.”
It-tradutturi tal-Kummissjoni għażlu 27 rebbieħ (wieħed għal kull pajjiż tal-UE) minn fost il-kważi 2 800 parteċipant mill-Ewropa kollha. Barra minn hekk, 248 student irċevew aċċenn speċjali għal traduzzjonijiet straordinarji. Anki f’dan il-każ, l-istudenti Maltin kienu fost l-aktar li ġabu dan ir-rikonoxximent speċjali għall-kwalità tat-traduzzjoni tagħhom.
L-aqwa tradutturi żgħażagħ minn kull pajjiż tal-UE se jiġu mistiedna għal ċerimonja ta' premjazzjoni online nhar il-Ġimgħa 2 ta' Lulju 2021. Ir-rebbieħa u l-għalliema tagħhom se jkunu jistgħu wkoll jiltaqgħu ma' traduttur professjonali mill-Kummissjoni Ewropea biex isiru jafu aktar dwar it-traduzzjoni u l-lingwi.
Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni ilu jorganizza l-kompetizzjoni Juvenes Translatores (“tradutturi żgħażagħ” bil-Latin) kull sena mill-2007. Tul is-snin, il-kompetizzjoni saret esperjenza li biddlet il-ħajja ta' ħafna mill-parteċipanti u r-rebbieħa. Uħud minnhom iddeċidew li jistudjaw it-traduzzjoni l-università, u wħud daħlu mal-Kummissjoni bħala apprendisti jew saħansitra tradutturi full-time.
Sfond
L-għan ta' Juvenes Translatores huwa li tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel, u biex tagħti togħma ta' x'inhi l-ħajja tat-traduttur liż-żgħażagħ. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-istudenti ta' 17-il sena fl-iskejjel (post)sekondarji, u ssir fl-istess ħin fl-iskejjel kollha li jkunu qegħdin jieħdu sehem madwar l-UE.
L-użu ta' diversi lingwi għall-komunikazzjoni – li naturalment jinkludi t-traduzzjoni – ilu parti integrali tal-UE sa mill-ħolqien tagħha. Dan ġie minqux fl-ewwel Regolament tal-UE li qatt ġie adottat, fl-1958. Minn dakinhar 'l hawn, l-għadd ta' ilsna uffiċjali tal-UE żdied minn 4 għal 24, hekk kif aktar pajjiżi ssieħbu.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Marzu 2021