Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet15 Lulju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta48 min qari

Pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Lulju: deċiżjonijiet ewlenin

EU Flag

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 103 każijiet peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli l-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-Mistoqsijiet u Tweġibiet sħaħ. Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel. +32 229 53156, Daniela Stoycheva – Tel.: +32 229 53664)

Ittri ta' intimazzjoni

Kwalità tal-arja: il-Kummissjoni tappella lill-FINLANDJA u lill-IRLANDA biex jittrasponu b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja 

Il-Kummissjoni qed tappella lill-Finlandja (INFR(2022)2029) u lill-Irlanda (INFR(2022)2053) biex tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala ambizzjoni t-Tniġġis Żero jagħmel enfasi fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja li huwa fost il-fatturi ewlenin li jaffettwaw saħħet il-bniedem. L-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-arja mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE hija essenzjali biex tipproteġi b'mod effettiv saħħet il-bniedem u biex tissalvagwardja l-ambjent naturali. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1480, tistabbilixxi miżuri mmirati biex jiddefinixxu u jistabbilixxu objettivi għall-kwalità tal-arja fl-ambjent. Dawn jinkludu l-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-ambjent fl-Istati Membri, il-kisba ta' informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent, l-iżgurar li l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent tkun disponibbli għall-pubbliku, iż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-arja, kif ukoll il-promozzjoni ta' aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Il-Finlandja u l-Irlanda ma ttrasponewx b'mod korrett ċerti rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja, pereżempju fir-rigward tal-punti ta' kampjunar, l-objettivi tal-kwalità tad-data, u l-għoti ta' informazzjoni pubblika. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Finlandja u lill-Irlanda, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet imqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Ilma urban mormi: il-Kummissjoni tappella lill-PORTUGALL biex jikkonforma mar-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni qed tappella lill-Portugall (INFR(2022)2028) biex jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (91/271/KEE). Skont id-Direttiva, il-bliet u l-irħula huma meħtieġa jistabbilixxu l-infrastruttura neċessarja sabiex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. L-ilma mormi mhux trattat u mhux miġbur jista' jqiegħed saħħet il-bniedem fil-periklu, u jista' jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija u l-ilma kostali u ta' taħt l-art. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala ambizzjoni t-Tniġġis Żero, jappella biex it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta' ħsara għal saħħet il-bniedem u għall-ekosistemi naturali, u b'hekk jinħoloq ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi u tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva. Fil-Portugall, mill-inqas agglomerazzjoni waħda ma għandhiex sistema ta' ġbir u 62 agglomerazzjoni ma jissodisfawx l-istandards ta' trattament stabbiliti mid-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall, li għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet imqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Sustanzi kimiċi: il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tittrasponi b'mod korrett il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-annimali li jintużaw fil-laboratorju 

Il-Kummissjoni qed tappella lill-Bulgarija (INFR(2022)2049) biex tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-Direttiva dwar l-annimali li jintużaw fil-laboratorju (2010/63/UE). Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-annimali użati għal skopijiet xjentifiċi jew edukattivi. Il-Bulgarija ma ttrasponietx b'mod korrett ċerti rekwiżiti tad-Direttiva li jikkonċernaw, pereżempju, il-metodi tal-qtil, l-użu mill-ġdid fil-proċeduri, id-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġetti u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet imqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Emissjonijiet industrijali: il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex ittejjeb ir-regoli nazzjonali tagħha

Il-Kummissjoni qed tappella lil Franza (INFR(2022)2057) biex tallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED – 2010/75/UE). Id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jipprevjenu u jnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fuq l-art u li jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni ambjentali. L-installazzjonijiet kollha koperti mid-Direttiva jridu joperaw bil-permess u jridu jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija għal livelli li ma jitqisux ta' ħsara għal saħħet il-bniedem u għall-ekosistemi naturali, kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-ambizzjoni tiegħu ta' Tniġġis Żero. Il-leġiżlazzjoni Franċiża, skont l-hekk imsejjaħ droit d'antériorité (“prinċipju ta' anterjorità”, jew “prinċipju tad-drittijiet akkwiżiti”), teżenta skont ċerti kundizzjonijiet xi installazzjonijiet milli jkollhom bżonn ta' permess. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-ittra u biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Ittri ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE

Ġestjoni tal-ilma u protezzjoni tan-natura: il-Kummissjoni tappella lil SPANJA biex tikkonforma ma' sentenza tal-Qorti rigward id-deterjorament tal-Park Nazzjonali Doñana

Il-Kummissjoni qed tappella lil Spanja (INFR(2014)2090) biex timplimenta malajr u b'mod effettiv is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar l-artijiet mistagħdra ta' Doñana (il-Kawża C-559/19). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkonfermat li Spanja naqset milli tiżgura ġestjoni sostenibbli tal-korpi tal-ilma ta' taħt l-art li jfornu l-artijiet mistagħdra ta' Doñana kif meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE). Barra minn hekk, Spanja naqset milli tieħu passi adegwati skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (1992/43/KEE)biex twaqqaf id-deterjorament sussegwenti tal-ħabitats naturali protetti f'diversi siti ta' Natura 2000 magħżula mill-awtoritajiet Spanjoli madwar u fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Doñana. Id-Deċiżjoni tal-Qorti hija konsistenti mal-impenn qawwi tal-Kummissjoni li tissalvagwardja l-valuri naturali eċċezzjonali ta' Doñana għall-ġenerazzjonijiet futuri tal-Ewropej. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversitàgħall-2030 jindikaw li huwa kruċjali għall-UE li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità billi tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità. Wara skambji ta' ittri mal-awtoritajiet Spanjoli u fid-dawl tal-informazzjoni xjentifika disponibbli dwar il-kwistjonijiet involuti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri stabbiliti minn Spanja s'issa mhumiex biżżejjed biex jintemm il-ksur kif iddikjarat mill-Qorti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni, skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE. Spanja issa għandha xahrejn biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni. Wara li teżamina dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' terġa' tressaq il-każ quddiem il-Qorti kif previst fl-Artikolu 260(2) tat-TFUE u titlob li jiġu imposti penali finanzjarji fuq Spanja.

Ittra ta' intimazzjoni u opinjonijiet motivati

Protezzjoni tan-natura u s-sajd: il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA, lil FRANZA u lil SPANJA biex jipprevjenu l-qbid aċċessorju ta' delfini komuni u ta' speċijiet protetti oħra 

Il-Kummissjoni qed tappella lill-Bulgarija (INFR(2022)2052), lil Franza (INFR(2020)4036) u lil Spanja (INFR(2020)4039) biex jimplimentaw il-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE) u skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd biex jevitaw qabdiet aċċessorji ta' speċijiet protetti minn bastimenti tas-sajd. Meħtieġa azzjoni urġenti biex ikun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni u biex tkun żgurata l-konsistenza mal-impenji meħuda skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 biex jitnaqqas il-qbid aċċessorju ta' speċijiet protetti. Miżuri ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni għal speċijiet bħad-denfil iswed, id-denfil komuni u d-denfil b'geddumu qasir, il-fekruna tal-baħar, il-foka griża u l-għasafar tal-baħar huma meħtieġa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u fis-siti ta' Natura 2000 magħżula għall-protezzjoni tagħhom. Jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' protezzjoni stretta u jipprojbixxu, b'mod partikolari, il-qbid jew il-qtil intenzjonat u t-tfixkil tal-ispeċijiet. Jeħtiġilhom ukoll jimmonitorjaw il-qbid aċċessorju u jiżguraw li dan ma jkollux impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet ikkonċernati. Il-Bulgarija ma ħaditx miżuri biex tevita t-tfixkil tad-dniefel u tad-dniefel suwed fis-siti ta' Natura 2000, kif ukoll naqset milli timmonitorja kif suppost il-qbid aċċessorju ta' dawn l-ispeċijiet protetti fil-Baħar l-Iswed. Il-pajjiż naqas ukoll milli jittrasponi b'mod korrett l-obbligu għall-monitoraġġ tal-qabdiet aċċessorji kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Bħala parti mill-azzjonijiet ta' dan il-pajjiż skont l-Istrateġija għall-Bijodiversità biex jindirizza l-kwistjoni tal-qabdiet aċċessorji, il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet imqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. Franza u Spanja ma ħadux azzjoni suffiċjenti biex itejbu s-sorveljanza tal-istatus ta' konservazzjoni ta' diversi speċijiet u biex jimmonitorjaw il-qabdiet aċċessorji fl-ilmijiet tagħhom jew mill-flotot tagħhom. Barra minn hekk, ma ħadux il-passi meħtieġa biex jevitaw it-tfixkil u l-qtil ta' speċijiet tal-baħar fis-siti ta' Natura 2000. Franza għadha ma ttrasponietx bis-sħiħ l-obbligi tad-Direttiva dwar il-Ħabitats relatati mal-istabbiliment ta' sistema li timmonitorja l-qbid aċċessorju u li tieħu l-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa. Miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni huma meħtieġa wkoll skont il-Politika Komuni tas-Sajd bir-“Regolament dwar il-miżuri tekniċi” (ir-Regolament (UE) 2019/1241). Franza u Spanjai ma ħadux il-miżuri neċessarji rakkomandati mix-xjenza biex inaqqsu l-qabdiet aċċessorji, bħall-għeluq ta' ħin u ta' żoni għall-attivitajiet tas-sajd. Naqsu wkoll milli jiżguraw kontroll u spezzjoni effettivi. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Franza u lil Spanja f'Lulju 2020. Madankollu, minn dak iż-żmien huma ma ħadux il-miżuri neċessarji biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata liż-żewġ pajjiżi. Franza u Spanja issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Opinjonijiet motivati

Ilma: il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tapplika r-regoli tal-UE dwar l-ilma tax-xorb

Il-Kummissjoni qed tappella lill-Ungerija (INFR(2016)2047) biex tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (98/83/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikun tajjeb għas-saħħa u nadif. Skont ir-regoli tal-UE, l-ilma tax-xorb għandu jkun ħieles minn mikroorganiżmi u parassiti, u minn sustanzi li jistgħu jkunu ta' periklu potenzjali għal saħħet il-bniedem. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu bħala ambizzjoni, UE bi tniġġis żero, biex minn dan jibbenefikaw is-saħħa pubblika, l-ambjent u n-newtralità klimatika. Il-valuri parametriċi għall-boron, għall-fluworur, għan-nitrit u għall-arseniku fl-ilma tax-xorb fornut lill-popolazzjoni jridu jinġiebu f'konformità ma' dawk speċifikati fid-Direttiva. Wara l-iskadenza ta' perjodu ta' deroga li segwa l-adeżjoni tal-Ungerija mal-UE, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni, li wriet li l-Ungerija kisret id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb f'66 żona tal-provvista tal-ilma. Fis-27 ta' Mejju 2016, intbagħtet ittra ta' intimazzjoni u, fit-8 ta' Diċembru 2017, intbagħtet ittra ta' intimazzjoni addizzjonali biex tkopri żoni addizzjonali. Madankollu, 13-il żona tal-provvista tal-ilma għad mhumiex konformi mad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għall-arseniku u għall-boron. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent: il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex tikkonforma mad-dritt tal-UE

Il-Kummissjoni qed tappella lil Franza (INFR(2019)2021) biex tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (2011/92/UE). Id-Direttiva kienet emendata f'April 2014 (bid-Direttiva 2014/52/UE), biex tnaqqas il-piż amministrattiv u ttejjeb il-livell ta' protezzjoni ambjentali, filwaqt li għamlu mezz biex id-deċiżjonijiet kummerċjali dwar l-investimenti pubbliċi u privati jkunu aktar għaqlin, prevedibbli u sostenibbli. Franza ma ttrasponietx b'mod korrett ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva emendata fid-dritt nazzjonali. Pereżempju, stabbiliet limiti speċifiċi għal ċerti proġetti fil-Guyana li jistgħu jeskluduhom mill-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Franċiża ma tipprovdix biżżejjed salvagwardji biex tiżgura li l-awtoritajiet iwettqu l-missjonijiet tagħhom b'mod oġġettiv. Nuqqas ieħor jikkonċerna t-traspożizzjoni skorretta tar-rekwiżit tad-Direttiva li tiġi aġġornata l-konklużjoni motivata dwar l-effetti ambjentali tal-proġett qabel ma tingħata awtorizzazzjoni. Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni Franċiża ma tirrikjedix li l-iżviluppatur tal-proġett jgħarraf lill-awtorità dwar ir-riżultati ta' valutazzjonijiet rilevanti oħra tal-effetti fuq l-ambjent.  Il-Kummissjoni diġà bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza u wara bagħtet ittra addizzjonali. Billi l-governanza ambjentali għandha rwol essenzjali għall-funzjonament kif suppost tad-diversi regoli settorjali, il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li toħroġ opinjoni motivata lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 

Valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent: il-Kummissjoni tressaq lill-GREĊJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INFR(2019)2217) quddiem il-Qorti talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (VIA) (2011/92/UE kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE), li tobbliga lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għal ċerti proġetti kbar ta' infrastruttura. Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għadhom ma ġewx trasposti jew huma trasposti b'mod skorrett fil-leġiżlazzjoni Griega. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Greċja f'Ottubru 2019, u wara bagħtet opinjoni motivata f'Diċembru 2020. Minkejja xi progress li sar, l-awtoritajiet Griegi għadhom ma indirizzawx l-ilmenti bis-sħiħ. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Iktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Sonya Gospodinova – Tel.: +32 229 66953; Federica Miccoli – Tel.: +32 229 58300; Célia Dejond – Tel.: +32 229 88199)

Ittri ta' intimazzjoni

Professjonijiet regolati: il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jiggarantixxi li r-rekwiżiti l-ġodda għall-professjonijiet ikunu neċessarji u bbilanċjati 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra Ċipru(INFR(2022)2055) rigward in-nuqqas ta' konformità tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva tal-UE dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolament ġdid tal-professjonijiet. Dawn ir-regoli jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit għall-professjonijiet li jintroduċu jkun neċessarju u bbilanċjat. L-għan huwa li jiġu evitati regoli nazzjonali ta' piż bla bżonn, li jistgħu jagħmluha diffiċli għal kandidati kwalifikati biex jaċċessaw jew jeżerċitaw firxa wiesgħa ta' professjonijiet. F'Diċembru 2021 u fi Frar 2022 diġà kienu ttieħdu l-istess azzjonijiet legali kontra 20 Stat Membru. Skont il-Kummissjoni, Ċipru naqas milli jqis miżuri introdotti minn assoċjazzjonijiet jew korpi professjonali u minn inizjattivi tal-parlament skont l-obbligi tad-Direttiva. Ċipru naqas milli jittrasponi b'mod preċiż il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u ma żgurax li r-rekwiżiti kollha għandhom jiġu vvalutati meta jiġi eżaminat l-effett ikkombinat tad-dispożizzjonijiet il-ġodda u r-regoli eżistenti. Fl-aħħar nett, Ċipru naqas milli jiżgura l-informazzjoni xierqa u l-involviment f'waqtu tal-partijiet kollha involuti. Ċipru għandu xahrejn biex iwieġeb għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru.

 

Kuntratti ta' akkwist u ta' konċessjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lin-NETHERLANDS biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur (INFR(2022)2054) kontra n-Netherlands fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet. Id-Direttivi tal-UE 2014/25/UE u 2014/23/UEjistabbilixxu r-regoli għall-akkwist fis-setturi tal-utilitajiet. Wara analiżi bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni Netherlandiża, il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-konformità tagħha mar-regoli applikabbli fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, b'mod partikolari għas-servizzi postali. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet li skonthom l-entitajiet kontraenti bi drittijiet speċjali u esklużivi huma eżentati mir-regoli tal-akkwist ma jikkonformawx mad-Direttivi. In-Netherlands issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lin-Netherlands.

 

Suq Intern: il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tikkonforma mar-regoli tal-moviment liberu u biex tirrispetta l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija (INFR (2022)4076) talli introduċiet miżuri li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tas-Suq Intern. L-Ungerija timponi prezzijiet differenti tal-fjuwil għal vetturi bi pjanċa tar-reġistrazzjoni barranija u vetturi bi pjanċi tar-reġistrazzjoni Ungeriżi. Il-vetturi bi pjanċi tar-reġistrazzjoni Ungeriżi, inklużi tratturi u makkinarju agrikolu b'dokumenti Ungeriżi, huma intitolati għal prezzijiet tal-fjuwil uffiċjali aktar baxxi b'60 sa 70 %. B'kuntrast ma' dan, il-vetturi l-oħra kollha bi pjanċa tan-numru barranija ma jistgħux jibbenefikaw minn tali prezzijiet imnaqqsa. Il-Kummissjoni qed titlob lill-awtoritajiet Ungeriżi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE fir-rigward tal-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi inklużi s-servizzi tat-trasport, il-libertà tal-istabbiliment, il-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-ħaddiema, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif ukoll ir-regoli dwar in-notifiki skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. L-iżgurar tal-funzjonament kif suppost tas-Suq Uniku huwa ta' importanza partikolari fis-sitwazzjoni ġeopolitika bħalissa billi dan jikkostitwixxi l-istrument ewlieni biex jingħelbu l-effetti attwali ta' tfixkil ekonomiku li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Azzjoni unilaterali fil-livell nazzjonali u l-introduzzjoni ta' trattamenti diskriminatorji jmorru kontra l-prinċipji tal-moviment liberu fis-Suq Uniku u ma jistgħux iservu ta' soluzzjoni. L-Ungerija issa għandha xahrejn biex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija.

Opinjonijiet motivati

Akkwist pubbliku: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-AWSTRIJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet tibgħat opinjoni motivata lill-Austrija(INFR(2018)2161) biex tħeġġiġha tiżgura l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku. B'mod partikolari, l-għoti ta' servizzi ta' stampar għall-istampar ta' sigurtà lil Österreichische Staatsdruckerei ma sarx f'konformità mal-obbligi skont ir-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku. L-Awstrija ħarġet sejħa għall-offerti għal servizzi ta' stampar għad-dokumenti ta' sigurtà bħall-karti tal-identità b'mod li fih elementi ta' diskriminazzjoni. Ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE japplikaw għal kuntratti pubbliċi 'l fuq minn ċertu livell limitu, li jridu jiġu sottomessi għall-offerti, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ta' trasparenza, ta' trattament ugwali, ta' kompetizzjoni ħielsa, u ta' nondiskriminazzjoni. L-Awstrija issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Awstrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

3. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Unjoni tas-Sigurtà

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - Tel.: +32 229 62253; Anitta Hipper - Tel.: +32 229 85691; Laura Bérard – Tel.: + 32 229 55721; Yuliya Matsyk - Tel.: + 32 229 13173)

Ittri ta' intimazzjoni

Ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal: il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA, lill-ITALJA, lill-PORTUGALL u lil SPANJA biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament tat-tfal

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2019)2235) u ittri ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Italja (INFR(2018)2335) lill-Portugall(INFR(2018)2334), lil Spanja (INFR(2018)2197), talli naqsu milli jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (id-Direttiva 2011/93/UE). Id-Direttiva hija parti essenzjali mill-qafas legali tal-UE fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu regoli minimi rigward id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, tal-pornografija tat-tfal u tas-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali. Hija wkoll tintroduċi dispożizzjonijiet komuni biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta' dawk ir-reati u l-protezzjoni tal-vittmi tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u Spanja, ittrasponew b'mod skorrett ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva rigward id-definizzjoni ta' ċerti reati, il-prevenzjoni u l-assistenza lill-vittmi. L-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u Spanja issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

4. Ġustizzja

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - Tel.: +32 229 62253; Katarzyna Kolanko - Tel.:+32 229 63444; Cristina Torres Castillo – Tel.: +32 229 90679)

Opinjonijiet motivati

Protezzjoni tal-informaturi: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu l-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur kontra 15-il Stat Membru 

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tieħu passi ulterjuri fil-proċeduri ta' ksur kontra l-Bulgarija (INFR(2022)0021), iċ-Ċekja (INFR(2022)0043), l-Estonja (INFR(2022)0055), il-Finlandja (INFR(2022)0079), Franza (INFR(2022)0083), il-Ġermanja (INFR(2022)0052), il-Greċja (INFR(2022)0061), l-Ungerija (INFR(2022)0093), l-Irlanda (INFR(2022)0098), l-Italja (INFR(2022)0106), il-Lussemburgu (INFR(2022)0119), in-Netherlands (INFR(2022)0143), il-Polonja (INFR(2022)0150), is-Slovakkja (INFR(2022)0188) u Spanja (INFR(2022)0073), billi ħarġet opinjonijiet motivati talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (id-Direttiva UE 2019/1937). L-iskadenza għall-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva kienet is-17 ta' Diċembru 2021. F'Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 24-il Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu u jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni sal-iskadenza. Minn dawk, il-15-il Stat Membru msemmija għadhom ma adottawx miżuri ta' traspożizzjoni u għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-opinjonijiet motivati tal-Kummissjoni. Jekk it-tweġibiet ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq l-Istati Membri kkonċernati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Stat tad-Dritt: Il-Kummissjoni tadotta l-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur kontra l-POLONJA għall-ksur tad-dritt tal-UE mit-Tribunal Kostituzzjonali

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Polonja (INFR (2021) 2261) rigward it-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk u l-ġurisprudenza reċenti tiegħu. Fit-22 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, li fiha qajmet tħassib dwar il-ġurisprudenza tat-Tribunal Kostituzzjonali, b'mod partikolari s-sentenzi tiegħu tal-14 ta' Lulju 2021 u tas-7 ta' Ottubru 2021. It-Tribunal Kostituzzjonali f'dawn id-deċiżjonijiet ikkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka, u b'hekk, skont il-Kummissjoni, kiser l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tal-awtonomija, tas-supremazija, tal-effettività, tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-istess ittra ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea peress li, minħabba l-irregolaritajiet fil-proċeduri tal-ħatra ta' tliet imħallfin f'Diċembru 2015 u fl-għażla tal-President f'Diċembru 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ma għadux jissodisfa r-rekwiżit ta' tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit preċedentement bil-liġi. It-tweġiba tal-Polonja għall-ittra ta' intimazzjoni, li waslet fit-18 ta' Frar 2022, ma indirizzatx it-tħassib tal-Kummissjoni. Għal din ir-raġuni, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tavvanza bil-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur billi tibgħat opinjoni motivata lill-Polonja. Il-Polonja issa għandha xahrejn biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma mad-dritt tal-UE, inkella l-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

Protezzjoni tad-Data: il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVENJA biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja (INFR(2021)2269) talli naqset milli timplimenta obbligi importanti skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(GDPR) (ir-Regolament (UE) 2016/679), u talli ma ppermettietx li l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data tagħha tuża s-setgħat korrettivi kollha skont il-GDPR. Il-Kummissjoni tqis li s-Slovenja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-GDPR minħabba n-nuqqas persistenti tagħha li tirriforma l-qafas nazzjonali tagħha dwar il-protezzjoni tad-data qabel il-GDPR. Fid-9 ta' Frar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja li fiha talbitha tadatta l-qafas nazzjonali tagħha dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi r-regoli dwar l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data tagħha, u biex tkun tista' teżerċita b'mod effettiv is-setgħat korrettivi kollha pprovduti skont il-GDPR. It-tweġiba tas-Slovenja għall-ittra ta' intimazzjoni ma indirizzatx biżżejjed it-tħassib tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja. Is-Slovenja issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 

il-Kummissjoni tressaq lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti minħabba ksur tad-drittijiet tal-LGBTIQ 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija (INFR(2021)2130) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba liġi Ungeriża li tiddeskrimina kontra persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li l-liġi tikser ir-regoli tas-suq intern, id-drittijiet fundamentali tal-individwi (b'mod partikolari l-persuni LGBTIQ) kif ukoll - fir-rigward ta' dawk id-drittijiet fundamentali - il-valuri tal-UE. Il-liġi Ungeriża, b'mod partikolari, tidentifika u timmira kontenut li “jippromwovi jew juri” l-hekk imsejħa “diverġenza mill-identità personali li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, bidla fis-sess jew omosesswalità” għall-individwi taħt it-18-il sena. Dan it-tressiq quddiem il-Qorti huwa l-pass li jmiss tal-proċedura ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni fil-15 ta' Lulju 2021 kontra l-Ungerija b'ittra ta' intimazzjoni. Billi l-awtoritajiet Ungeriżi ma wieġbux b'mod suffiċjenti għat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u ma inkludew l-ebda impenn biex jirrimedjaw l-inkompatibbiltà, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ungerija fit-2 ta' Diċembru 2021. Il-protezzjoni tat-tfal hija prijorità assoluta għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. Madankollu, il-liġi Ungeriża fiha dispożizzjonijiet li mhumiex ġustifikati abbażi tal-promozzjoni ta' dan l-interess fundamentali jew li huma sproporzjonati biex jintlaħaq l-objettiv iddikjarat. L-istqarrija għall-istampa sħiħa hija disponibbli online.

 

5. Enerġija u klima 

(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661) validazzjoni għaddejja

Ittri ta' intimazzjoni

Standards bażiċi tas-sikurezza: il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU biex jittrasponi kif suppost il-leġiżlazzjoni tal-UE tal-protezzjoni mir-radjazzjoni

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2022)2058) li fiha titlob it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva riveduta tal-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sas-6 ta' Frar 2018. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju għadu ma kkonformax ma' ċerti rekwiżiti tal-liġi. Id-Direttiva timmodernizza u tikkonsolida l-leġiżlazzjoni tal-UE tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, u tistabbilixxi l-istandards bażiċi tas-sikurezza biex il-membri tal-pubbliku, il-ħaddiema u l-pazjenti jiġi protetti mill-perikli tal-esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti. Din tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar it-tħejjija u r-rispons f'każ ta' emerġenza, li ġew imsaħħa wara li seħħ l-inċident nukleari ta' Fukushima. Il-Belġju issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Inkella, fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Enerġija rinnovabbli: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA, lil MALTA u lis-SLOVENJA biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Italja(INFR(2021)0266), lil Malta (INFR(2021)0302), u lis-Slovenja(INFR(2021)0350) talli ma ttrasponewx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas ġuridiku għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku, għat-tisħin u t-tkessiħ, u għat-trasport fl-UE. Din tistabbilixxi mira vinkolanti fuq livell tal-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32 % għall-enerġija rinnovabbli u tinkludi l-miżuri biex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jkun kosteffettiv u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva tiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija, u tistabbilixxi l-miri speċifiċi biex jiżdied is-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ u tat-trasport sal-2030. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil dawn it-tliet Stati Membri. Sal-lum il-ġurnata, l-Italja, Malta u s-Slovenja ttrasponew id-Direttiva biss parzjalment. Issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligu tat-traspożizzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BULGARIJA, liċ-ĊEKJA, lill-ESTONJA, lill-FINLANDJA u lil-LATVJA biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija(INFR(2020)0150), liċ-Ċekja (INFR(2020)0161), lill-Estonja(INFR(2020)0170), lill-Finlandja (INFR(2020)0181) u lil-Latvja (INFR(2020)0221) talli naqsu milli jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2018/844 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Id-Direttiva introduċiet elementi ġodda biex jissaħħaħ il-qafas eżistenti, bħar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini l-ġdid, l-elettromobbiltà u l-punti tal-irriċarġjar, u r-regoli ġodda dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali skadiet fl-10 ta' Marzu 2020. F'Mejju 2020, intbagħtet ittra ta' intimazzjoni lil dawn l-Istati Membri wara li naqsu milli jiddikjaraw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Wara li eżaminat il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni notifikati, il-Kummissjoni tqis li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja u l-Latvja għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva bis-sħiħ. Issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligu tat-traspożizzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Effiċjenza enerġetika: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BELĠJU biex jittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju(INFR(2020)0502) talli naqas milli jiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva (UE) 2018/2002). Din id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u tiffissa mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32,5 %. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sal-25 ta' Ottubru 2020. Il-Belġju, li ma kienx ddikjara traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza Enerġetika sal-iskadenza, irċieva ittra ta' intimazzjoni f'Novembru 2020. Wara eżami tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni, il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni għadha mhijiex kompluta. Il-Belġju issa għandu xahrejn biex iwieġeb. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

6. Tassazzjoni u Unjoni Doganali

(Għal aktar informazzjoni: Daniel Ferrie – Tel.: +32 229 86500; Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170)

Opinjonijiet motivati

Tassazzjoni: il-Kummissjoni tieħu azzjoni ulterjuri kontra l-GREĊJA talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-VAT fuq is-servizzi postali

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja(INFR(2020)4049) talli ma applikatx kif suppost ir-regoli tal-VAT fuq is-servizzi postali inklużi fid-Direttiva tal-VAT (id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE) u ċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-357/07 tat-23 ta' April 2009 kif ukoll addizzjonalment C-4/18 tas-16 ta' Ottubru 2019). Din id-Direttiva tipprevedi eżenzjoni mill-VAT ta' ċerti servizzi postali biex tinkoraġġixxi attivitajiet speċifiċi fl-interess pubbliku. Għal dan il-għan, is-servizzi postali li jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tal-popolazzjoni (servizzi magħrufa bħala servizzi postali universali) huma eżentati mill-VAT u għalhekk offruti bi spiża mnaqqsa. B'kuntrast ma' dan, is-servizzi postali li għalihom it-termini ġew innegozjati individwalment mal-klijenti, bħal posta bil-kwantità, skontijiet speċjali, ftehimiet kummerċjali ma' organizzazzjonijiet speċifiċi, u servizzi oħra li ma jagħmlux parti mis-servizzi postali universali ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni mill-VAT. Il-Greċja teżenta mill-VAT is-servizzi postali kollha pprovduti mill-Posta Ellenika “ΕΛΤΑ”, inklużi dawk li mhumiex inklużi fis-servizzi postali universali. Għal din ir-raġuni, il-Greċja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-VAT. Jekk il-Greċja ma tweġibx b'mod sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil ĊIPRU biex jittrasponi r-regoli ġodda dwar l-eżenzjonijiet temporanji tal-VAT fuq l-importazzjonijiet u fuq ċerti provvisti b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Ċipru (INFR(2022)0039) talli naqas milli jinnotifika l-miżuri għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 2021/1159 li tistabbilixxi l-eżenzjonijiet temporanji tal-VAT fuq importazzjonijiet u fuq ċerti provvisti, b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Din id-Direttiva qed tipprovdi miżuri temporanji li jimmiraw li jgħinu fil-kriżi sanitarja kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. L-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa sal-31 ta' Diċembru 2021. F'Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil tmien Stati Membri fosthom Ċipru dwar din il-kwistjoni. Sal-lum il-ġurnata, Ċipru ma nnotifika l-ebda miżura ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Ċipru issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri neċessarji, imbagħad il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA, lil-LATVJA u lill-PORTUGALL biex jittrasponu r-regoli l-ġodda dwar id-dazji tas-sisa 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Greċja (INFR(2022)0063), lil-Latvja (INFR(2022)0128) u lill-Portugall (INFR(2022)0160) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2020/262 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni). Din id-Direttiva, li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2008/118/KE, tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-prodotti kollha soġġetti għad-dazji tas-sisa. Din tistabbilixxi sensiela ta' regoli ġodda, li se jkunu applikabbli mit-13 ta' Frar 2023. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2021. F'Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil sittax-il Stat Membru inklużi l-Greċja, il-Latvja u l-Portugall dwar il-kwistjoni. Sal-lum il-ġurnata, il-Greċja, il-Latvja u l-Portugall ma nnotifikaw l-ebda miżura ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Dawn l-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligu tat-traspożizzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL biex jittrasponi r-regoli l-ġodda tal-UE dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall (INFR(2022)0162) talli naqas milli jiżgura t-traspożizzjoni tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (id-Direttiva tal-Kunsill 2020/1151). Id-Direttiva tistabbilixxi sistema ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għall-produtturi żgħar u artiġjanali tal-alkoħol, li tiffaċilita l-aċċess tagħhom għal rati baxxi tad-dazju tas-sisa fl-Unjoni. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2021. F'Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 11-il Stat Membru, inkluż il-Portugall, wara li naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva. Sal-lum il-ġurnata, il-Portugall ma nnotifika l-ebda miżura ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Il-Portugall issa għandu xahrejn biex jikkonforma mal-obbligu ta' traspożizzjoni u jinnotifika lill-Kummssjoni, imbagħad il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA u lil SPANJA biex jikkomunikaw miżuri li jimplimentaw regoli ta' implimentazzjoni dwar diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi mid-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjonijiet motivati lill-Greċja(INFR(2022)0058) u lil Spanja (INFR(2022)0070) talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa li jimplimentaw l-Artikolu 9a tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/952 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi bil-maqlub. Dawn ir-regoli jipprevjeni lill-kontribwenti milli jisfruttaw id-differenzi bejn is-sistemi tat-taxxa biex iħallsu inqas taxxa jew l-ebda taxxa u jipprevjenu l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa għall-Istati Membri. L-iskadenza għall-komunikazzjoni tar-regoli kienet il-31 ta' Diċembru 2021. Fin-nuqqas tal-komunikazzjoni sħiħa tal-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni kollha, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

7. Mobbiltà u Trasport

 (Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Daniela Stoycheva - Tel.: +32 229 53664)

Ittri ta' intimazzjoni

Navigazzjoni interna: il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA u lil SPANJA biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lis-Slovenja (INFR(2022)2041) u lil Spanja (INFR(2022)2042), talli naqsu milli jittrasponu  fid-dritt nazzjonali r-regoli l-ġodda tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna (id-Direttiva (UE) 2017/2397). Id-Direttiva tistabbilixxi sistema armonizzata għaċ-ċertifikazzjoni u għar-rikonoxximent ta' persuni li joperaw inġenji fuq passaġġi fuq l-ilma interni, li tippermetti lid-detenturi taċ-ċertifikati joperaw fl-UE kollha. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali skadiet fis-17 ta' Jannar 2022. Issa s-Slovenja u Spanja għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni, inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Navigazzjoni interna: il-Kummissjoni tappella lill-AWSTRIJA, lill-KROAZJA, lill-ĠERMANJA u lill-UNGERIJA biex jaġixxu fuq il-bażi tal-pożizzjoni tal-UE fil-Kummissjoni tad-Danubju 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Awstrija (INFR(2022)2045), lill-Kroazja (INFR(2022)2047), lill-Ġermanja(INFR(2022)2046) u lill-Ungerija (INFR(2022)2048) biex tħeġġiġhom iwettqu l-obbligi tagħhom skont it-trattati tal-UE, fi ħdan il-Kummissjoni tad-Danubju, meta jiġu biex jadottaw rakkomandazzjonijiet fuq kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw ir-regoli tal-UE jew ibiddlu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Fis-96 Plenarja tal-Kummissjoni tad-Danubju, dawn l-erba' Stati Membri vvutaw favur deċiżjoni relatata mar-rikonoxximent ta' ċertifikati ta' pajjiżi terzi (regolati fl-UE bid-Direttiva (UE) 2017/2397 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2021/1233), mingħajr pożizzjoni tal-UE stabbilita minn qabel. Peress li l-UE għandha kompetenza esterna esklużiva fuq dawn il-kwistjonijiet, dawk l-Istati Membri ma kinux permessi jaġixxu unilateralment, anki fin-nuqqas ta' pożizzjoni tal-UE. Skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, l-UE u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. Issa l-erba' Stati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittri ta' intimazzjoni, inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Trasport bit-triq: il-Kummissjoni tappella liċ-ĊEKJA u lil-LATVJA biex jittrasponu bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS)

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati liċ-Ċekja (INFR(2021)0520) u lil-Latvja (INFR(2021)0535), talli naqsu milli jinnotifikaw il-Kummissjoni bit-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) (id-Direttiva (UE) 2019/520) fid-dritt nazzjonali. L-EETS hi sistema ta' pedaġġ li għaliha l-utenti tat-toroq tal-UE jistgħu jħallsu b'kuntratt ta' abbonament wieħed, fornitur ta' servizz wieħed u unità abbord waħda li tkopri l-Istati Membri kollha. Id-Direttiva għandha żewġ objettivi ewlenin: li tiżgura l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' pedaġġ elettroniċi u tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffi tat-triq. Id-data ta' skadenza għal din id-Direttiva kienet id-19 ta' Ottubru 2021. L-opinjonijiet motivati tal-lum isegwu l-ittri ta' intimazzjoni li bagħtet il-Kummissjoni f'Novembru 2021. In-nuqqas ta' traspożizzjoni sħiħa ta' dawn ir-regoli jippreżenta ostaklu għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-Istati Membri, u għall-infurzar transfruntier tal-obbligu ta' ħlas tat-tariffi tat-triq fl-UE. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti minn dawn l-Istati Membri fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Sikurezza fit-Toroq: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil sitt Stati Membri biex jikkonformaw mad-Direttiva riveduta dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq            

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Greċja(INFR(2022)0060), lin-Netherlands (INFR(2022)0142), lill-Polonja(INFR(2022/0149), lill-Portugall (INFR(2022)0158), lis-Slovakkja(INFR(2022)0187) u lis-Slovenja (INFR(2022)0180) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni Ewropea riveduta dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq. L-emenda għad-Direttiva 2008/96/KE, adottata fl-2019 b'kamp ta' applikazzjoni estiż, teħtieġ l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sikurezza fit-toroq, għall-awditi tas-sikurezza tat-toroq, għall-ispezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq u għall-valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-network kollu mill-Istati Membri. Dawn jiżguraw li t-toroq ikunu sikuri, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-toroq. Dawn l-obbligi kollha kellhom jiġu trasposti sas-17 ta' Diċembru 2021. L-opinjonijiet motivati tal-lum isegwu l-ittri ta' intimazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet f'Jannar 2022. Il-Greċja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u s-Slovenja issa għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva, u wara dan il-Kummissjoni tista' tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Trasport marittimu: il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jittrasponi r-regoli tal-UE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara u dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza opinjoni motivata lil Ċipru(INFR(2021)0384) talli naqas milli jikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali tiegħu biex jittrasponi r-regoli tal-UE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (id-Direttiva (UE) 2019/1159). Din id-Direttiva ttejjeb il-livell ta' għarfien u ħiliet tal-baħħara tal-UE billi tiżviluppa taħriġ u ċertifikazzjoni marittimi li jkunu konformi mal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. L-Istati Membri kellhom jadottaw il-miżuri sat-2 ta' Awwissu 2021 biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Ċipru issa għandu xahrejn biex iwieġeb għall-opinjoni motivata, inkella l-Kummissjoni tista' tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 

Ajru Uniku Ewropew: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-GREĊJA, lil MALTA u lis-SLOVAKKJA quddiem il-Qorti talli naqsu milli jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-forniment ta' servizzi ta' kollegament tad-data

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INF(2020)2050), lil Malta (INF(2020)2052) u lis-Slovakkja (INF(2020)2056)) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jipprovdu u joperaw servizzi ta' kollegament tad-data għal operaturi ta' inġenji tal-ajru li jtiru fl-ispazju tal-ajru li jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom. L-iskadenza għall-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru biex joperaw is-servizzi ta' kollegament tad-data għaddiet u n-nuqqas ta' tagħmir f'ċerti ċentri ta' kontroll effettivament qed jipprevjeni lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, li kienu meħtieġa wkoll li jħejju ruħhom bit-teknoloġija, milli jużaw is-servizzi ta' kollegament tad-data. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur f'Mejju 2020 u bagħtet opinjonijiet motivati f'Lulju 2021. Peress li dawk l-Istati Membri għad iridu jikkonformaw mar-Regolament, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Tista' ssib l-istqarrija għall-istampa sħiħa hawnhekk.

 

8. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Daniel Ferrie – Tel.: +32 229 86500, Aikaterini Apostola - Tel.: +32 229 87624)

Opinjonijiet motivati

Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RUMANIJA biex temenda t-traspożizzjoni tagħha tal-ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus

Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Rumanija(INFR(2020)2358) fuq il-bażi tat-traspożizzjoni skorretta tagħha tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (5 AMLD). L-awtoritajiet Rumeni eżentaw diversi kategoriji ta' entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħra mill-obbligu li jiddikjaraw is-sidien benefiċjarji tagħhom (is-“sidien reali” tagħhom) lil reġistru ċentrali. Dawn l-eżenzjonijiet mhumiex previsti mid-Direttiva. Il-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus ittejjeb l-istandards tal-UE fir-rigward tat-trasparenza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-inklużjoni tagħha fir-reġistri ċentrali nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet korporattivi u dawk ġuridiċi oħrajn inkorporati fit-territorju tagħhom jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom, inklużi d-dettalji tal-interessi benefiċjarji miżmuma. Ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-lakuni leġiżlattivi li jkun hemm fi Stat Membru wieħed iħallu impatt fuq l-UE kollha kemm hi. Għalhekk ir-regoli tal-UE għandhom jiġu implimentati u sorveljati b'mod effiċjenti sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità u tiġi protetta s-sistema finanzjarja tagħna. Ir-Rumanija issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA u lir-RUMANIJA biex jaġġornaw il-liġijiet nazzjonali li jneħħu l-ostakli regolatorji skont id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni Transfruntiera tal-Fondi

Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Italja(INFR(2021)0449) u lir-Rumanija (INFR(2021)0495) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva 2019/1160/UE, li temenda d-Direttiva dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (id-Direttiva UCITS 2009/65/KE) u d-Direttiva dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi (id-Direttiva AIFMD 2011/61/UE) fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv. Fir-rigward tal-Italja, il-Kummissjoni tqis li l-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għadhom ma ġewx trasposti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni Taljana dwar il-Kumpaniji u l-Iskambju (CONSOB) għad trid tadotta regolamenti sekondarji u tinnotifikahom lill-Kummissjoni. Fir-rigward tar-Rumanija, l-awtoritajiet irrikonoxxew in-nuqqas ta' traspożizzjoni kompluta. Id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni Transfruntiera tal-Fondi għandha l-għan li tneħħi l-ostakli regolatorji għad-distribuzzjoni tal-impriżi ta' investiment kollettiv, li kien wieħed mill-objettivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza u joħolqu aċċess uniku għall-informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali relatati mar-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni, mat-tariffi u mal-imposti regolatorji imposti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Id-Direttiva tippermetti ħruġ aktar sempliċi mis-suq ospitanti (denotifika), u tippermetti lill-kumpaniji tal-maniġment jagħżlu modi aktar flessibbli u orħos ta' komunikazzjoni u ta' forniment tas-servizzi amministrattivi lill-investituri fil-livell tal-konsumatur fi Stati Membri oħra. L-Italja u r-Rumanija issa għandhom xahrejn biex iwieġbu rispettivament, u biex jieħdu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Awditjar: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA biex tlesti t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Awditjar

Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Italja(INFR(2021)2170) talli naqset milli tinnotifika l-miżuri għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta' uħud mill-artikoli tad-Direttiva dwar l-Awditjar (id-Direttiva 2014/56/UE). Il-Kummissjoni tqis li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma ġewx trasposti mill-Italja. Dawn jirrigwardaw id-deżinjazzjoni ta' awtorità kompetenti waħda biss li jkollha r-responsabbiltà aħħarija għall-kompiti ta' sorveljanza tal-awdituri statutorji, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' awdituri u ta' entitajiet tal-awditjar minn pajjiżi terzi, u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati meta jiġu skambjati dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti rilevanti oħra għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-awditu mwettaq mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz. Ir-rwol ta' awditu statutorju huwa li jiċċertifika r-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji. Awditu jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati bħall-investituri u l-azzjonisti b'opinjoni dwar il-preċiżjoni tal-kontijiet tal-kumpaniji. Għaldaqstant, l-awditi statutorji jikkontribwixxu għall-funzjonament ordnat tas-swieq billi jtejbu l-fiduċja fl-integrità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, it-traspożizzjoni korretta u sħiħa hija ta' importanza assoluta. L-Italja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

9. Ekonomija diġitali

(Għal aktar informazzjoni: Johannes Bahrke – Tel.: +32 229 58615, Charles Manoury - Tel.: +32 229 13391) 

Opinjonijiet motivati

Drittijiet tal-awtur: il-Kummissjoni tħeġġeġ liċ-ĊEKJA biex tittrasponi bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur fid-dritt nazzjonali

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat żewġ opinjonijiet motivati liċ-Ċekja INFR(2021)0185 u INFR(2021)0184, talli naqset milli tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' traspożizzjoni skont żewġ Direttivi, l-ewwel nett fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati applikabbli fuq ċerti trażmissjonijiet online (id-Direttiva (UE) 2019/789), u t-tieni nett, dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali (id-Direttiva (UE) 2019/790). Dawn iż-żewġ Direttivi għandhom l-għan li jimmodernizzaw ir-regoli tad-drittijiet tal-awtur biex il-konsumaturi u l-ħallieqa jisfruttaw id-dinja diġitali mill-aħjar li jistgħu. Huma jipproteġu lid-detenturi tad-drittijiet minn setturi differenti, filwaqt li jistimulaw il-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni ta' kontenut ta' valur għoli. Dawn iġibu għażla akbar ta' kontenut għall-utenti billi jnaqqsu il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u jiffaċilitaw id-distribuzzjoni tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni madwar l-UE. Wara li fis-7 ta' Ġunju 2021 skadiet id-data għat-traspożizzjoni, fit-23 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Istati Membri li ma kkomunikawx it-traspożizzjoni kompluta taż-żewġ Direttivi. L-opinjonijiet motivati li ntbagħtu llum huma parti mill-pakkett usa' ta' ksur dwar in-nuqqas ta' traspożizzjoni kompluta taż-żewġ Direttivi mill-Istati Membri; fid-19 ta' Mejjju 2022, il-Kummissjoni segwiet b'opinjonijiet motivati lil 10 Stati Membri minħabba li naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/789 u lil 13-il Stat Membru fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2019/790. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 

Libertà tal-media: il-Kummissjoni tressaq lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-komunikazzjoni elettronika 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija (INFR(2021)2065) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli twieġeb għat-tħassib tal-Kummissjoni rigward id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Media Ungeriż li jirrifjuta l-applikazzjoni ta' Klubradio għall-użu tal-ispettru tar-radju minħabba raġunijiet dubjużi ħafna. Il-Kummissjoni temmen li l-Ungerija qed tikser id-dritt tal-UE billi tapplika kundizzjonijiet sproporzjonati u mhux trasparenti għat-tiġdid tad-drittijiet ta' Klubradio għall-użu tal-ispettru tar-radju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija applikat ir-regoli rilevanti, stabbiliti fil-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (id-Direttiva (UE) 2018/1972), b'mod sproporzjonat u diskriminatorju u li l-Ungerija naqset milli tadotta deċiżjonijiet f'waqthom. Wara l-opinjoni motivata mibgħuta lill-Ungerija fit-2 ta' Diċembru 2021, l-iskambju mal-Ungerija ma solvix it-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti. Tista' ssib stqarrija għall-istampa hawnhekk.

 

10. Impjiegi u drittijiet soċjali

(Għal aktar informazzjoni: Veerle Nuyts – Tel.: +32 229 96302; Tommaso Alberini – Tel.: +32 229 57010)

Ittri ta' intimazzjoni

Mobbiltà tal-forza tax-xogħol: il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU biex jagħti d-dritt ta' residenza fil-pajjiż għal perjodu ta' żmien raġonevoli lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg fl-UE, biex ifittxu impjieg

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju(INFR(2022)4023) billi tqis li r-regoli tal-Belġju, għal min ikun qed ifittex l-ewwel impjieg fl-UE, imorru kontra d-dritt tal-UE. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ta' residenza fi Stat Membru ieħor għal tliet xhur, bl-uniku rekwiżit li jkollhom dokument tal-identità validu. Wara tliet xhur, il-pajjiżi tal-UE għandhom jippermettu li dawk li qed ifittxu impjieg fl-UE, li jfittxu impjieg f'dak l-Istat Membru għall-ewwel darba, jibqgħu għal perjodu ta' żmien raġonevoli wara li jkunu rreġistraw mas-servizzi tal-impjiegi. Dan għandu jippermettilhom isibu offerta ta' impjieg li tikkorrispondi għall-kwalifiki tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex jibdew l-impjieg. Wara dak il-perjodu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawk li qed ifittxu impjieg biex jagħtu prova tal-possibbiltajiet ġenwini tagħhom li jsibu impjieg jekk ikunu jridu jibqgħu aktar fit-tul. Madankollu, skont id-dritt Belġjan, dawk li qed ifittxu impjieg fl-UE jridu jipprovdu din il-prova diġà wara l-ewwel tliet xhur ta' residenza. F'Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat l-interpretazzjoni tar-regoli tal-UE dwar din il-kwistjoni (Kawża C-710/19). Il-Qorti ddeċidiet li l-Istati Membri ospitanti huma meħtieġa jagħtu perjodu ta' żmien raġonevoli lil dawk li jkun qed ifittxu l-ewwel impjieg fl-UE biex ifittxu impjieg. Abbażi ta' din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni tqis li r-regoli Belġjani jmorru kontra d-dritt tal-UE. Il-Belġju issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Liġi tax-xogħol tal-UE: il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-maġistrati onorarji mad-dritt tal-UE 

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Italja (INFR(2016)4081), għaliex tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Italja li tapplika għall-maġistrati onorarji ma tikkonformax bis-sħiħ mad-dritt tal-UE dwar ix-xogħol. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Taljana tonqos milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar ix-xogħol għal żmien fiss, dwar ix-xogħol part-time, dwar il-ħin tax-xogħol u dwar il-ħaddiema nisa tqal (il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE,il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81/KE, id-Direttiva 2003/88/KE, id-Direttiva 92/85/KEE, rispettivament). Bosta kategoriji ta' maġistrati onorarji – jiġifieri kummissarji tal-ġustizzja onorarji tal-paċi, viċi prosekuturi onorarji u mħallfin onorarji – ma jibbenefikawx minn status ta' “ħaddiem” skont id-dritt nazzjonali Taljan, u jitqiesu bħala voluntiera li jipprovdu servizzi fuq bażi “onorarja”. Minħabba dan, ma jgawdux minn protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema skont il-liġi tax-xogħol tal-UE, li twassal pereżempju għal nuqqas ta' benefiċċji f'każ ta' mard, aċċidenti u tqala, għal differenzi fil-pagi, kif ukoll għal diskriminazzjoni fiskali. Il-maġistrati onorarji mhumiex protetti biżżejjed kontra l-abbuż tal-kuntratti suċċessivi għal terminu fiss, u m'għandhomx il-possibbiltà li jiksbu kumpens xieraq għal tali abbuż. Barra minn hekk, l-Italja ma stabbilietx sistema biex tkejjel il-ħin tax-xogħol ta' kuljum ta' kull maġistrat onorarju. Din l-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali żżid ma' proċedura ta' ksur, li l-Kummissjoni fetħet fil-15 ta' Lulju 2021. L-Italja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha f'Diċembru 2021. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dawn l-emendi ma jindirizzawx bis-sħiħ il-ksur tad-dritt tal-UE li ġew identifikati inizjalment u jqajmu lmenti ġodda. L-Italja issa se jkollha xahrejn biex tieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Saħħa u sikurezza okkupazzjonali: il-Kummissjoni tappella lil ĊIPRU biex jittrasponi r-regoli dwar it-trattament mediku abbord il-bastimenti

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru(INFR(2022)0031) talli naqas milli jikkomunika l-miżuri nazzjonali tiegħu lill-Kummissjoni biex jittrasponi r-regoli tal-UE dwar it-trattament mediku abbord il-bastimenti (id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1834). Id-Direttiva taġġorna żewġ Annessi tad-Direttiva 92/29/KEE, li tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta' sikurezza u ta' saħħa għal trattament mediku mtejjeb għall-persuni li jaħdmu abbord bastiment. Id-Direttiva 92/29/KEE tapplika għal kull bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru. Din telenka, pereżempju, il-provvisti mediċi meħtieġa abbord. Il-bastimenti jikkostitwixxu post tax-xogħol li jinvolvi firxa wiesgħa ta' riskji, filwaqt li wieħed jinnota, pereżempju, l-iżolament ġeografiku tagħhom. L-aġġornamenti ta' din id-Direttiva jikkonċernaw prinċipalment l-adattament tad-deskrizzjonijiet tal-mediċini u t-tneħħija ta' referenzi skaduti għall-provvisti mediċi. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali sal-20 ta' Novembru 2021, u Ċipru naqas milli jikkonferma t-traspożizzjoni tar-regoli l-ġodda lill-Kummissjoni. Issa ċ-Ċipru għandu xahrejn biex iwieġeb l-opinjoni motivata. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Liġi tax-xogħol tal-UE: il-Kummissjoni tappella lill-PORTUGALL biex jallinja l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg għall-għalliema b'terminu fiss mad-dritt tal-UE 

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall(INFR(2021)4050) talli naqas milli jikkonforma mad-dritt tal-UE dwar xogħol għal żmien fiss (Il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE). Id-dritt Portugiż fih kondizzjonijiet ta' impjieg inqas favorevoli għall-għalliema b'kuntratt fiss li jaħdmu fl-iskejjel pubbliċi Portugiżi meta mqabbel mal-għalliema permanenti f'dawn l-iskejjel, b'mod partikolari fir-rigward tas-salarju u tal-anzjanità fil-kariga. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan jimplika ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, li jgħid li l-ħaddiema għal terminu fiss ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod inqas favorevoli minn ħaddiema kumparabbli permanenti – sakemm dawk id-differenzi fit-trattament ma jkunux ġustifikati fuq bażi oġġettiva. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall dwar il-kwistjoni f'Novembru 2021. Fir-risposta tiegħu, il-Portugall ma setax jiġġustifika d-differenzi fit-trattament, kif mitlub mill-Ftehim Qafas. Il-Portugall issa għandu xahrejn biex jieħu l-miżuri neċessarji. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-pajjiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

11. Industrija tad-Difiża u l-Ispazju

(Għal aktar informazzjoni: Sonya Gospodinova – Tel.: +32 229 66953; Flore Boutier – Tel.: +32 2 296 60 43)

Opinjonijiet motivati

Suq tad-difiża: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA biex tittrasponi r-regoli dwar it-trasferimenti intra-UE ta' prodotti relatati mad-difiża   

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija(INFR (2021)0530) talli ma ttrasponietx b'mod sħiħ id-Direttiva Delegata (UE) 2021/1047 li taġġorna l-lista ta' prodotti relatati mad-difiża skont il-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2009/43/KE tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża fl-Unjoni Ewropea. L-Anness ta' din id-Direttiva jirreferi għal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea u jiġi aġġornat regolarment. Il-Kunsill aġġorna din il-lista fis-17 ta' Frar 2020, segwit mill-adozzjoni tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1047. L-Istati Membri kellhom sat-30 ta' Settembru 2021 biex jittrasponu d-Direttiva Delegata. F'Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija. Sal-lum il-ġurnata, l-Ungerija għadha ma ttrasponietx id-Direttiva. L-Ungerija issa għandha xahrejn biex tikkonforma mal-obbligu tat-traspożizzjoni u tinnotifika l-miżuri nazzjonali tagħha lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

12. Agrikoltura u Żvilupp rurali

(Għal aktar informazzjoni: Balazs Ujvari Tel.: +32 2 295 45 78; Thérèse Lerebours – Tel.: +32 2 296 33 03)

Ittra ta' intimazzjoni

Agrikoltura: il-Kummissjoni titlob lill-UNGERIJA tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għaċ-ċereali

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija (INFR (2022)2066) rigward skema ta' notifika minn qabel tal-esportazzjoni taċ-ċereali, introdotta mill-awtoritajiet Ungeriżi. In-notifika minn qabel tippermetti lill-awtoritajiet li jantiċipaw il-bejgħ jew li jixtru ċ-ċereali għall-esportazzjoni, qabel ma ssir l-esportazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija inkompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq u dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, il-miżura Ungeriża ma tistax tiġi ġġustifikata bl-insegwiment fil-livell nazzjonali ta' objettivi ekonomiċi speċjali li għandhom jintlaħqu fil-livell tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, bħalissa m'hemm l-ebda ħtieġa għal xi azzjoni li ssegwi s-sigurtà tal-provvista taċ-ċereali fl-UE. Issa l-Ungerija għandha xahrejn biex twieġeb lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
15 Lulju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta