Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Lulju: deċiżjonijiet ewlenin - Representation in Malta
Mur għall-kontenut ewlieni
Sit web uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Sit web uffiċjali tal-UE
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 Lulju 2025
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 57 min qari

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Lulju: deċiżjonijiet ewlenin

Justice

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji. Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qiegħda tagħlaq ukoll 64 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni m'għandhiex għalfejn tkompli bil-proċedura ta' ksur. L-attivitajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni u l-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE jistgħu jiġu segwiti permezz ta' mapep interattivi u graffs li jistgħu jiġu adattati. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ jew biex taċċessa l-bażi tad-data sħiħa tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, ir-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur huwa miftuħ għall-konsultazzjoni. U aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE tinsab f'dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet.

 

1. Ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Maciej Berestecki – Tel.: +32 2 296 64 83; Anna Gray – Tel.: + 32 2 298 08 73)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA u lill-ESTONJA biex jagħmlu l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom konformi mad-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2025)2107) u lill-Estonja (INFR(2025)2101) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss (id-Direttiva (UE) 2019/904). Id-Direttiva għandha l-għan li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem, kif ukoll li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Il-Ġermanja ma ttrasponietx b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss. Pereżempju, “il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet” mhumiex definiti, u mingħajr din id-definizzjoni mhuwiex ċar kif il-kostijiet li għandhom jitħallsu mill-produtturi jistgħu jiġu kkalkulati kif suppost. Barra minn hekk, hemm lakuna fir-rigward tad-derogi mid-dmir li jiġi żgurat il-ġbir separat u l-projbizzjoni tat-taħlit tal-iskart. Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-disponibbiltà ta' alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw u l-impatt tar-rimi bl-addoċċ. Fl-Estonja, il-kontroll tal-konformità żvela li l-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur ma jkoprux bis-sħiħ il-prodotti kollha tal-plastik li jintuża darba biss meħtieġa, u dan jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-Estonja ma tiddefinix b'mod komprensiv ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tas-sistemi ta' rapportar. Jidher ukoll li l-qafas fl-Estonja ma għandux miżuri adegwati biex jinforma lill-konsumaturi dwar l-alternattivi riutilizzabbli, is-sistemi għall-użu mill-ġdid, u l-opzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Ġermanja u lill-Estonja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA, lil FRANZA u lis-SLOVENJA biex jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2025)2106), lil Franza (INFR(2025)2105) u lis-Slovenja (INFR(2025)2104) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184), li tikkontribwixxi għat-titjib tar-reżiljenza tal-ilma fl-UE kollha u għall-ksib tal-ambizzjoni ta' tniġġis żero tal-UE.  Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb tipproteġi saħħet il-bniedem billi taġġorna l-istandards tal-kwalità tal-ilma, tindirizza s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib, bħall-interferenti endokrinali u l-mikroplastiċi, u tipprovdi ilma tal-vit aktar nadif. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sat-12 ta' Jannar 2023. Dawn it-tliet Stati Membri ma ttrasponewx id-direttiva korrettement. Fir-rigward ta' Franza, dan jikkonċerna l-valutazzjoni tar-riskju tas-sistemi ta' distribuzzjoni domestiċi, mal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma tax-xorb u mal-informazzjoni obbligatorja li għandha tiġi pprovduta lill-pubbliku. Fil-każ tal-Irlanda u tas-Slovenja, il-kwistjonijiet ta' traspożizzjoni jikkonċernaw l-aktar lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-miżuri (eż. restrizzjoni temporanja) li għandhom jittieħdu f'każ ta' periklu potenzjali għal saħħet il-bniedem mill-ilma tax-xorb, meta temporanjament ma jkunx konformi mal-istandards tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, lil Franza u lis-Slovenja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.

Il-Kummissjoni tappella lill-POLONJA biex tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha konformi mad-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'landfills
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2025)2065) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'landfills (id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'landfills kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/850). Id-Direttiva tistabbilixxi standards għal-landfills biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem, l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li l-iskart li jkun ġie ttrattat biss jintrema fil-landfills. Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'landfills tistabbilixxi mira biex ir-rimi tal-iskart muniċipali f'landfills jitnaqqas għal 10 % sal-2035; tipprojbixxi, mill-2030, li fil-landfills jintrema skart adattat għar-riċiklaġġ jew għal irkupru ieħor; u tistabbilixxi r-regoli dwar il-kalkolu tal-ilħuq tal-mira għat-tnaqqis tar-rimi ta' skart f'landfills. Il-Polonja ma stabbilietx regoli xierqa għall-kalkolu tar-rati tar-rimi ta' skart f'landfills. Barra minn hekk, xi standards għall-ħżin u l-aċċettazzjoni tal-merkurju metalliku u xi wħud mill-elementi tal-proċeduri ta' kontroll u ta' monitoraġġ għall-fażi tal-operat tal-landfills u għall-fażi ta' wara li jingħalqu ma ġewx trasposti b'mod korrett. Dawn in-nuqqasijiet se jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem, speċjalment f'postijiet fejn hemm il-landfills. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jaġġornaw il-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja (NAPCP, national air pollution control programmes) tagħhom għat-tnaqqis ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Kroazja (INFR(2025)2085), lil-Latvja (INFR(2025)2087), lill-Ungerija (INFR(2025)2086), lil Malta (INFR(2025)2088), lill-Portugall (INFR(2025)2089), u lis-Slovakkja (INFR(2025)2090) talli naqsu milli jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (id-“Direttiva NEC”). Id-Direttiva NEC tistabbilixxi l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal diversi inkwinanti atmosferiċi li għandhom jiġu ssodisfati minn kull Stat Membru mill-2020 u l-2029, u oħrajn aktar ambizzjużi għall-2030 'il quddiem. Id-Direttiva NEC tirrikjedi li l-Istati Membri jaġġornaw l-NAPCP tagħhom mill-inqas darba kull 4 snin. F'dawn il-programmi, l-Istati Membri jistabbilixxu kif ikunu beħsiebhom jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-politiki u l-miżuri fl-NAPCP iridu jiġu aġġornati aktar kmieni jekk l-inventarji jew il-projezzjonijiet nazzjonali tal-emissjonijiet juru nonkonformità jew riskju ta' nonkonformità. L-aġġornament tal-politiki u l-miżuri huwa essenzjali biex l-Istati Membri jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex il-Kummissjoni tivverifika l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità. Sal-lum, dawn l-Istati Membri għadhom ma ssottomettewx l-aġġornamenti meħtieġa lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil dawn is-sitt Stati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2023)2143) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE kif emendata bid-Direttiva 2018/851/UE) sal-iskadenza tat-traspożizzjoni tal-5 ta' Lulju 2020. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, tnaqqas l-impatti kumplessivi tal-użu tar-riżorsi u ttejjeb l-effiċjenza ta' tali użu. Id-Direttiva emendata tistabbilixxi miri vinkolanti għat-tħejjija ta' ċerti flussi ta' skart għar-riutilizzazzjoni u għar-riċiklaġġ, inkluż l-iskart muniċipali. Din tintroduċi wkoll ir-rekwiżiti biex l-Istati Membri jtejbu s-sistemi tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Il-Kummissjoni sabet li l-Bulgarija ma ttrasponietx b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva emendata, fosthom elementi li jikkonċernaw ir-rekwiżiti minimi ġenerali għall-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur kif ukoll ir-rekwiżiti speċifiċi dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart u t-taħlit taż-żjut għar-rimi. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija f'Novembru 2023. Il-Bulgarija impenjat ruħha li temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tiżgura konformità sħiħa mad-Direttiva, iżda sal-lum għadha ma għamlitx il-bidliet korrispondenti fil-leġiżlazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jittrasponi d-Direttiva dwar l-emissjonijiet projettati ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru (INFR(2025)0021) talli naqas milli jittrasponi d-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2024/299 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar il-metodoloġija għar-rappurtar tal-emissjonijiet projettati ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi. Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tistabbilixxi impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-Istati Membri fir-rigward ta' ħames inkwinanti atmosferiċi ewlenin, jiġifieri d-diossidu tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (Nox), il-komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC, non-methane volatile organic compounds), l-ammonijaka (NH3) u l-materja partikolata fina (PM2,5), u tirrikjedi li jiġu rrapportati lill-Kummissjoni. L-emenda għandha l-għan li tallinja r-rappurtar tal-projezzjonijiet tal-emissjonijiet mar-rekwiżiti internazzjonali skont il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE) dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru fit-30 ta' Jannar 2025. Ċipru rrikonoxxa l-ksur u wieġeb li kien qiegħed jindirizzah, madankollu, sal-lum id-Direttiva għadha ma ġietx trasposta. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Ċipru, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS biex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jipproteġu l-girwiel prim, li huwa għasfur tal-mergħat
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lin-Netherlands (INFR(2024)4014) talli naqsu milli jikkonformaw mad-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jżommu l-popolazzjonijiet tal-għasafar f'livell li jiżgura l-istatus favorevoli tagħhom billi jieħdu miżuri bħaż-żamma u r-restawr tal-ħabitat tagħhom, inkluż permezz ta' żoni ta' protezzjoni speċjali bħala parti min-network Natura 2000 tal-UE. Fin-Netherlands, ħafna speċijiet ta' għasafar tar-raba' ilhom jonqsu b'mod kostanti għal għexieren ta' snin, inkluż il-girwiel prim ikoniku li l-popolazzjonijiet tiegħu jsiru dejjem aktar vulnerabbli minħabba t-telf tal-ħabitats u l-prattiki agrikoli mhux sostenibbli. Fl-24 ta' Lulju 2024, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jipproteġu l-girwiel prim. Għalkemm l-awtoritajiet ipprovdew tweġiba li telenka sensiela ta' miżuri, sal-lum dawn għadhom ma ġewx implimentati fuq skala suffiċjenti biex jitreġġa' lura t-tnaqqis kontinwu tal-ispeċijiet billi jiġu adattati l-prattiki agrikoli ħalli t-tnissil jirnexxi żgur. Barra minn hekk, id-deżinjazzjoni ta' siti ġodda fejn l-għasfur inissel ħafna, għadha ma saritx. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lill-PORTUGALL biex jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar it-trattament tal-ilma mormi urban
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall (INFR(2024)2193) talli naqas milli jikkonforma mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-ilma mormi urban (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE). L-ilma mormi mhux trattat jista' jixħet is-saħħa tal-bniedem f'riskju, u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija u l-ilma kostali u tal-pjan. Id-Direttiva tipproteġi kemm il-kwalità tal-ilma kif ukoll saħħet il-bniedem billi tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi urban tagħhom għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 2,000 persuna jew aktar qabel jiġi skarikat fl-ambjent. Għalhekk, l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi tikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-ilma fl-UE kollha. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall f'Ottubru 2024. Minkejja xi progress f'diversi agglomerazzjonijiet, fl-agglomerazzjoni ta' Pereira do Campo l-Portugall għadu jonqos milli jiżgura li l-ilma mormi urban kollu jkun soġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti qabel jiġi skarikat. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Portugall, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Lea Zuber – Tel.: +32 2 295 62 98; Rüya Perincek – Tel.: +32 460 76 25 10)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA biex tiżgura l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2025)4018) talli kisret id-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern fil-kuntest tas-servizzi immobiljari. Il-liġi Irlandiża teħtieġ tiġdid frekwenti tal-awtorizzazzjonijiet (“liċenzji”) għall-fornituri ta' tali servizzi stabbiliti fl-Irlanda. Barra minn hekk, il-forniment transfruntier ta' servizzi immobiljari fuq bażi temporanja mingħajr stabbiliment fl-Irlanda huwa permess biss jekk l-Istat Membru tal-istabbiliment jirregola s-servizzi immobiljari kif tagħmel l-Irlanda — jiġifieri billi jirrikjedi awtorizzazzjoni u skema ta' protezzjoni tal-klijenti. Skont il-Kummissjoni, it-tiġdid frekwenti tal-awtorizzazzjonijiet imposti mill-Irlanda fuq il-fornituri tas-servizzi stabbiliti mhuwiex ġustifikat u huwa sproporzjonat. Il-Kummissjoni tqis ukoll l-awtorizzazzjoni u l-iskema ta' protezzjoni tal-klijenti meħtieġa fl-Istat Membru tal-istabbiliment bħala mhux ġustifikati u sproporzjonati. Dan jipprevjeni lill-fornituri tas-servizzi immobiljari milli jipprovdu dawn is-servizzi fl-Irlanda, jekk ikunu stabbiliti fi Stat Membru fejn ma jkunux jeżistu tali skemi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-POLONJA biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti u tiżgura li d-direttivi dwar l-akkwist pubbliku jiġu trasposti b'mod korrett
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2018)2276) skont l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2023. F'dik is-sentenza, il-Qorti sabet li l-Polonja kienet kisret l-obbligi tagħha skont id-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttiva 2014/24/UE) billi introduċiet eżenzjonijiet fid-dritt nazzjonali li mhumiex previsti fid-direttivi. Il-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku tal-UE tirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti joffru kuntratti pubbliċi 'l fuq minn ċertu limitu, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni. Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet tikkonċerna l-eżenzjonijiet għall-produzzjoni ta' dokumenti ta' sigurtà skont il-liġi Pollakka dwar l-akkwist pubbliku. Il-Qorti stabbiliet li l-Polonja kienet żiedet eżenzjonijiet fil-liġi nazzjonali Pollakka dwar l-akkwist li ma kinux konformi mar-regoli tal-UE, u għalhekk naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, skont l-Artikolu 260 tat-TFUE, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li terġa' tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, b'talba biex timponilha sanzjonijiet finanzjarji.

Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE meta taġġudika l-kuntratti ta' konċessjoni awtostradali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija (INFR(2024)4006) talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet meta taġġudika kuntratt għall-bini, l-operat u l-manteniment tan-network awtostradali tagħha. Ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttiva 2014/24/UE) u dwar il-kuntratti ta' konċessjoni (id-Direttiva 2014/23/UE) għandhom l-għan li jiggarantixxu t-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi u l-ftuħ tal-akkwist pubbliku u l-konċessjoni għall-kompetizzjoni. F'din l-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tqajjem diversi punti ta' tħassib. Jidhrilha li l-kuntratt ta' 35 sena tal-Ungerija għall-bini, l-operat u l-manutenzjoni tan-network awtostradali naqas milli jittrasferixxi livell suffiċjenti ta' riskju operazzjonali lill-konċessjonarju — karatteristika ewlenija li tiddistingwi konċessjoni minn kuntratt pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kuntratt seta' ġie kklassifikat bi żball bħala kuntratt ta' konċessjoni minflok kuntratt pubbliku, b'hekk inkisru l-prinċipji tat-trattament ugwali u tat-trasparenza. Barra minn hekk, jidher li l-modifiki tal-kuntratt jiksru wkoll l-obbligi skont ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Anke jekk il-kuntratt tqies bħala konċessjoni, skont il-Kummissjoni, id-durata tiegħu hija itwal mill-perjodu permess skont id-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tikkonforma mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2024)4027) għan-nonkonformità tal-Att Bulgaru dwar il-Gvern Elettroniku mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Id-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku tirrikjedi li l-kuntratti pubbliċi li jaqbżu limitu speċifiku jridu jiġu offruti f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni. Dan jiżgura kompetizzjoni ġusta u valur aħjar għal flus il-kontribwenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-att Bulgaru jikser dawn l-obbligi billi jassenja l-prestazzjoni tal-attivitajiet ta' integrazzjoni tas-sistema nazzjonali lil kumpanija waħda — “Information Services AD” — mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali aġġudikazzjoni diretta ta' kuntratt. Fuq il-bażi tal-Att Bulgaru dwar il-Gvern Elettroniku, mill-inqas 25 awtorità kontraenti fil-Bulgarija kkonkludew kuntratti għal servizzi ma' din il-kumpanija mingħajr proċedura ta' akkwist. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil SPANJA tirrispetta r-regoli dwar il-kuntratti ta' konċessjoni awtostradali
Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata li fiha titlob lil Spanja (INFR(2021)4052) tirrispetta r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, inkluż dwar il-kuntratti ta' konċessjoni. Spanja estendiet id-durata tal-konċessjonijiet tal-awtostradi AP-9 u AP-66, b'25 u 29 sena rispettivament, u sussegwentement biegħet iż-żewġ konċessjonarji mingħajr ma nediet proċeduri tal-offerti minn qabel u mingħajr ma ppubblikat avviż fil-livell tal-UE. Skont id-Direttiva 93/37/KEE (li kienet tapplika dak iż-żmien) u l-prinċipji tat-trattament ugwali u tat-trasparenza li huma l-bażi tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, tali estensjonijiet jikkostitwixxu modifiki sostanzjali li huma ekwivalenti għall-aġġudikazzjoni ta' kuntratti ta' konċessjoni ġodda, u għalhekk jeħtieġu proċedura kompetittiva tal-offerti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tiżgura l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2020)4006) talli imponiet regoli ristrettivi għall-avukati fir-rigward tar-reklamar li jiksru d-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE). L-objettiv tad-Direttiva dwar is-Servizzi huwa li jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tas-swieq tas-servizzi fl-Ewropa billi jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi, filwaqt li fl-istess ħin jiġu permessi salvagwardji nazzjonali, meta dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati għall-objettiv li jridu jilħqu. Restrizzjonijiet eċċessivi fuq ir-reklamar jipprevjenu lill-fornituri tas-servizzi milli jippromwovu s-servizzi tagħhom, u dan jaffettwa b'mod partikolari lill-entranti l-ġodda fis-suq. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-oqfsa legali u l-kodiċijiet ta' kondotta professjonali għall-avukati fil-Bulgarija effettivament jipprojbixxu r-reklamar, peress li l-avukati fil-Bulgarija jistgħu jaqsmu biss informazzjoni limitata, bħal pereżempju dwar il-lingwi mitkellma. Skont il-Kummissjoni, dan jirriżulta fi projbizzjoni fuq ir-reklamar min-naħa tal-avukati li tikser id-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kummissjoni kienet diġà qajmet din il-kwistjoni fir-“Rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali” tal-2021 u ħeġġet lill-Bulgarija tneħħi l-projbizzjonijiet totali kollha fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali għall-avukati. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiffoka l-azzjoni tagħha kontra ċ-ĊEKJA fuq ilment pendenti rigward in-nuqqas ta' traspożizzjoni korretta tar-regoli tal-UE dwar il-proporzjonalità tar-regolamenti professjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq liċ-Ċekja (INFR(2021)2201) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità (id-Direttiva (UE) 2018/958). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jivvalutaw jekk ir-regoli l-ġodda jew emendati li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjonijiet regolati humiex ġustifikati, meħtieġa u bbilanċjati. Il-Kummissjoni kienet sabet li l-liġi Ċeka ma kinitx tiżgura li l-miżuri rilevanti kollha, speċjalment minn korpi professjonali u emendi parlamentari, isirulhom valutazzjonijiet tal-proporzjonalità minn qabel, kif meħtieġ mid-Direttiva. Wara djalogu bejn l-awtoritajiet Ċeki u s-servizzi tal-Kummissjoni, iċ-Ċekja adottat miżura nazzjonali biex tiżgura li l-abbozzi tal-emendi parlamentari koperti mid-Direttiva jkunu soġġetti għal test tal-proporzjonalità, u dan wassal lill-Kummissjoni biex tillimita l-ambitu tat-tressiq quddiem il-Qorti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiffoka l-azzjoni tagħha kontra ċ-Ċekja talli naqset milli tiżgura li l-miżuri tal-korpi professjonali jkunu soġġetti għal valutazzjoni tal-proporzjonalità, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tressaq lil FRANZA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward ir-rekwiżiti tat-tikkettar għas-separazzjoni tal-iskart tagħha
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Franza (INFR(2022)4028) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba r-rekwiżiti tat-tikkettar għas-separazzjoni tal-iskart tagħha. Skont il-liġi Franċiża, fuq il-prodotti domestiċi koperti minn skema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur irid ikun hemm il-“logo Triman” u t-tikketti tas-separazzjoni “infotri”. Fin-nuqqas ta' regoli armonizzati tal-UE dwar l-istruzzjonijiet għall-konsumaturi dwar is-sortjar tal-iskart, ir-rekwiżiti ta' tikkettar speċifiċi nazzjonali f'dan il-qasam jirrappreżentaw ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Ir-rekwiżiti Franċiżi jistgħu jitqiesu wkoll sproporzjonati, peress li alternattivi xierqa oħra — inqas restrittivi għall-kummerċ bejn l-Istati Membri — huma disponibbli biex jinfurmaw lill-konsumaturi, sakemm tintlaħaq l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE. Skont il-Kummissjoni, Franza qed tikser ukoll l-obbligi ta' notifika fl-ambitu tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku (id-Direttiva (UE) 2015/1535) peress li l-miżura kkonċernata ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni. Il-Kummissjoni inizjalment kienet bagħtet ittra ta' intimazzjoni fi Frar 2023, segwita minn opinjoni motivata f'Novembru 2024. Peress li l-Kummissjoni jidhrilha li Franza għadha qed tikser ir-regoli tal-UE, iddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-istqarrija għall-istampa.

 

3. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Unjoni tas-Sigurtà

(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Elettra Di Massa – Tel.: +32 2 298 21 61)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-KROAZJA, lil-LUSSEMBURGU u lill-POLONJA biex jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar  
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Kroazja (INFR(2025)2097), lil-Lussemburgu (INFR(2025)2098) u lill-Polonja (INFR(2025)2099) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar (id-Direttiva (UE) 2021/555). Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar tistabbilixxi standards minimi komuni dwar l-akkwist, il-pussess u l-iskambju kummerċjali tal-armi tan-nar ċivili, pereżempju l-armi tan-nar użati għall-isparar sportiv u għall-kaċċa. Ir-regoli skont id-Direttiva jippermettu l-użu u l-moviment legali tal-armi tan-nar, tal-komponenti essenzjali u tal-munizzjon għall-użu ċivili fl-UE. Fl-istess ħin, id-Direttiva żżomm standards għoljin ta' sigurtà u ta' protezzjoni kontra l-atti kriminali u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Kroazja, lil-Lussemburgu u lill-Polonja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lill-ĠERMANJA, lill-GREĊJA, lil SPANJA, lil FRANZA, lil ĊIPRU, lil-LUSSEMBURGU, lil MALTA, lin-NETHERLANDS, lill-AWSTRIJA, lill-POLONJA, lill-FINLANDJA u lill-IŻVEZJA biex jittrasponu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR(2024)0258), lill-Ġermanja (INFR(2024)0264), lill-Greċja(INFR(2024)0269), lil Spanja (INFR(2024)0271), lil Franza (INFR(2024)0275), lil Ċipru (INFR(2024)0260), lil-Lussemburgu (INFR(2024)0283), lil Malta (INFR(2024)0287), lin-Netherlands (INFR(2024)0289), lill-Awstrija (INFR(2024)0255), lill-Polonja (INFR(2024)0291), lill-Finlandja (INFR(2024)0273) u lill-Iżvezja (INFR(2024)0297) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (id-Direttiva (UE) 2022/2557). L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi sas-17 ta' Ottubru 2024. Id-Direttiva tissostitwixxi u ssaħħaħ ir-regoli tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE dwar l-identifikazzjoni u d-deżinjazzjoni tal-infrastrutturi kritiċi Ewropej u l-valutazzjoni tal-ħtieġa li jittejjeb il-ħarsien tagħhom. Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-forniment tas-servizzi vitali għas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE f'setturi ewlenin bħall-enerġija, it-trasport, is-saħħa, l-ilma, il-banek u l-infrastruttura diġitali, billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi li jipprovdu dawn is-servizzi vitali kontra firxa ta' theddid, fosthom il-perikli naturali, l-attakki terroristiċi, it-theddid minn ġewwa u s-sabotaġġ. It-traspożizzjoni rapida tad-Direttiva hija essenzjali biex jintlaħaq dan l-objettiv komuni importanti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza, lil Ċipru, lil-Lussemburgu, lil Malta, lin-Netherlands, lill-Awstrija, lill-Polonja, lill-Finlandja u lill-Iżvezja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji.

 

4. Ġustizzja

(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Yuliya Matsyk - Tel.: +32 2 226 27 16)

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU biex jittrasponi r-regoli tal-UE dwar id-dokument provviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR(2025)0003) u INFR(2025)0008) talli naqas milli jittrasponi d-Direttiva li tistabbilixxi dokument provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE uniformi (id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997) u Direttiva Delegata ta' akkumpanjament (id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni  (UE) 2024/1986). Id-Direttiva tal-UE dwar id-dokument provviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE tipprevedi li l-Istati Membri joħorġu dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar tal-UE liċ-ċittadini tal-UE li jintilfulhom, jinsterqulhom jew jinqerdulhom il-passaporti meta jkunu barra minn pajjiżhom, b'hekk dawn ikunu jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiżi tal-oriġini jew tar-residenza tagħhom.  Id-Direttiva Delegata tintroduċi bidla teknika li tikkonċerna l-parti tad-dokument li tinqara minn magna wara l-iżviluppi fl-istandard rilevanti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization). Il-ħruġ ta' dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar huwa l-aktar tip komuni ta' protezzjoni konsulari pprovduta meta l-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna ma jkollux rappreżentanza konsulari fil-pajjiż terz fejn tkun tinsab. L-Istati Membri kellhom sad-9 ta' Diċembru 2024 biex jittrasponu ż-żewġ direttivi fid-dritt nazzjonali. L-Istati Membri kollha jridu jibdew joħorġu d-dokument provviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE uniformi fid-9 ta' Diċembru 2025. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju fil-31 ta' Jannar 2025 talli naqas milli jikkomunika l-miżuri meħtieġa. Peress li l-Belġju ma ħax il-miżuri meħtieġa biex jiżgura t-traspożizzjoni taż-żewġ direttivi, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lill-Belġju. Il-Belġju issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2023)2111) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u d-dritt għat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva (UE) 2010/64). Id-Direttiva hija waħda minn sitt direttivi tal-UE li joħolqu standards minimi komuni li jiżguraw li d-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni suspettati u akkużati fil-proċedimenti kriminali jiġu protetti b'mod suffiċjenti fl-UE kollha. Tiggarantixxi li l-persuni suspettati u akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali jingħataw interpretazzjoni u traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali. Fit-18 ta' Ottubru 2023, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija. Wara li analizzat it-tweġibiet tal-Bulgarija, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Bulgarija għadha qiegħda tonqos milli tittrasponi fid-dritt nazzjonali tagħha miżuri rigward id-dritt għall-interpretazzjoni, id-dritt għat-traduzzjoni bil-miktub ta' dokumenti essenzjali u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lis-SLOVAKKJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ttrasponiet b'mod skorrett ir-regoli dwar l-aċċess għas-servizzi ta' avukat u dwar il-komunikazzjoni mal-arrest
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lis-Slovakkja (INFR(/2023/)2008) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE). F'Ġunju 2023, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja. Wara li analizzat it-tweġibiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-Slovakkja naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u ċerti regoli li jippermettu derogi mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja f'Novembru 2023 u opinjoni motivata addizzjonali f'Lulju 2024, wara l-bidliet li s-Slovakkja għamlet fil-leġiżlazzjoni tagħha. Wara li analizzat it-tweġiba tas-Slovakkja, il-Kummissjoni kkonkludiet li filwaqt li aktar bidliet fil-leġiżlazzjoni Slovakka indirizzaw il-kwistjoni dwar id-derogi mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat, għad hemm tħassib fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tressaq lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa tagħna.

 

5. Enerġija u klima

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Cristiana Marchitelli – Tel: +32 2 298 94 07; Ana Crespo Parrondo – Tel.: +32 2 298 13 25)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lill-ESTONJA, lill-IRLANDA, lil SPANJA, lill-ITALJA, lil-LITWANJA, lill-AWSTRIJA, lis-SLOVAKKJA u lill-FINLANDJA biex jikkonformaw mar-Regolament dwar il-Metan
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2025)2115), lill-Estonja (INFR(2025)2114), lill-Irlanda (INFR(2025)2112), lil Spanja (INFR(2025)2118), lill-Italja (INFR(2025)2111), lil-Litwanja (INFR(2025)2110), lill-Awstrija (INFR(2025)2116), lis-Slovakkja (INFR(2025)2108) u lill-Finlandja (INFR(2025)2113) talli kisru r-Regolament (UE) 2024/1787 dwar il-Metan billi naqsu milli jaħtru, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni, awtorità kompetenti responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-applikazzjoni tar-regoli. Ir-Regolament tal-UE dwar il-Metan jindirizza l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Għandu l-għan li jtejjeb il-kejl u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan fl-UE, li jrawwem it-tnaqqis tagħhom, u li jżid it-trasparenza fl-UE u fil-livell dinji. Barra minn hekk, jinċentiva lis-sħab internazzjonali tal-UE biex ikejlu, jirrapportaw u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom sal-5 ta' Frar 2025. Il-Kummissjoni tinnota li l-Istati Membri inkwistjoni għadhom ma ssodisfawx dan l-obbligu. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, lill-Estonja, lill-Irlanda, lil Spanja, lill-Italja, lil-Litwanja, lill-Awstrija, lis-Slovakkja u lill-Finlandja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IRLANDA, lil-LATVJA u lill-PORTUGALL biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE li jħaffu l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Irlanda (INFR(2024)0231), lil-Latvja (INFR(2024)0237) u lill-Portugall (INFR(2024)0245) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli relatati mas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi. Id-Direttiva emendatorja (id-Direttiva (UE) 2023/2413 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001) daħlet fis-seħħ f'Novembru 2023, u ċerti dispożizzjonijiet kellhom jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali sal-1 ta' Lulju 2024. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi kemm għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għall-proġetti tal-infrastruttura li huma meħtieġa biex il-kapaċità addizzjonali tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku. Dawn jinkludu limiti ta' żmien ċari għall-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi li fil-mira tagħhom għandhom teknoloġiji jew tipi ta' proġetti speċifiċi, it-tisħiħ tar-rwol tal-punt uniku ta' kuntatt għall-applikazzjonijiet u l-preżunzjoni li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja relatata huma ta' interess pubbliku prevalenti. F'Settembru 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 26 Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Wara li eżaminat il-miżuri ta' traspożizzjoni nnotifikati mill-Irlanda, mil-Latvja u mill-Portugall, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tliet Stati Membri għadhom ma ttrasponewx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet relatati mas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjonijiet motivati lil dawn it-tliet Stati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ilestu t-traspożizzjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli kkontradiet il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-arbitraġġi intra-UE skont it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija (INFR(2024)2206) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f'kawża ta' ksur minħabba d-dikjarazzjoni unilaterali tagħha li tikkontradixxi deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-klawżola ta' arbitraġġ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Fis-sentenza Komstroy, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżola ta' arbitraġġ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mhijiex applikabbli għat-tilwim bejn Stat Membru u investitur minn Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru. L-Ungerija adottat dikjarazzjoni unilaterali li tgħid li s-sentenza Komstroy tapplika biss għal proċedimenti futuri ta' arbitraġġ intra-EU bejn l-investituri u l-Istat u li dan l-effett għall-futur se jibda biss ladarba jiġi emendat it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Il-Kummissjoni kienet bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Lulju 2024, segwita minn opinjoni motivata f'Marzu 2025. Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija qed tikser id-dmir ta' kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea minħabba li esprimiet b'mod miftuħ pożizzjoni unilaterali u differenti minn dik tal-UE. Bl-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tagħha, l-Ungerija kisret ukoll il-prinċipji ġenerali tal-awtonomija, tal-primazija, tal-effettività u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. L-Ungerija żammet il-pożizzjoni tagħha, għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

6. Tassazzjoni

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lil FRANZA u lil ĊIPRU biex jibdew jużaw is-sistemi doganali elettroniċi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2025)2060) u lil Ċipru (INFR(2025)2061) talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jibdew jużaw is-sistema għall-ħżin temporanju għat-trasport bl-ajru u s-sistema nazzjonali tal-importazzjoni, u — fil-każ ta' Franza — talli naqset milli tibda tuża s-sistema awtomatizzata tal-esportazzjoni. L-Istati Membri kellhom jibnu dawn is-sistemi u jagħmluhom operazzjonali, fosthom billi jiżguraw il-migrazzjoni sħiħa, sal-31 ta' Diċembru 2023, tas-sistemi tal-operaturi ekonomiċi rilevanti skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) (ir-Regolament (UE) Nru 952/2013) u l-Programm ta' Ħidma tal-KDU (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879). Is-sistema elettronika għall-ħżin temporanju tippermetti li d-dikjarazzjonijiet rilevanti jiġu ppreżentati b'mod elettroniku u hija fost il-passi kruċjali biex tiġi żgurata s-superviżjoni tal-oġġetti li jidħlu fl-UE. Ladarba dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu ppreżentati b'mod elettroniku, is-sistema nazzjonali tal-importazzjoni tiżgura li għall-oġġetti importati fl-UE jiġu applikati l-miżuri rilevanti kemm ta' natura fiskali kif ukoll ta' natura mhux fiskali. Peress li tipprovdi interkonnessjonijiet ma' diversi applikazzjonijiet nazzjonali oħra, is-sistema nazzjonali tal-importazzjoni taqdi rwol ċentrali fl-iżgurar, fost l-oħrajn, tal-ġbir effettiv tad-dħul u tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, kif ukoll l-infurzar tal-projbizzjonijiet/tar-restrizzjonijiet fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali b'rabta mal-importazzjoni tal-oġġetti. Is-sistema awtomatizzata tal-esportazzjoni għandha l-għan li tawtomatizza t-tlestija tal-proċeduri tal-esportazzjoni (inkluż l-esportazzjoni mill-ġdid) u l-formalitajiet tal-ħruġ li jkopru oqsma komuni, nazzjonali u esterni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza u lil Ċipru, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella liċ-ĊEKJA, lill-IRLANDA, lill-ITALJA, lil MALTA, lis-SLOVENJA u lis-SLOVAKKJA biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-trażmissjoni tad-data doganali tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni liċ-Ċekja (INFR(2025)2054), lill-Irlanda (INFR(2025)2055), lill-Italja (INFR(2025)2056), lil Malta (INFR(2025)2057), lis-Slovenja (INFR(2025)2059) u lis-Slovakkja (INFR(2025)2058) talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-trażmissjoni tad-data doganali. Skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) (ir-Regolament (UE) Nru 952/2013) u l-att ta' implimentazzjoni tiegħu (ir-Regolament (UE) 2015/2447), l-Istati Membri meħtieġa jittrażmettu data doganali speċifika permezz ta' SURV3, sistema diġitali mħaddma mill-UE aċċessibbli għall-awtoritajiet doganali nazzjonali. Is-sistema tal-IT SURV3 tiżgura l-ġbir u l-monitoraġġ tad-data doganali fl-Unjoni Ewropea kollha, b'hekk tiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali, il-ġestjoni effettiva tar-riskju, u l-konformità mal-miżuri tal-UE fil-fruntieri. Il-KDU u l-att ta' implimentazzjoni tiegħu jistipulaw li l-Istati Membri jridu jittrażmettu sett ta' 57 element standardizzat tad-data f'format speċifikat lis-sistema SURV3. Madankollu, minkejja l-iskadenzi biex jikkonformaw, l-Istati Membri fil-mira għadhom jużaw formati li ma għadhomx validi u jipprovdu settijiet tad-data iżgħar. Dan in-nuqqas ta' konformità jdgħajjef l-effikaċja u l-affidabbiltà tal-operazzjonijiet doganali tal-UE u l-oqsfa regolatorji li jsostnuhom. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni liċ-Ċekja, lill-Irlanda, lill-Italja, lil Malta, lis-Slovenja u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar ir-rati tal-VAT
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru (INFR(2025)2094) talli naqas milli jikkomunika t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar ir-rati tal-VAT (id-Direttiva (UE) 2022/542). L-Istati Membri kellhom sal-31 ta' Diċembru 2024 biex jittrasponu din id-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva dwar ir-rati tal-VAT tippermetti lill-Istati Membri jużaw aktar ir-rati mnaqqsa, inkluż l-użu ta' rati żero għall-prodotti essenzjali bħall-ikel, il-farmaċewtiċi u l-prodotti maħsuba għall-użu mediku. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex ittemm it-tassazzjoni diskriminatorja fuq l-introjtu ta' ċerti persuni li jaħdmu għal rashom li mhumiex residenti
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2025)4013) talli naqset milli tallinja r-reġim tat-taxxa b'rata unika tagħha (regime forfetario) għall-persuni fiżiċi li għandhom negozju, li huma involuti fl-arti jew li għandhom professjoni mal-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE u l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE). Filwaqt li dan ir-reġim tat-taxxa huwa applikabbli għall-kontribwenti residenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet predeterminati, il-kontribwenti li jirrisjedu fi Stati Membri oħra tal-UE/taż-ŻEE huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, sakemm mill-inqas 75 % tal-introjtu totali tagħhom ma jiġix mill-Italja. Għaldaqstant, ġeneralment ikunu soġġetti għar-reġim tat-taxxa fuq l-introjtu personali (“IRPEF”, Imposta sul Reddito delle Persone Fisiche), li jinvolvi obbligi ta' konformità aktar onerużi u rati tat-taxxa ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-pensjonanti mhux residenti fir-rigward tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà (“IMU”, Imposta Municipale Unica) u t-taxxa fuq l-iskart (“TARI”, Tassa sui Rifiuti) mad-dritt tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2025)4015) talli naqset milli tagħmel il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-vantaġġi tat-taxxa IMU/TARI għall-pensjonanti mhux residenti konformi mal-moviment liberu tal-persuni (l-Artikolu 21 tat-TFUE u l-Artikolu 28 taż-ŻEE), mal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikolu 28 taż-ŻEE), u mal-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE u l-Artikolu 31 taż-ŻEE). Il-leġiżlazzjoni Taljana tippreskrivi li l-pensjonanti mhux residenti jistgħu jibbenefikaw biss mill-vantaġġi tat-taxxa IMU/TARI bil-kundizzjoni li (i) jirrisjedu fil-pajjiż barrani li jħallsilhom il-pensjoni, u (ii) ikunu kkontribwew kemm għas-sistema tas-sigurtà soċjali Taljana kif ukoll għal sistema tas-sigurtà soċjali barranija li jkollha fis-seħħ ftehim internazzjonali mal-Italja, li taffettwa wkoll lill-pensjonanti mhux residenti li kkontribwew għas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Għalhekk huwa inqas attraenti għal tali pensjonanti mhux residenti li jakkwistaw u/jew iżommu proprjetà immobbli fl-Italja sempliċiment minħabba li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor tal-UE/taż-ŻEE jew matul il-karriera professjonali tagħhom kienu jaħdmu f'organizzazzjoni internazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU, lill-BULGARIJA, lill-GREĊJA, lil SPANJA u lir-RUMANIJA biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar ir-rati tal-VAT
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2025)0004), lill-Bulgarija (INFR(2025)0010), lill-Greċja (INFR(2025)0042), lil Spanja (INFR(2024)0048) u lir-Rumanija (INFR(2025)0098) talli naqsu milli jagħmlu d-drittijiet nazzjonali tagħhom konformi mad-dispożizzjonijiet obbligatorji tad-Direttiva 2022/542 dwar ir-rati tal-VAT. Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jużaw aktar ir-rati mnaqqsa, inkluż l-użu ta' rati żero għall-prodotti essenzjali bħall-ikel, il-farmaċewtiċi u l-prodotti maħsuba għall-użu mediku. Il-ħames Stati Membri msemmija hawn fuq naqsu milli jikkomunikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva, li kellha ssir sal-31 ta' Diċembru 2024. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Belġju, lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil Spanja u lir-Rumanija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lill-GREĊJA, lil SPANJA u lir-RUMANIJA biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-VAT għall-iskema speċjali tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2025)0009), lill-Greċja (INFR(2025)0041), lil Spanja (INFR(2024)0047) u lir-Rumanija (INFR(2025)0097) talli naqsu milli jagħmlu d-drittijiet nazzjonali tagħhom konformi mal-modifiki introdotti bid-Direttiva 2020/285 dwar l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar. Id-Direttiva tippermetti lill-intrapriżi ż-żgħar ibigħu oġġetti u servizzi mingħajr ma jimponu l-VAT u ttaffi l-obbligi ta' konformità mal-VAT tagħhom. Barra minn hekk, l-intrapriżi ż-żgħar stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li mhuwiex dak fejn il-VAT hija dovuta, jistgħu jeżentaw il-provvisti tagħhom mill-VAT kif jistgħu jagħmlu fl-Istat Membru rispettiv tagħhom l-intrapriżi ż-żgħar stabbiliti fit-territorju nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil Spanja u lir-Rumanija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS biex jagħmlu r-regoli tagħhom dwar it-tassazzjoni tal-fondi ta' investiment konformi mad-dritt tal-UE Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lin-Netherlands (INFR(2024)4017) talli naqsu milli jagħmlu l-iskema tagħhom ta' tnaqqis tal-imposta tat-taxxa (afdrachtvermindering) konformi mal-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-liġi Netherlandiża tipprevedi tnaqqis tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa mill-fondi ta' investiment fuq id-dividendi li jirċievu minn kumpaniji li fihom għandhom l-ishma. Dak it-tnaqqis jingħata minħabba t-taxxa dovuta fuq id-dividendi (u taxxi barranin simili). Għall-kuntrarju tal-fondi ta' investiment Netherlandiżi, il-fondi ta' investiment barranin ma jistgħux jikkumpensaw it-taxxa fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpaniji Netherlandiżi fuq id-dividendi li jiddistribwixxu lil fondi ta' investiment barranin u li dawn tal-aħħar sussegwentement jerġgħu jiddistribwixxu lill-investituri tagħhom stess. Għalhekk, l-iskema Netherlandiża tat-tnaqqis tal-imposta tat-taxxa twassal biex il-fondi ta' investiment barranin isibuha inqas attraenti li jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-investituri Netherlandiżi u li jinvestu f'ishma ta' kumpaniji residenti Netherlandiżi. Minħabba f'hekk tinħoloq differenza fit-trattament għad-detriment tal-fondi ta' investiment ta' Stati Membri oħra tal-UE u taż-ŻEE, allura jixxekkel l-investiment transfruntier fis-suq intern. Fit-tweġiba tagħhom għall-ittra ta' intimazzjoni tal-25 ta' Lulju 2024, l-awtoritajiet Netherlandiżi ma rrikonoxxewx l-eżistenza ta' restrizzjoni u qiesu l-miżura bħala ġġustifikata minn raġuni prevalenti ta' interess ġenerali. Għalhekk, huma jirrifjutaw li jemendaw il-leġiżlazzjoni Netherlandiża. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

 

7. Mobbiltà u Trasport

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Anna Wartberger – Tel.: +32 2 298 20 54)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex timplimenta b'mod korrett il-pedaġġ elettroniku
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2025)2091) talli naqset milli timplimenta b'mod korrett is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS, European Electronic Toll Service) (id-Direttiva (UE) 2019/520). In-nuqqas ta' traspożizzjoni korretta ta' din id-Direttiva huwa ostaklu għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' pedaġġ stradali elettroniku tal-Istati Membri u għall-infurzar transfruntier tal-obbligu li jitħallsu l-pedaġġi stradali fl-UE. Dan ifisser li s-sewwieqa jistgħu jkunu meħtieġa jkollhom aktar minn kuntratt ta' abbonament wieħed, aktar minn fornitur wieħed u unitajiet abbord addizzjonali biex isuqu lejn l-Ungerija jew fiha. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA, lil ĊIPRU u lill-PORTUGALL biex jikkonnettjaw man-network ta' infurzar ProDriveNet
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2024)2030), lil Ċipru (INFR(2025)2096) u lill-Portugall (INFR(2024)2032) talli naqsu milli jikkonnettjaw man-network ta' infurzar ProDriveNet kif meħtieġ mid-Direttiva (UE) 2022/2561. In-network ProDriveNet jiffaċilita l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward iċ-ċertifikati ta' kompetenza professjonali għas-sewwieqa tal-vetturi għall-ġarr tal-oġġetti u tal-passiġġieri. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk dawn iċ-ċertifikati nħarġux, għadhomx validi jew ġewx irtirati. L-operat effettiv tan-network jiddependi fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha. Madankollu, minkejja li ġie stabbilit fl-2021, hemm tliet Stati Membri li għadhom ma kkonnettjawx man-network, u dan jikkomprometti l-funzjonalità maħsuba tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, lil Ċipru u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU u lil-LUSSEMBURGU biex jittrasponu l-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Belġju (INFR(2023)0186) u opinjoni motivata lil-Lussemburgu (INFR(2023)0228), talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri kollha għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2021/1187 (id-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni għandha l-għan li tħaffef it-tlestija tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T, trans-European transport network) billi tissimplifika u tiċċara l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi u tal-akkwist. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha sal-10 ta' Awwissu 2023. Id-Direttiva għandha fil-mira tagħha l-proġetti ta' prijorità għolja tan-network ewlieni TEN-T, l-inizjattivi transfruntiera, u l-Kurituri Ewropej tat-Trasport b'baġits ta' 'l fuq minn €300 miljun. Biex dan jinkiseb, id-Direttiva tistabbilixxi erba' rekwiżiti ewlenin għall-Istati Membri: li jassenjaw awtorità deżinjata għal kull proġett, li jissimplifikaw il-proċeduri għall-għoti tal-permessi b'tali mod li ma jdumux aktar minn 4 snin biex jingħataw, li jagħmlu l-proċeduri trasparenti, u li jtejbu l-koordinazzjoni transfruntiera. Filwaqt li r-Reġjun Fjamming, ir-Reġjun ta' Brussell Kapitali, u r-Reġjun ta' Wallonia issa kollha ssottomettew miżuri ta' traspożizzjoni, il-miżuri adottati mhumiex suffiċjenti biex jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet kompluta tad-Direttiva. Il-Lussemburgu naqas milli jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha li ħa biex jittrasponi d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata addizzjonali lill-Belġju u opinjoni motivata lil-Lussemburgu, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil MALTA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma applikatx b'mod korrett id-dritt tal-UE fir-rigward tal-ħaddiema tal-portijiet 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta (INFR(2022)4020) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-trattati tal-UE fir-rigward tar-reġim għall-ħaddiema tal-portijiet tagħha. Ir-reġim Malti għall-ħaddiema tal-portijiet jinkludi sistema ta' kwoti u ta' awtorizzazzjoni għall-ħaddiema kollha tal-portijiet, bi skema preferenzjali għall-membri tal-familja tal-ħaddiema tal-portijiet attwali. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-qafas legali li jirregola x-xogħol fil-portijiet f'Malta fih diversi restrizzjonijiet biex dak li jkun jaċċessa l-professjoni ta' ħaddiem tal-port. Il-kumpaniji li jkollhom il-ħsieb iwettqu attivitajiet portwarji f'Malta huma meħtieġa jimpjegaw ħaddiema tal-portijiet minn Reġistru tal-Ħaddiema tal-Portijiet wieħed. Barra minn hekk, jekk ħaddiem tal-port jirtira, imut, jew jieqaf mix-xogħol b'ċertifikazzjoni ta' bord mediku, is-sostituzzjoni tiegħu trid tintgħażel prinċipalment mill-hekk imsejjaħ Reġistru tal-Ħaddiema tal-Portijiet Prospettivi, li huwa magħmul esklużivament mill-qraba tal-ħaddiema attivi tal-portijiet. Tali reġim, għalhekk, jillimita l-aċċess għall-professjoni ta' ħaddiem tal-port għal ċirku ristrett ħafna ta' nies, kemm jekk Maltin kif ukoll jekk ċittadini oħra tal-UE. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Malta f'Settembru 2022, segwita minn opinjoni motivata fit-3 ta' Ottubru 2024. Fit-tweġibiet tagħha, Malta kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li Malta qiegħda tikser dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tista' ssib aktar informazzjoni fl-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lin-NETHERLANDS quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-aġġudikazzjoni kompetittiva tal-kuntratti tat-trasport ferrovjarju pubbliku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lin-Netherlands (INFR(2023)4011) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli japplikaw b'mod korrett ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar it-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija. Il-kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju hija essenzjali biex il-passiġġieri jiġu pprovduti b'servizzi aktar attraenti u innovattivi b'kost aktar baxx, filwaqt li jinżammu l-kompiti tas-servizz pubbliku. In-Netherlands aġġudikaw il-kuntratt ta' konċessjoni għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri għall-perjodu 2025–2033 direttament lill-operatur preeżistenti Nederlandse Spoorwegen, filwaqt li abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kellhom jużaw proċedura ta' aġġudikazzjoni kompetittiva. Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward ta' kif ġie ddeterminat l-ambitu tal-obbligi ta' servizz pubbliku stabbiliti f'dak il-kuntratt. Jidhrilha li n-Netherlands kisru r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għax ma analizzawx jekk kienx hemm servizzi tat-trasport inklużi fil-kuntratt ta' konċessjoni l-ġdid li setgħu jiġu pprovduti mill-operaturi tas-suq b'kundizzjonijiet kummerċjali u ta' aċċess miftuħ, u mingħajr obbligi ta' servizz pubbliku u kumpens. Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni, segwita minn ittra addizzjonali fit-13 ta' Marzu 2024 u minn opinjoni motivata fit-12 ta' Frar 2025. Minkejja l-kuntatti estensivi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Netherlandiżi mill-2020 'l hawn, in-Netherlands ma aġġustawx dan il-kuntratt ta' konċessjoni u l-ambitu tiegħu b'tali mod li seta' jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tressaq lin-Netherlands quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tista' ssib aktar informazzjoni fl-istqarrija għall-istampa.  

 

8. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Olof Gill - Tel.: +32 2 296 59 66; Marta Perez-Cejuela Romero Tel.: +32 2 296 37 70)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA biex tikkonforma mar-regolamenti bankarji tal-UE u mal-libertajiet fundamentali tas-suq uniku  
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2025)2121) talli naqset milli tikkonforma mar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013), mad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (id-Direttiva 2013/36/UE), kif ukoll mal-Artikoli 49 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti dispożizzjonijiet fil-liġi bankarja Spanjola u fil-liġi tal-kompetizzjoni Spanjola, li jagħtu lill-gvern Spanjol setgħat, bla ebda restrizzjoni, li jintervjeni f'fużjonijiet u akkwisti tal-banek, jinterferixxu mal-kompetenzi esklużivi tal-Bank Ċentrali Ewropew u tas-superviżuri nazzjonali skont ir-regolamenti bankarji tal-UE. Jidhrilha wkoll li dawk is-setgħat diskrezzjonali wiesgħa jikkostitwixxu restrizzjonijiet mhux iġġustifikati għal-libertà tal-istabbiliment u għall-moviment tal-kapital. Il-konsolidazzjonijiet fis-settur bankarju huma ta' benefiċċju għall-ekonomija kollha tal-UE u huma essenzjali għall-kisba tal-unjoni bankarja. Dawn il-fużjonijiet jiżguraw ukoll li l-kapital jiġi allokat b'mod effiċjenti madwar l-UE kollha u li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għal prodotti finanzjarji bi prezzijiet kompetittivi — objettiv ewlieni tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.  

Il-Kummissjoni tappella liċ-ĊEKJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċediment ta' ksur kontra ċ-Ċekja (INFR(2025)4017) minħabba n-nonkonformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tad-ditti tal-investiment li jipprovdu servizzi transfruntiera fl-UE (id-Direttiva 2014/65/UE). Din id-Direttiva tiggarantixxi lid-ditti tal-investiment awtorizzati fl-Istati Membri domiċiljari tagħhom — fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħhom — il-libertà li jipprovdu servizzi ta' investiment madwar l-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni identifikat li din id-dispożizzjoni ewlenija ġiet trasposta b'mod skorrett fid-dritt nazzjonali. Skont il-leġiżlazzjoni Ċeka, jekk id-ditti tal-investiment ikollhom ix-xewqa li jwettqu l-attività tagħhom fiċ-Ċekja fuq bażi kontinwa, huma meħtieġa jistabbilixxu fergħa fit-territorju Ċek. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija pedament tas-suq uniku għas-servizzi tal-investiment, u tippermetti lid-ditti tal-investiment jipprovdu s-servizzi tagħhom lil investituri minn Stati Membri oħra tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.  

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jittrasponu l-emendi tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u jlestu l-implimentazzjoni ta' miżuri oħra introdotti mir-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi 
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2025)2076), lil Spanja (INFR(2025)2079), lill-Polonja (INFR(2025)2081) u lill-Portugall (INFR(2025)2082) talli naqsu milli jittrasponu l-emendi tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD, Anti-Money Laundering Directive) (id-Direttiva (UE) 2015/849) introdotti mir-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi (ir-Regolament (UE) 2023/1113) u talli naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tar-Regolament. Ir-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi jissostitwixxi u jwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament preċedenti dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (ir-Regolament (UE) 2015/847) u jemenda r-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus sabiex jintroduċi rekwiżiti ġodda dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti tal-kriptoassi. L-objettiv huwa li jiġi evitat aħjar il-ħasil tal-flus permezz tal-użu ħażin tal-kriptoassi. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-oqfsa legali nazzjonali jipprevedu r-regoli meħtieġa dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi f'każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament. L-erba' Stati Membri naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni tal-emendi tar-raba' AMLD u għadhom ma lestewx l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra sal-iskadenza tat-30 ta' Diċembru 2024. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju, lil Spanja, lill-Polonja u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti mingħand dawn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.  

Opinjonijiet motivati 

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jinnotifikaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva rigward l-aġġustamenti tal-kriterji tad-daqs għall-intrapriżi jew il-gruppi mikro, żgħar, ta' daqs medju u kbar 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata liċ-Ċekja (INFR(2025)0027), lil Spanja (INFR(2025)0050), lil Malta (INFR(2025)0077) u lill-Portugall (INFR(2025)0094) talli naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva Delegata li temenda d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà li taġġusta l-kriterji tad-daqs għall-intrapriżi jew il-gruppi mikro, żgħar, ta' daqs medju u kbar għall-inflazzjoni (id-Direttiva (UE) 2023/2775). L-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-miżuri ta' din id-Direttiva jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali u jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-24 ta' Diċembru 2024. Din id-Direttiva għandha l-għan li żżid il-kriterji tad-daqs monetarju fid-Direttiva dwar il-Kontabbiltà ħalli tiġi ddeterminata l-kategorija tad-daqs ta' kumpanija biex taġġusta għall-impatt tal-inflazzjoni mill-2013. Dan jiżgura li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju ma jkunux qegħdin jiġu soġġetti għal dispożizzjonijiet mhux dovuti tal-UE rigward ir-rapportar dwar il-finanzi u s-sostenibbiltà applikabbli għal kumpaniji akbar, u huwa kruċjali biex ikompli jitnaqqas il-piż amministrattiv. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lill-erba' Stati Membri kkonċernati, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli 
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2025)0007), lill-Bulgarija (INFR(2025)0015), lill-Ġermanja (INFR(2025)0031), lill-Estonja (INFR(2025)0039), lil Spanja (INFR(2025)0051), lill-Italja (INFR(2025)0061), lill-Awstrija (INFR(2025)0002), lill-Polonja (INFR(2025)0088) u lill-Iżvezja (INFR(2025)0102) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva Daisy Chains II (id-Direttiva (UE) 2024/1174). L-Istati Membri kellhom sat-13 ta' Novembru 2024 biex jittrasponuha fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva Daisy Chains II temenda d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (id-Direttiva 2014/59/UE) bl-għan li tintroduċi l-proporzjonalità fl-applikazzjoni tar-riżerva tad-dejn li għandha tinżamm mill-banek u mid-ditti tal-investiment sabiex ikunu jistgħu jassorbu t-telf u jiġu rikapitalizzati f'riżoluzzjoni (l-hekk imsejħa “rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli” jew “MREL”(minimum requirements for own funds and eligible liabilities)). B'mod aktar speċifiku, id-Direttiva Daisy Chains II tintroduċi l-kunċett ta' “entitajiet ta' likwidazzjoni” u tipprevedi li, bħala regola, dawk ma għandhomx ikunu soġġetti għall-MREL, sakemm l-awtorità ta' riżoluzzjoni ma tiddeċidix mod ieħor fuq bażi ta' każ b'każ. L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni hija kruċjali biex tittejjeb ir-riżolvibbiltà tal-banek u biex jiġu evitati kwistjonijiet ta' kundizzjonijiet ekwi bejn l-istrutturi differenti tal-gruppi bankarji. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Belġju, lill-Bulgarija, lill-Ġermanja, lill-Estonja, lil Spanja, lill-Italja, lill-Awstrija, lill-Polonja u lill-Iżvezja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponi sanzjonijiet finanzjarji. 

 

9. Kontra l-frodi

(Għal aktar informazzjoni: Balazs Ujvari - Tel.: +32 229-54578; Isabel Otero Banderas – Tel.: +32 229-66925)

Il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA biex tinnotifika lill-Kummissjoni bl-awtorità kompetenti rilevanti għall-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u r-rekords tat-tranżazzjonijiet bankarji
l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2025)2071) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligu tagħha skont id-dritt tal-Unjoni stabbilit mill-Artikolu 7(3a) tar-Regolament OLAF (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013). Ir-Regolament OLAF jirregola l-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF, European Anti-Fraud Office) biex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni Ewropea. Fl-2020, ir-Regolament OLAF ġie emendat biex jintroduċi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi ċċarat id-dmir tal-Istati Membri li jassistu lill-OLAF billi jittrażmettu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u rekords tat-tranżazzjonijiet bankarji. L-informazzjoni dwar id-detenturi tal-kontijiet bankarji u dwar il-fluss tal-flus hija kruċjali biex l-OLAF jinvestiga b'mod effettiv il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti ilhom fis-seħħ minn Jannar 2021, madankollu l-Irlanda ma nnotifikatx lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tipprovdi lill-OLAF informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u rekords tat-tranżazzjonijiet bankarji. Għalhekk, l-OLAF ma jista' jindirizza l-ebda talba għal tali informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Lulju 2025
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta