
Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika
Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.
Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 72 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.
Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara t-test kollu tal-Mistoqsijiet u Tweġibiet. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.
1. Ambjent
(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel. +32 229 53156, Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)
Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS, lill-AWSTRIJA u lis-SLOVENJA biex jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lin-Netherlands (INFR(2022)2161), lill-Awstrija (INFR(2024)2162) u lis-Slovenja (INFR(2024)2170) talli naqsu milli jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' miżuri għal kull distrett tal-baċin tax-xmara biex jiżguraw status tajjeb tal-korpi tal-ilma Ewropej, bħax-xmajjar u l-lagi. Dawn il-miżuri jridu jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara li jridu jiġu stabbiliti u rrappurtati lill-Kummissjoni kull 6 snin. Kull programm ta' miżuri jrid jinkludi l-miżuri bażiċi għall-kontroll tat-tipi differenti tal-estrazzjoni tal-ilma, is-sekwestru, l-iskariku ta' sors lokalizzat, is-sorsi ta' tixrid li jistgħu jikkawżaw tniġġis, u kwalunkwe impatt negattiv sinifikanti ieħor fuq il-kwalità tal-ilma. L-Istati Membri huma meħtieġa jirrieżaminaw u jaġġornaw perjodikament dawn il-kontrolli, inkluż kwalunkwe permess tal-ilma mogħti għal dawn il-finijiet. L-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma huwa element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fin-Netherlands, il-permessi għall-estrazzjoni tal-ilma jew għall-iskariki fl-ilma jistgħu jingħataw għal durata mhux limitata u ma huwa meħtieġ l-ebda rieżami perjodiku. Barra minn hekk, meta l-awtorizzazzjonijiet jingħataw skont ir-regoli ġenerali, lanqas ma jkun hemm rieżami perjodiku. Fl-Awstrija, issir valutazzjoni qabel l-estensjoni jew il-ħruġ ta' permess ġdid, li jista' jikkorrispondi għal perjodu ta' 25 sena għall-estrazzjonijiet għall-irrigazzjoni u sa 90 sena għal finijiet oħra. Dan il-perjodu huwa twil wisq biex tintlaħaq il-fini ta' rieżami perjodiku, u għalhekk ma jissodisfax l-objettivi tad-Direttiva. Fis-Slovenja, id-dritt nazzjonali ma tipprovdix regoli ċari għar-rieżamijiet perjodiċi tal-permessi jew tal-konċessjonijiet għall-estrazzjoni tal-ilma; tal-awtorizzazzjonijiet minn qabel għall-iskariki ta' sors lokalizzat; u tar-regoli applikabbli b'mod ġenerali għall-iskariki diffużi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lin-Netherlands, lill-Awstrija u lis-Slovenja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjonijiet motivati.
Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS biex jipproteġu aħjar il-girwiel prim li huwa għasfur tal-mergħat
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Netherlands (INFR(2024)4014) talli naqsu milli jimplimentaw biżżejjed l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-girwiel prim skont id-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw li huwa kruċjali li l-UE twaqqaf it-telf tal-bijodiversità billi tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità. Id-Direttiva dwar l-Għasafar hija kruċjali biex tinżamm il-bijodiversità u tipproteġi l-500 speċi ta' għasafar selvaġġi li jinsabu b'mod naturali fl-UE u fil-ħabitats tagħhom. Fin-Netherlands, ħafna speċijiet ta' għasafar tar-raba' ilhom jonqsu b'mod kostanti għal għexieren ta' snin, primarjament minħabba t-telf tal-ħabitat u theddid ieħor, bħad-disturb matul l-istaġun tat-tgħammir. B'mod partikolari, l-iskemi volontarji, inklużi s-sussidji, ma kinux kapaċi jindirizzaw it-tnaqqis kontinwu tal-girwiel prim — għasfur ikoniku tar-raba'. L-awtoritajiet huma meħtieġa jieħdu miżuri aktar effettivi, inkluż, pereżempju, il-klassifikazzjoni u l-ġestjoni tas-siti fejn l-għasfur jgħammar f'numri kbar. Dawn il-miżuri x'aktarx se jkunu ta' benefiċċju wkoll għal speċijiet oħra ta' għasafar tar-raba', bħall-Venewwa jew il-Gallina tal-Baħar, li l-għadd tal-popolazzjoni tagħhom qed jonqos ukoll. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA biex tiżgura aċċess miftuħ għall-ġustizzja fil-kwistjonijiet ambjentali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja (INFR(2024)2051) talli naqset milli timplimenta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fil-kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus). Id-dritt nazzjonali għandu jkun ċar u preċiż fir-rigward tal-possibbiltà li l-atti ambjentali jiġu kkontestati quddiem il-qrati. Il-Kummissjoni tintrabat li tippromwovi l-liġijiet ambjentali u li tiżgura li jinftiehmu, jitħarsu u jiġu infurzati b'mod wiesa'. Għaldaqstant, element importanti ħafna huwa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitolbu lill-qrati nazzjonali jivverifikaw il-konformità legali. Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, is-Slovenja ma tiżgurax id-dritt li jiġu kkontestati quddiem qorti d-deċiżjonijiet jew l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali fl-oqsma ta' politika ambjentali li ġejjin: il-protezzjoni tan-natura, il-kwalità tal-arja, il-ġestjoni tal-iskart, u l-ġestjoni tal-ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tittrasponi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2024)2097) talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851) b'mod korrett. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart hija l-leġiżlazzjoni qafas tal-UE li għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, li tnaqqas l-impatti kumplessivi tal-użu tar-riżorsi u li ttejjeb l-effiċjenza ta' dan l-użu, li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u għall-garanzija tal-kompetittività fit-tul tal-Unjoni. Id-Direttiva emendata tistabbilixxi l-miri vinkolanti għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u għat-tħejjija tiegħu biex jerġa' jintuża. Din tintroduċi wkoll ir-rekwiżiti għall-Istati Membri biex itejbu s-sistemi tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva emendata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom kienet il-5 ta' Lulju 2020. Il-Kummissjoni diġà bdiet il-proċeduri ta' ksur kontra għaxar Stati Membri oħra (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, Franza, Ċipru, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija). Il-Kummissjoni sabet li l-Italja ma ttrasponietx diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva emendata b'mod korrett, inkluż dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, l-iżgurar tar-riċiklaġġ ta' kwalità għolja, il-ġbir separat ta' skart perikoluż u l-implimentazzjoni ta' sistema elettronika ta' traċċabbiltà. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri kollha biex jilħqu l-miri tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-iskart
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2024)2121), lill-Bulgarija (INFR(2024)2128), liċ-Ċekja (INFR(2024)2137), lid-Danimarka (INFR(2024)2138), lill-Ġermanja (INFR(2024)2122), lill-Estonja (INFR(2024)2123), lill-Irlanda (INFR(2024)2130), lill-Greċja (INFR(2024)2132), lil Spanja (INFR(2024)2147), lil Franza (INFR(2024)2141), lill-Kroazja (INFR(2024)2133), lill-Italja (INFR(2024)2142), lil Ċipru (INFR(2024)2131), lil-Latvja (INFR(2024)2144), lil-Litwanja (INFR(2024)2143), lil-Lussemburgu (INFR(2024)2124), lill-Ungerija (INFR(2024)2134), lil Malta (INFR(2024)2135), lin-Netherlands (INFR(2024)2125), lill-Awstrija (INFR(2024)2120), lill-Polonja (INFR(2024)2126), lill-Portugall (INFR(2024)2145), lir-Rumanija (INFR(2024)2136), lis-Slovenja (INFR(2024)2127), lis-Slovakkja (INFR(2024)2129), lill-Finlandja (INFR(2024)2140) u lill-Iżvezja (INFR(2024)2146) talli naqsu milli jilħqu l-miri tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-iskart. Abbażi tal-aħħar data disponibbli rrappurtata mill-Istati Membri, kollha naqsu milli jilħqu diversi miri tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-iskart stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-iskart. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851) tistabbilixxi miri legalment vinkolanti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali. Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja naqsu milli jilħqu l-mira ta' 50 % għall-2020 tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali (bħall-karti, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ). B'mod parallel, id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (id-Direttiva 94/62/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/852) tapplika għall-imballaġġ kollu distribwit fis-suq Ewropew u għal kwalunkwe skart mill-imballaġġ li jirriżulta, irrispettivament minn fejn jintuża. Sal-31 ta' Diċembru 2008, kienet teħtieġ li bejn 55 % u 80 % tal-iskart kollu mill-imballaġġ jiġi rriċiklat. L-għanijiet tar-riċiklaġġ stabbiliti għal diversi materjali jinkludu 60 % għall-ħġieġ, 60 % għall-karti u l-kartun, 50 % għall-metalli, 22.5 % għall-plastik, u 15 % għall-injam pero l-biċċa l-kbira ta' dawn il-miri ma ntlaħqux. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-Iskart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE) (id-Direttiva 2012/19/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2024/884) tirrikjedi l-ġbir separat u t-trattament xieraq tal-WEEE u tistabbilixxi l-miri għall-ġbir, għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tiegħu. Ir-rata minima tal-ġbir li għandha tinkiseb kull sena mill-Istati Membri hija ta' 65 % tal-piż medju tat-tagħmir elettriku u elettroniku introdott fis-suq fit-3 snin preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat, jew inkella ta' 85 % tal-WEEE ġġenerat fit-territorju ta' dak l-Istat Membru. Il-maġġoranza tal-Istati Membri naqsu milli jiġbru biżżejjed WEEE separatament u għalhekk ma laħqux il-mira tal-ġbir tal-UE. L-Istati Membri għandhom jagħtu spinta lill-isforzi ta' implimentazzjoni tagħhom sabiex jissodisfaw l-obbligi msemmija hawn fuq. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż identifikati fir-Rapport ta' Twissija Bikrija dwar l-Iskart tal-2023. Dan se jgħin ukoll lill-Istati Membri jilħqu l-miri li ġejjin tal-2025, tal-2030 u tal-2035, stabbiliti bl-emendi reċenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil kull wieħed mis-27 Stat Membru, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjonijiet motivati.
Ittra ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260 tat-TFUE
Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tikkonforma mal-istandards tal-kwalità tal-arja
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni, skont l-Artikolu 260 tat-TFUE, lill-Ungerija (INFR(2008)2193) talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Frar 2021 (C-637/18). F'din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-Ungerija ma tikkonformax mad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (id-Direttiva 2008/50/KE). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-ambizzjoni tiegħu ta' tniġġis żero, jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-arja biex tiġi protetta b'mod effettiv saħħet il-bniedem u biex jiġi ssalvagwardjat l-ambjent naturali. Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent tobbliga lill-Istati Membri jżommu l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu speċifiċi fl-arja b'impatti sinifikanti fuq is-saħħa, bħall-PM10, taħt ċerti valuri ta' limitu. Jekk jinqabżu dawn il-valuri ta' limitu, l-Istati Membri jridu jadottaw miżuri biex il-perjodi ta' eċċess jinżammu kemm jista' jkun qosra. Fi Frar 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ungerija kienet qabżet b'mod sistematiku u persistenti l-valur ta' limitu ta' kuljum għall-PM10 fi tliet żoni tal-kwalità tal-arja mill-2005 u naqset milli tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li l-perjodu ta' eċċess jinżamm qasir kemm jista' jkun. Mid-deċiżjoni 'l hawn, l-Ungerija għamlet ċertu progress fl-indirizzar tal-ilmenti u kien hemm żona waħda biss, il-Wied ta' Sajó, li baqgħet mhux konformi fl-2022. Madankollu, f'din iż-żona, il-konformità mhijiex mistennija ħlief mill-2025, u dan ma jindirizzax is-severità tal-kwistjoni kif ġie enfasizzat fis-sentenza. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponilha sanzjonijiet finanzjarji.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVAKKJA biex tiżgura ġbir u trattament kif suppost tal-ilma urban mormi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja (INFR (2021)2147) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u lill-ambjent billi tirrikjedi li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel ma jiġi skarikat fl-ambjent. Il-bliet huma meħtieġa jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa biex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. L-ilma mormi mhux miġbur jew mhux ittrattat jista' jqiegħed saħħet il-bniedem fil-periklu, u jista' jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija u l-ilma kostali u ta' taħt l-art. Fis-Slovakkja, sitt agglomerazzjonijiet naqsu milli jipprovdu sistema ta' ġbir u milli jiżguraw li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta' ġbir jiġi ttrattat kif xieraq. Dawn l-agglomerazzjonijiet kellhom ikunu konformi sal-31 ta' Diċembru 2015. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja f'Diċembru 2021. L-awtoritajiet Slovakki wieġbu għat-tħassib imqajjem u naqqsu l-għadd ta' agglomerazzjonijiet mhux konformi minn 19 għal 6. Madankollu, it-tħassib kollu ma ġiex indirizzat bis-sħiħ. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lill-AWSTRIJA biex tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-impjanti tal-kombustjoni medji b'mod korrett
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija (INFR(2021)2088) talli naqset milli tinkorpora b'mod korrett id-Direttiva dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji (id-Direttiva (UE) 2015/2193) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis tal-arja billi tistabbilixxi l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet fuq l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa mill-impjanti tal-kombustjoni medji. Dawn l-impjanti jintużaw għal firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet inkluż il-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ domestiku jew residenzjali u l-forniment tas-sħana jew tal-fwar għall-proċessi industrijali. Dawn huma sors sinifikanti ta' tniġġis tal-arja tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidu tan-nitroġenu u tat-trab. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, b'mod partikolari l-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero, jagħmlu enfasi fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, li huwa fost il-fatturi ewlenin li jaffettwaw saħħet il-bniedem. Il-ħarsien tal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet u tal-istandards tal-kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huwa essenzjali biex tiġi protetta b'mod effettiv saħħet il-bniedem u biex jiġi ssalvagwardjat l-ambjent naturali. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija f'Settembru 2021. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-Awstrija adottat miżuri biex ittejjeb it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Madankollu, minkejja l-progress miksub, xi regolamenti reġjonali għadhom mhumiex kompatibbli bis-sħiħ mad-Direttiva. L-ilmenti li fadal huma relatati b'mod partikolari mat-traspożizzjoni tad-definizzjoni tad-Direttiva ta' “operatur”, ir-rekwiżit li l-ebda impjant tal-kombustjoni medju ġdid ma jitħaddem mingħajr permess jew mingħajr ma jiġi rreġistrat, u r-rekwiżit li jiġi sospiż it-tħaddim tal-impjanti jekk in-nuqqas ta' konformità tagħhom jikkawża degradazzjoni sinifikanti tal-kwalità tal-arja lokali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA biex itejjeb it-trattament tal-iskart tagħha
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija (INFR(2020)2355) talli naqset milli tapplika b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills (id-Direttiva 1999/31/KE) u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851). Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills tistabbilixxi standards għar-rimi f'landfills biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem, l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskart li jkun ġie ttrattat biss jintrema fil-landfills. Skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, l-Istati Membri jridu jirkupraw u jarmu l-iskart b'mod li ma jipperikolax saħħet il-bniedem u l-ambjent, u jipprojbixxu l-abbandun, l-iskariku jew ir-rimi mhux ikkontrollat tal-iskart. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija f'Novembru 2021 dwar in-nuqqasijiet f'ħames landfills, iżda wkoll dwar in-nuqqas tar-Rumanija li tistabbilixxi network integrat u adegwat ta' installazzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart, meta jitqiesu l-aħjar tekniki disponibbli. Wara li vvalutat it-tweġiba mressqa mill-awtoritajiet Rumeni, u abbażi tad-data reċenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li tliet landfills għadhom mhux konformi, inkluża landfill li tinsab f'Bukarest. Ikkonkludiet ukoll li l-kapaċità tal-installazzjonijiet għat-trattament tal-iskart qabel ir-rimi f'landfills fir-Rumanija mhijiex biżżejjed għall-iskart muniċipali mħallat u għall-bijoskart. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-BELĠJU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tieħu biżżejjed azzjoni dwar it-tniġġis min-nitrati
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Belġju (INFR(2022)2051) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqas milli jieħu azzjoni suffiċjenti fir-reġjun Fjamming fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati kif meħtieġ mid-Direttiva dwar in-Nitrati (id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi l-ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art kontra t-tniġġis min-nitrati minn sorsi agrikoli. F'dawn l-aħħar snin, it-tniġġis tal-ilmijiet ta' taħt l-art u tal-wiċċ iggrava b'mod sinifikanti fir-reġjun Fjamming, u dawn l-ilmijiet huma fost l-aktar imniġġsa fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapporti mill-awtoritajiet Fjammingi juru biċ-ċar li l-programmi suċċessivi Fjammingi ta' azzjoni dwar in-nitrati naqsu milli jiksbu riżultati u, sal-lum il-ġurnata, il-livelli tat-tniġġis għadhom eċċessivament għoljin, u dan joħloq riskju għall-bnedmin u għall-ambjent. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju fi Frar 2023 fejn appellat lill-awtoritajiet Fjammingi biex jieħdu azzjoni urġenti dwar it-tniġġis min-nitrati. Wara bagħtitlu opinjoni motivata f'Settembru 2023. Kważi 5 snin wara li l-awtoritajiet Belġjani rrikonoxxew għall-ewwel darba l-ħtieġa għal azzjoni urġenti, ir-reġjun Fjamming għadu ma ħax l-azzjoni meħtieġa. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet Belġani ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-GREĊJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tiġbor u tittratta l-ilma urban mormi b'mod adegwat
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INFR(2020)2021) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tal-ġbir u tat-trattament stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u lill-ambjent billi tirrikjedi li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel ma jiġi skarikat fl-ambjent. Il-bliet jeħtieġu jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja f'Mejju 2020, u wara bagħtitilha opinjoni motivata f'Diċembru 2021. Minkejja xi progress li sar, l-awtoritajiet Griegi għadhom ma indirizzawx l-ilmenti bis-sħiħ. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet Griegi ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil FRANZA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma kkonformatx mad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Franza (INFR(2020)2273) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma mal-konċentrazzjoni massima tan-nitrati fl-ilma tax-xorb stabbilita fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184). Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għandha l-għan li tipproteġi saħħet il-bniedem mill-effetti dannużi ta' ilma tax-xorb kontaminat. Fi Franza, fuq perjodu twil ta' żmien, l-ilma tax-xorb fornut lil partijiet tal-popolazzjoni qabeż il-konċentrazzjoni massima tan-nitrati. Dan jikkonċerna 107 żoni ta' provvista tal-ilma f'seba' reġjuni. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza f'Ottubru 2020. Wara bagħtitlu opinjoni motivata fi Frar 2023. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet Franċiżi biex jindirizzaw l-ilmenti bis-sħiħ ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lil Franza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil FRANZA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tadotta l-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Franza (INFR(2013)2006) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tadotta pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju għall-agglomerazzjonijiet u għat-toroq ewlenin kollha kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar l-Istorbju (id-Direttiva 2002/49/KE). Id-Direttiva dwar l-Istorbju tidentifika l-livelli tat-tniġġis akustiku u tiskatta l-azzjoni meħtieġa bħala rispons, bħall-ippjanar urban xieraq u l-miżuri ta' protezzjoni mill-istorbju. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw mapep li juru l-esponiment għall-istorbju fl-agglomerazzjonijiet il-kbar, tul il-linji ferrovjarji u t-toroq ewlenin u madwar l-ajruporti ewlenin. Dawn il-mapep iservu ta' bażi għad-definizzjoni tal-miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku fil-pjanijiet ta' azzjoni għall-istorbju. Dawn huma essenzjali biex jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-livelli ta' storbju li huma esposti għalihom, sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw huma stess jekk l-awtoritajiet tagħhom jiħdux azzjoni suffiċjenti. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza f'Mejju 2013, ittra ta' intimazzjoni addizzjonali f'Diċembru 2017, u wara bagħtet opinjoni motivata f'Settembru 2023. Minkejja xi progress li sar, l-awtoritajiet Franċiżi ma indirizzawx l-ilmenti bis-sħiħ. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata l-isforzi tal-awtoritajiet Franċiżi ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lil Franza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs
(Għal aktar informazzjoni: Johanna Bernsel – Tel.: +32 229 86699; Federica Miccoli – Tel.: +32 229 58300)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni titlob lill-IRLANDA tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-prodotti għall-bini
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Irlanda (INFR(2024)4003) talli ma wettqitx sorveljanza tas-suq kif meħtieġ mir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini (ir-Regolament (UE) 305/2011). Ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini jirrikjedi li l-awtoritajiet jimmonitorjaw il-manifattura u l-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti għall-bini qabel ma jintużaw. Skont is-sejbiet tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Irlandiżi llimitaw l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom għall-bini lest jew għall-proġetti ta' inġinerija ċivili finalizzati. Il-limitazzjoni tal-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq għall-miżuri fuq il-post tipperikola ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti għall-bini sikuri fl-Unjoni. Minħabba l-prodotti għall-bini difettużi, diversi eluf ta' djar fl-Irlanda ġarrbu ħsara serja ħafna. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU u lill-BULGARIJA jittrasponu d-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità b'mod korrett
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2023)2155) u opinjoni motivata komplementari lill-Bulgarija (INFR(2021)2206) talli naqsu milli jittrasponu r-regoli tal-UE stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/958 dwar it-Test tal-Proporzjonalità b'mod korrett. Din id-Direttiva tmexxi l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tar-regoli l-ġodda jew emendati li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjonijiet regolati jew il-kisba tagħhom. Sabiex jiġu evitati l-ostakli mhux ġustifikati fis-suq uniku, huwa kruċjali li ssir valutazzjoni sistematika tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet qabel ma tiġi adottata jew emendata l-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Belġju u l-Bulgarija ma ttrasponewx id-Direttiva b'mod korrett, b'mod partikolari r-rekwiżit li jiġi żgurat li l-inizjattivi u l-emendi parlamentari jkunu soġġetti b'mod effettiv għal valutazzjoni tal-proporzjonalità. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju u li tibgħat opinjoni motivata komplementari lill-Bulgarija. Iż-żewġ Stati Membri issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA u lill-POLONJA jittrasponu r-regoli tal-UE dwar iċ-ċarġer komuni
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Greċja (INFR(2024)0041) u lill-Polonja (INFR(2024)0112) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri meħtieġa li jimplimentaw l-obbligi skont id-Direttiva dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju (id-Direttiva (UE) 2022/2380). Din l-emenda tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju (id-Direttiva 2014/53/UE) tintroduċi soluzzjoni komuni għall-iċċarġjar. Ir-rekwiżiti komuni għall-iċċarġjar se jkunu japplikaw mit-28 ta' Diċembru 2024 għall-mowbajls, għat-tablets, għall-kameras diġitali, għall-kuffji, għall-headsets, għall-ispeakers portabbli, għall-consoles tal-logħob vidjo li jinżammu fl-idejn, għall-qarrejja elettroniċi, għall-earbuds, għat-tastieri, għall-mawsijiet u għas-sistemi tan-navigazzjoni portabbli. Dawn ir-rekwiżiti se japplikaw ukoll għal-laptops mit-28 ta' April 2026. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida kienet it-28 ta' Diċembru 2023. Il-Greċja u l-Polonja għadhom ma nnotifikawx il-miżuri nazzjonali tagħhom li jittrasponu d-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata liż-żewġ Stati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BELĠJU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma kkonformax mad-Direttiva dwar is-Servizzi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Belġju (INFR(2022)4120) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma kkonformax mad-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE). Id-Direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan li tiżgura li l-fornituri tas-servizzi ma jħabbtux wiċċhom ma' ostakli mhux ġustifikati meta jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi transfruntiera mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Skont il-Kummissjoni, ir-regoli Belġjani dwar il-garanziji finanzjarji meħtieġa fil-kuntest tal-bejgħ ta' abitazzjonijiet “fi stat lest fil-ġejjieni” (xiri fuq il-pjanta) joħolqu ostaklu mhux ġustifikat għall-forniment tas-servizzi tal-kostruzzjoni. Il-liġi Belġjana tirrikjedi li l-intraprendituri mhux approvati jipprovdu garanzija finanzjarja ta' 100 %, għall-kuntrarju ta' garanzija ta' 5 % biss minn kuntratturi approvati li jkunu għaddew minn skema ta' ċertifikazzjoni Belġjana. Hu eċċessivament diffiċli għall-intraprendituri li mhumiex Belġjani sabiex jaċċessaw l-iskema ta' ċertifikazzjoni Belġjana. Dan l-ostaklu jagħmilha diffiċli għall-kumpaniji tal-kostruzzjoni barra mill-Belġju biex jaċċessaw is-suq, jaqsmu l-fruntiera u jikbru. Għaldaqstant, l-utenti ta' dawn is-servizzi (ċittadini privati iżda wkoll ħafna negozji) ma jistgħux jibbenefikaw mill-aktar servizzi kompetittivi u innovattivi disponibbli fis-suq uniku. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-GREĊJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għan-nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INFR(2022)4078) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għan-nuqqas ta' konformità tar-regoli nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Ir-regoli tal-UE jagħmluha eħfef għall-professjonisti biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri differenti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li r-regoli Griegi jonqsu milli jikkonformaw mad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont il-liġi Griega, il-professjonisti kkwalifikati bħala diretturi tal-iskejjel fi Stati Membri oħra jridu jsegwu proċedura ta' rikonoxximent akkademiku tal-kwalifiki tagħhom ħafna aktar diffiċli, biex ikunu jistgħu jaħdmu l-Greċja. Dan imur kontra d-Direttiva u jagħmel l-aċċess għas-suq tax-xogħol Grieg aktar diffiċli għal xi professjonisti. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għar-restrizzjonijiet tad-dispożizzjoni temporanja tas-servizzi soċjali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2019)2153) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli llimitat id-durata massima tal-forniment tas-servizzi soċjali transfruntiera temporanji bħal pereżempju s-servizzi ta' konsulenza jew ta' promozzjoni, ix-xogħol fil-komunità, it-terapija u r-riabilitazzjoni, it-taħriġ fil-ħiliet u s-servizzi tal-kura, għal 6 xhur fis-sena. Il-liġi Bulgara dwar is-Servizzi Soċjali tikser id-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri ma jistgħux jiffissaw durata massima għas-servizzi temporanji. Il-kunċett tal-forniment ta' servizz temporanju huwa bbażat fuq diversi aspetti differenti bħad-durata, ir-regolarità, il-perjodiċità u l-kontinwità tas-servizzi. L-Istati Membri ma jistgħux jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu stabbiliment permanenti fit-territorju tagħhom għas-servizzi.
Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
3. Ġustizzja
(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - Tel.: +32 229 62253; Cristina Torres Castillo – Tel.: +32 2 299 06 79; Jördis Ferroli - Tel.: +32 229 92729; Yuliya Matsyk -Tel.: +32 229-62716)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA biex tittrasponi r-regoli tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi kontra l-baġit tal-Unjoni b'mod korrett
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lis-Slovenja (INFR(2021)2267) talli ttrasponiet b'mod skorrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (“id-Direttiva PIF”). Dawn ir-regoli jżidu l-livell ta' protezzjoni tal-baġit tal-UE billi jarmonizzaw id-definizzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-perjodi ta' limitazzjoni tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interess finanzjarju tal-Unjoni u jistabbilixxu l-pedament għall-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet is-6 ta' Lulju 2019. Fi Frar 2022, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja. Il-Kummissjoni dehrilha li, fost l-oħrajn, is-Slovenja ma ttrasponietx il-kunċett ta' “uffiċjal pubbliku” b'mod korrett, u ma pprevedietx ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi għar-reati kriminali mwettqa minn membru ewlieni ta' persuna ġuridika, kif meħtieġ mid-Direttiva. Il-Kummissjoni dehrilha wkoll li r-rekwiżit tal-kriminalità doppja jikser dispożizzjoni tad-Direttiva PIF li ma saritilhiex referenza fl-ittra preċedenti. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lis-Slovenja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IRLANDA, lill-KROAZJA, lill-UNGERIJA u lill-AWSTRIJA biex jikkonformaw mal-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew
Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Irlanda (INFR(2020)2072) u lill-Kroazja (INFR(2021)211) u opinjonijiet motivati lill- Ungerija (INFR(2021)2071) u lill-Awstrija (INFR(2020)2307) talli naqsu milli jikkonformaw mad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI). Il-mandat ta' arrest Ewropew (MAE) huwa proċedura ġudizzjarja transfruntiera simplifikata biex persuna rikjesta tiġi konsenjata għall-fini tal-prosekuzzjoni jew tal-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ta' ordni ta' detenzjoni. Il-MAE ilu operazzjonali mill-1 ta' Jannar 2004 u ħa post il-proċeduri twal għall-estradizzjoni li kienu jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Irlanda f'Ottubru 2020, lill-Awstrija f'Diċembru 2020, lill-Ungerija f'Ġunju 2021 u lill-Kroazja f'Settembru 2021. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Awstrija u lill-Ungerija f'Novembru 2023. Wara li analizzat il-liġi emendatorja l-ġdida adottata mill-Irlanda u mill-Kroazja, il-Kummissjoni kkonkludiet li tfaċċaw ilmenti ġodda, minbarra dawk li jinsabu fl-ewwel ittra ta' intimazzjoni. L-Irlanda ttrasponiet b'mod skorrett id-dispożizzjoni relatata mad-deċiżjonijiet mogħtija in absentia, mad-determinazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti, mas-sitwazzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni, u mal-obbligu internazzjonali f'kompetizzjoni. Il-Kroazja ttrasponiet b'mod skorrett id-dispożizzjonijiet relatati mal-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f'każijiet partikolari u mas-sitwazzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni. L-Ungerija naqset milli tittrasponi bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi internazzjonali f'kompetizzjoni u milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet għar-rifjut, is-sentenzi mogħtija in absentia u s-sitwazzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni. L-Awstrija naqset milli tittrasponi d-dispożizzjonijiet dwar il-privileġġi u l-immunitajiet bis-sħiħ u milli tittrasponi d-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet fakultattivi għar-rifjut b'mod korrett. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Irlanda u lill-Kroazja u opinjonijiet motivati lill-Awstrija u lill-Ungerija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati lill-Irlanda u lill-Kroazja kif ukoll li tressaq lill-Awstrija u lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVAKKJA biex tittrasponi r-regoli tal-UE dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest b'mod korrett
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lis-Slovakkja (INFR(2023)2008) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE). L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva kienet dik tas-27 ta' Novembru 2016. Id-Direttiva hija waħda mis-sitt Direttivi li jiffurmaw il-qafas legali tal-UE dwar l-istandards minimi komuni għall-proċessi ġusti u li jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed. Issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin, u b'hekk tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f'materji kriminali. Fl-opinjoni motivata addizzjonali tal-lum, il-Kummissjoni tqajjem in-nuqqasijiet fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta tal-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet proċedurali u tad-derogi mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja f'Ġunju 2023 u opinjoni motivata f'Novembru 2023. Filwaqt li xi wħud min-nuqqasijiet ġew solvuti minn dak iż-żmien 'l hawn, l-emendi li għadhom kif ġew introdotti fil-liġi fis-Slovakkja, speċifikament dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' persuna suspettata, iqajmu tħassib ġdid. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lill-ESTONJA biex tittrasponi r-regoli biex jipproteġu lill-persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Estonja (INFR(2024)0033) talli naqset milli tikkomunika l-miżuri dwar l-istabbiliment ta' kanali ta' rappurtar interni minn kumpaniji ta' daqs medju, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (id-Direttiva (UE) 2019/1937). Fost obbligi oħra, id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji privati b' 50 ħaddiem jew aktar jistabbilixxu kanali u proċeduri għar-rappurtar intern li permezz tagħhom l-impjegati tagħhom ikunu jistgħu jirrappurtaw dwar ksur tar-regoli tal-UE b'mod kunfidenzjali. L-iskadenza biex l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri kienet is-17 ta' Diċembru 2023. F'Jannar 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja talli naqset milli tikkomunika l-miżuri rilevanti ta' traspożizzjoni. L-Estonja nnotifikat id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' traspożizzjoni però dewmet id-dħul fis-seħħ tagħhom sal-1 ta' Jannar 2025. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Estonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tieħu l-passi li jmiss kontra r-RENJU UNIT, biex jikkonforma mad-dritt tal-UE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom, filwaqt li jiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ*
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata (INFR(2020)2202) lir-Renju Unit dwar in-nuqqas tiegħu li jikkonforma mad-dritt tal-UE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom. Il-Kummissjoni jidhrilha li kien hemm diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jkomplu jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-ħruġ. Dan jikkonċerna b'mod speċifiku d-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (l-Artikolu 21 tat-TFUE), tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 45 tat-TFUE) u tal-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE) kif ukoll tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu tal-2004. F'dan il-kuntest, f'Mejju 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit. Wara li qieset tweġibitha, il-Kummissjoni sabet li diversi punti għadhom ma ġewx indirizzati, b'mod partikolari l-elementi li jikkonċernaw liċ-ċittadini tal-UE jew lill-membri tal-familja tagħhom (eż. it-tfal f'kustodja legali jew il-membri tal-familja estiża) li jeżerċitaw id-drittijiet tal-moviment liberu li għandhom ikunu benefiċċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Ir-Renju Unit issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Permezz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ il-Kummissjoni tista' tkompli bil-każ ta' ksur li tkun bdiet qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fir-rigward tad-dritt tar-Renju Unit kif kien fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq liċ-ĊEKJA u lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett ir-regoli dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq liċ-Ċekja (INFR(2021)2107) u lill-Ungerija (INFR(2021)2137) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE) b'mod korrett. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva kienet dik tas-27 ta' Novembru 2016. Fit-23 ta' Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja fejn ikkonkludiet li ċerti miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni nnotifikati miċ-Ċekja ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Fit-28 ta' Settembru 2023, il-Kummissjoni tat segwitu permezz ta' opinjoni motivata. Wara li analizzat it-tweġibiet taċ-Ċekja, il-Kummissjoni ssostni li waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tad-derogi possibbli mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat ma ġietx trasposta fid-dritt nazzjonali b'mod korrett. Fir-rigward tal-Ungerija, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni fit-12 ta' Novembru 2021 u fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kummissjoni tat segwitu permezz ta' opinjoni motivata. Wara li analizzat it-tweġibiet tal-Ungerija, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni tagħha, kif notifikata lill-Kummissjoni, għadha ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li d-derogi mid-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat minħabba il-ħtiġijiet investigattivi u r-rinunzja tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat mhumiex trasposti b'mod korrett. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq liċ-Ċekja u lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa għall-Ungerija u fl-istqarrija għall-istampa għaċ-Ċekja.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA quddiem il-Qorti talli naqset milli tittrasponi r-regoli dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali b'mod korrett
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2021)2098) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar id-Dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (id-Direttiva 2012/13/UE) b'mod korrett. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva kienet dik tat-2 ta' Ġunju 2014. Fit-23 ta' Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva b'mod korrett fid-dritt nazzjonali tagħha. Fit-28 ta' Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata li ttenni l-ilmenti li jinsabu fl-ittra ta' intimazzjoni. Il-Bulgarija ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib tal-Kummissjoni bħat-traspożizzjoni skorretta tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għall-persuni suspettati de facto li wettqu reat kriminali, id-dritt għall-informazzjoni dwar il-jeddijiet, id-dritt għal Ittra tad-Drittijiet fil-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u d-dritt ta' aċċess għall-materjali tal-każ. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
4. Enerġija
(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661; Ana Crespo-Parrondo – Tel. + 32 229 81325)
Ittra ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Ungerija biex ma twaqqax il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-arbitraġġi intra-UE skont it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u biex tikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)2206) talli waqqgħet il-pożizzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali fir-rigward tal-projbizzjoni tal-arbitraġġi intra-UE bejn l-investituri u l-Istat relatati mat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE), u talli marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fis-26 ta' Ġunju 2024, l-Unjoni u 26 Stat Membru ffirmaw Dikjarazzjoni dwar il-konsegwenzi legali tas-sentenzaKomstroy, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-klawżola ta' arbitraġġ tat-TKE mhijiex applikabbli għat-tilwim bejn Stat Membru u investitur minn Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru. Din id-Dikjarazzjoni kkomplementat ftehim konkluż dakinhar stess li jiċċara l-pożizzjoni tal-Unjoni li kienet ilha stabbilita li l-klawżola ta' arbitraġġ prevista fit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma tapplikax — u qatt ma applikat — fir-relazzjonijiet bejn investitur tal-UE u pajjiż tal-UE, jew l-Unjoni. Dakinhar stess, l-Ungerija adottat dikjarazzjoni unilaterali li ssostni li s-sentenza Komstroy tapplika biss għall-proċedimenti fil-ġejjieni ta' arbitraġġ intra-UE bejn l-investituri u l-Istat. Id-dikjarazzjoni unilaterali tagħha ssostni wkoll li dan l-effett għall-ġejjieni se jibda biss ladarba t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jkun ġie emendat.
Skont il-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni unilaterali tal-Ungerija tmur kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tat-tribunali tal-arbitraġġ u tal-qrati tal-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, meta tesprimi pożizzjoni unilaterali u differenti pubblikament, l-Ungerija tkun qiegħda tikser id-dmir tal-kooperazzjoni sinċiera minqux fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirrikjedi li l-Istati Membri joqogħdu lura milli jwaqqgħu l-pożizzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. Barra minn hekk, billi tikkontradixxi interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti, l-Ungerija tidher li ma tħarisx in-natura finali, awtorevoli u vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-prinċipji huma minquxa fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 267 u 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-prinċipji ġenerali ta' awtonomija, ta' primazija, ta' effettività, u ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.
Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija. L-Ungerija issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
5. Impjiegi u drittijiet soċjali
(Għal aktar informazzjoni: Veerle Nuyts – Tel.: +32 229 96302; Ignazio Cocchiere – Tel.: +32 229 82261)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA biex tevita kundizzjonijiet ta' impjieg diskriminatorji fl-iskejjel pubbliċi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2024)4013) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett fid-dritt nazzjonali d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien fiss. Il-liġi Griega fiha kundizzjonijiet ta' impjieg inqas favorevoli għall-għalliema għal żmien fiss li jaħdmu fl-iskejjel pubbliċi meta mqabbla mal-għalliema permanenti, pereżempju fir-rigward tal-liv tal-maternità u l-liv tal-mard. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil SPANJA biex tneħħi l-kundizzjonijiet ta' impjieg diskriminatorji fis-settur pubbliku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat it-tieni ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lil Spanja (INFR(2014)4224) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett fid-dritt nazzjonali d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien fiss. Il-liġi Spanjola fiha kundizzjonijiet ta' impjieg inqas favorevoli (bħad-drittijiet tal-liv) għall-impjegati għal żmien fiss li jaħdmu fis-settur pubbliku Spanjol meta mqabbla mal-impjegati permanenti. Skont il-Kummissjoni, dan jirrappreżenta diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-UE, u għalhekk fetħet din il-proċedura ta' ksur fl-2014. Filwaqt li Spanja emendat ir-regoli minn dak iż-żmien 'l hawn, għad hemm kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni. Fit-tieni ittra ta' intimazzjoni addizzjonali tagħha, il-Kummissjoni tindirizza d-differenzi fit-trattament fir-rigward tal-kalkolu tal-anzjanità, tad-dritt għal xi tipi ta' liv jew tal-aċċess għall-perkorsi tal-karriera. Spanja issa għandha xahrejn biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-benefiċċji tal-familja
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja (INFR(2023)2097) talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (ir-Regolament (KE) 883/2004) u dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 u mal-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Skont il-leġiżlazzjoni Griega, huma biss iċ-ċittadini tal-UE li ilhom jgħixu għal mill-inqas 5 snin flimkien ma' wliedhom fil-Greċja li huma eliġibbli biex japplikaw għall-benefiċċji tal-familja. Barra minn hekk, dawk li mhumiex ċittadini tal-UE, li huma koperti mir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (pereżempju minħabba li ċċaqalqu lejn il-Greċja minn Stat Membru ieħor tal-UE), jistgħu japplikaw biss għall-benefiċċji tal-familja wara li jkunu residenti fil-Greċja għal mill-inqas 12-il sena. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-leġiżlazzjoni hija diskriminatorja u tikser id-dritt tal-UE. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jipprojbixxu li jkun hemm xi rekwiżit ta' residenza biex wieħed jirċievi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħall-allowance tal-familja. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA, lill-KROAZJA, lin-NETHERLANDS, lill-IŻVEZJA u lis-SLOVENJA biex jinkorporaw l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà fid-dritt nazzjonali tagħhom
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Ġermanja (INFR(2022)0295), lill-Kroazja (INFR(2022)0306), lill-Iżvezja (INFR(2022)0322) u lis-Slovenja (INFR(2022)0324), kif ukoll opinjoni motivata addizzjonali lin- Netherlands (INFR(2022)0315) talli naqsu milli jinkorporaw fid-dritt nazzjonali tagħhom ir-regoli tal-UE dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi għall-persuna b'diżabbiltà (id-Direttiva (UE) 2019/882, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà). Dawn l-Istati Membri, s'issa, ikkomunikaw biss miżuri ta' traspożizzjoni parzjali lill-Kummissjoni. L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jirrikjedi li l-prodotti u s-servizzi ewlenin bħat-telefons, il-kompjuters, il-kotba elettroniċi, is-servizzi bankarji u l-komunikazzjoni elettronika jkunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà. Dan se jgħin biex tiżdied il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, inkluż fl-edukazzjoni u fl-impjieg, kif ukoll biex ikun hemm aktar awtonomija u opportunitajiet ta' mobbiltà tal-persuni b'diżabbiltà, li jirrappreżentaw aktar minn 100 miljun ċittadin Ewropew. In-negozji u s-servizzi jridu jiżguraw li jkunu jikkonformaw ma' sett ta' rekwiżiti komuni ta' aċċessibbiltà tal-UE sal-2025. F'Lulju 2022, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 24 Stat Membru u f'April 2023 lil tliet Stati Membri oħra talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva bis-sħiħ. F'Lulju 2023, il-Kummissjoni tat segwitu b'opinjonijiet motivati lil ħames Stati Membri għan-nuqqas kontinwu li jinnotifikaw kwalunkwe miżura ta' traspożizzjoni. Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Ġermanja, lill-Kroazja, lill-Iżvezja u lis-Slovenja, u opinjoni motivata addizzjonali lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tinkorpora l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà fid-dritt nazzjonali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2022)0290) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tinkorpora fid-dritt nazzjonali tagħha l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (id-Direttiva (UE) 2019/882 dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi għall-persuni b'diżabbiltà). Minkejja t-tħabbira li saret biex tipproponi abbozz ta' liġi li jittrasponi l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà u li tressqu lill-Assemblea Nazzjonali f'Diċembru 2023, il-Bulgarija għadha ma għamlet l-ebda notifika formali s'issa. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għadu ma ġiex inkorporat fid-dritt nazzjonali Bulgaru. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-ĠERMANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema mobbli tal-UE li jirċievu l-benefiċċji tal-familja
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ġermanja (INFR(2021)4039) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tħares id-drittijiet tal-ħaddiema mobbli minn Stati Membri oħra tal-UE fir-rigward tal-ammont ta' benefiċċji tal-familja mogħtija lilhom. Dan in-nuqqas li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli jikkostitwixxi diskriminazzjoni u ksur tal-liġi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (ir-Regolament (KE) Nru 883/2004) u dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 u l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).
Fl-2018, il-Bavarja introduċiet skema ġdida ta' allowances tal-familja għar-residenti tal-Bavarja bi tfal żgħar (sa 3 snin). Skont din l-iskema, iċ-ċittadini tal-UE li wliedhom jgħixu fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa inqas minn dak tal-Bavarja jirċievu biss ammont imnaqqas tal-benefiċċju. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-ITALJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ħaddiema mobbli tal-UE li jirċievu l-benefiċċji tal-familja
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Italja (INFR(2022)0322) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tħares id-drittijiet tal-ħaddiema mobbli minn Stati Membri oħra tal-UE fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja mogħtija lilhom. Dan in-nuqqas li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli jikkostitwixxi diskriminazzjoni u ksur tal-liġi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (ir-Regolament (KE) Nru 883/2004) u dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 u l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). F'Marzu 2022, l-Italja introduċiet skema ġdida ta' allowances tal-familja għall-ulied dipendenti (“Assegno unico e universale per i figli a carico”). Skont din l-iskema, il-ħaddiema li ma jirrisjedux għal mill-inqas sentejn fl-Italja, jew li wliedhom ma jirrisjedux fl-Italja, mhumiex eliġibbli biex jirċievu l-benefiċċju. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
6. Servizzi finanzjarji
(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel: +32 229 88170; Marta Pérez-Cejuela – Tel.: +32 229 63770)
Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA biex tiggarantixxi l-libertajiet tas-suq intern fl-iskemi supplimentari nazzjonali tal-pensjoni
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2024)4009) fir-rigward ta' ċerti restrizzjonijiet introdotti mir-regoli nazzjonali għall-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali u personali. Il-projbizzjoni imposta minn Spanja fuq il-kontribuzzjoni għall-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali u personali li jaqbżu l-ammonti massimi deduċibbli għall-finijiet tat-taxxa jistgħu jidħlu f'kunflitt mal-moviment liberu tal-ħaddiema, tas-servizzi, tal-kapital u mad-dritt ta' stabbiliment iggarantit skont it-Trattati. Filwaqt li l-proċedura ta' ksur tindirizza din il-projbizzjoni peress li tista' tikkostitwixxi ostaklu fis-Suq Uniku u tillimita bla bżonn l-aċċess għall-pensjonijiet supplimentari, hija ma tikkontestax l-ammonti deduċibbli mit-taxxa. Barra minn hekk, il-fatt li Spanja tippermetti trasferimenti individwali domestiċi iżda mhux transfruntiera tad-drittijiet tal-pensjoni fl-iskemi supplimentari tal-pensjoni jista' wkoll imur kontra l-libertajiet tas-suq intern. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tittrasponi b'mod korrett fid-dritt nazzjonali d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija (INFR(2023)2098) talli ttrasponiet b'mod skorrett id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. L-ewwel ittra ta' intimazzjoni mibgħuta lill-Ungerija f'Settembru 2023 kellha x'taqsam mal-liċenzjar tal-fornituri tas-servizzi tal-assi virtwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni issa hija tal-fehma li l-qafas legali Ungeriż lanqas ma jiżgura l-kompletezza tar-Reġistru tas-Sjieda Benefiċjarja Nazzjonali billi ma jinkludix fondi ta' ekwità privata fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Ir-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-iskandli riċenti dwar il-ħasil tal-flus ħarġu fid-dieher il-ħtieġa ta' regoli aktar stretti fil-livell tal-UE. Il-lakuni leġiżlattivi li jkun hemm fi Stat Membru wieħed iħallu impatt fuq l-UE kollha. Għalhekk ir-regoli tal-UE għandhom jiġu implimentati u sorveljati b'mod effiċjenti sabiex tissokta l-ġlieda kontra l-kriminalità u titħares is-sistema finanzjarja tagħna. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil 9 Stati Membri biex ilestu t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-emendi tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2024)2175), lil Spanja (INFR(2024)2178), lill-Italja (INFR(2024)2179), lil Ċipru (INFR(2024)2176), lil-Litwanja(INFR(2024)2180), lill-Awstrija (INFR(2024)2174), lill-Polonja (INFR(2024)0036), lill-Portugall (INFR(2024)2185) u lis-Slovakkja (INFR(2024)2186) talli naqsu milli jittrasponu kompletament l-emendi tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (id-Direttiva 2014/59/UE, “BRRD”) introdotta bir-Regolament (UE) 2022/2036, li jikkonċerna t-trattament prudenzjali tal-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u l-kapaċità tal-assorbiment tat-telf u tar-rikapitalizzazzjoni tal-gruppi bankarji. Il-bidliet li ġab miegħu r-Regolament (UE) 2022/2036 għall-BRRD huma importanti biex jiġi żgurat allinjament sħiħ fl-UE mal-istandards tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja dwar il-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC, Total Loss Absorbing Capacity) għall-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs, global systemically important institutions). B'mod partikolari, il-bidliet huma meħtieġa biex jirriflettu kif suppost l-esponiment tal-G-SIIs tal-UE għas-sussidjarji tagħhom li jinsabu f'pajjiżi terzi u biex ikomplu jtejbu l-kapaċità tal-akbar gruppi bankarji tal-UE li jifilħu għax-xokkijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-bidliet għandhom jiksbu armonizzazzjoni sħiħa tat-trattament prudenzjali tar-riżorsi interni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-entitajiet intermedji fi grupp bankarju, li huwa importanti għar-riżolvibbiltà tal-banek. Fin-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' dawn il-miżuri tekniċi iżda importanti, mhux se jkun possibbli li jinkiseb il-livell meħtieġ ta' armonizzazzjoni fil-qafas unifikat tal-UE għas-settur bankarju. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, lil Spanja, lill-Italja, lil Ċipru, lil-Litwanja, lill-Awstrija, lill-Polonja, lill-Portugall u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil SPANJA u lill-PORTUGALL biex ilestu l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2024)2187) u lill-Portugall (INFR(2024)2188) talli naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli dwar il-penali amministrattivi u l-miżuri l-oħra applikabbli għall-ksur tar-Regolament dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (ir-Regolament (UE) 2019/1238). Il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew huwa skema tal-pensjoni personali volontarja li toffri lill-konsumaturi għażla pan-Ewropea biex ifaddlu għall-irtirar. Dan it-tip ta' prodott huwa mfassal biex jagħti lil min ifaddal aktar għażla u jipprovdilu prodotti aktar kompetittivi, filwaqt li jgawdi minn protezzjoni qawwija tal-konsumatur. Jista' jiġi offrut minn firxa wiesgħa ta' fornituri finanzjarji bħall-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-maniġers tal-assi, il-banek, ċerti ditti tal-investiment u ċerti fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali. Il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-IŻVEZJA biex tagħti s-setgħa lill-Awtorità Żvediża għas-Sorveljanza Finanzjarja li tipprojbixxi l-kummerċ f'suq regolat f'każ ta' ksur tad-Direttiva dwar it-Trasparenza
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja (INFR(2024)4015) talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar it-Trasparenza (id-Direttiva 2004/109/KE) b'mod korrett peress li ma tagħtix is-setgħa lill-Awtorità Żvediża għas-Sorveljanza Finanzjarja li tipprojbixxi l-kummerċ f'suq regolat jekk issib jew jekk ikollha raġunijiet raġonevoli biex tissuspetta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, jew tal-liġi nazzjonali adottata f'konformità magħha, ikunu nkisru. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tistabbilixxi r-regoli għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni perjodika u kontinwa minn kumpaniji elenkati fis-swieq regolati tal-UE. L-Istati Membri huma meħtieġa jinnominaw awtorità amministrattiva kompetenti ċentrali responsabbli biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet adottati skont id-Direttiva jiġu applikati. Din tirrikjedi wkoll li kull awtorità kompetenti jkollha s-setgħat kollha meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-IŻVEZJA biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli l-ġodda għar-rappurtar tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mill-kumpaniji introdotti mid-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja (INFR(2024)2195) talli naqset milli tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà, mad-Direttiva dwar it-Trasparenza, u mad-Direttiva dwar l-Awditjar kif emendata bid-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD, Corporate Sustainability Reporting Directive). Is-CSRD tintroduċi regoli ġodda għar-rappurtar tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mill-kumpaniji. Dawn ir-regoli japplikaw mis-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Jannar 2024 jew wara, skont id-daqs tal-kumpanija. Il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni adottati mill-Iżvezja jirrikjedu li l-kumpaniji jibdew jirrappurtaw l-informazzjoni għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Lulju 2024 jew wara. Dan mhuwiex fi qbil mad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà peress li l-Iżvezja dewmet l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' rappurtar dwar is-sostenibbiltà b'nofs sena. Bl-introduzzjoni ta' dan id-dewmien, l-Iżvezja tirriskja li toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi bejn il-kumpaniji tal-UE fi Stati Membri differenti.
Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lil 12-il Stat Membru biex ilestu t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR(2024)0006), lill-Bulgarija (INFR(2024)0013), lil Spanja (INFR(2024)0047), lill-Italja (INFR(2024) 0074), lil Ċipru (INFR(2024)001), lil-Litwanja (INFR(2024)0079), lill-Ungerija (INFR(2024)0067), lin-Netherlands (INFR(2024)0103), lill-Awstrija (INFR(2024)0000), lill-Polonja (INFR(2024)0111), lill-Portugall (INFR(2024)0117) u lill-Finlandja (INFR(2024)0059), għat-traspożizzjoni mhux kompluta tad-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu.
L-objettiv ewlieni tad-Direttiva 2021/2167 huwa li tippermetti lis-servizzjanti tal-kreditu u lix-xerrejja tal-kreditu joperaw fuq l-iskala tal-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li tissalvagwardja bis-sħiħ id-drittijiet tal-mutwatarji. Id-Direttiva tirrikjedi, pereżempju, li x-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jaġixxu in bona fide u b'mod ġust u professjonali mal-mutwatarji kif ukoll jikkomunikaw magħhom b'mod li ma jikkostitwix fastidju, koerċizzjoni jew influwenza indebita.
Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju, lill-Bulgarija, lil Spanja, lill-Italja, lil Ċipru, lil-Litwanja, lil-Ungerija, lin-Netherlands, lill-Awstrija, lill-Polonja, lill-Portugall u lill-Finlandja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
7. Tassazzjoni u Unjoni Doganali
(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel: +32 229 88170; Saul Goulding – Tel.: +32 229 64735)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lin-Netherlands biex jallinjaw ir-regoli tagħhom dwar it-tassazzjoni tal-fondi ta' investiment mad-dritt tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands (INFR(2024)4017), talli naqsu milli jestendu l-iskema Netherlandiża għat-tnaqqis tal-imposta tat-taxxa għall-fondi ta' investiment barranin, li huma komparabbli mal-fondi ta' investiment domestiċi. Il-liġi Netherlandiża tipprevedi tnaqqis tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa mill-fondi ta' investiment fuq id-dividendi li jirċievu mill-kumpaniji li fihom għandhom l-ishma billi tikkumpensa t-taxxa mħallsa mill-kumpanija Netherlandiża li tiddistribwixxi d-dividendi. Dan it-tnaqqis jingħata minħabba t-taxxa dovuta fuq id-dividendi (u t-taxxi barranin simili). Għall-kuntrarju tal-fondi ta' investiment Netherlandiżi, il-fondi ta' investiment barranin ma jistgħux jikkumpensaw it-taxxa fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpaniji Netherlandiżi fuq id-dividendi li jiddistribwixxu u li l-fondi ta' investiment barranin sussegwentement jiddistribwixxu mill-ġdid lill-investituri tagħhom stess. Għalhekk, l-iskema Netherlandiża għat-tnaqqis tal-imposta tat-taxxa tagħmilha inqas attraenti għall-fondi ta' investiment barranin li jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-investituri Netherlandiżi u li jinvestu f'ishma tal-kumpaniji residenti Netherlandiżi. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-iskema tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital li fil-prinċipju huwa pprojbit mill-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea minħabba li l-iskema Netherlandiża toħloq differenza fit-trattament għad-detriment tal-fondi ta' investiment ta' Stati Membri oħra tal-UE u tal-Istati taż-ŻEE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU biex jelimina l-kundizzjonijiet diskriminatorji għall-eżenzjoni mit-taxxa tar-remunerazzjoni li tiġi rċevuta mid-depożiti tat-tfaddil
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Belġju (INFR(2015)4212) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ħalliet kundizzjonijiet diskriminatorji għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tar-remunerazzjoni riċevuta mid-depożiti tat-tfaddil. Il-Kummissjoni jidhrilha li s-sistema Belġjana ta' eżenzjoni mit-taxxa applikabbli għall-introjtu mid-depożiti tat-tfaddil timponi kundizzjonijiet diskriminatorji għall-aċċess għas-suq bankarju Belġjan fuq il-fornituri tas-servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea u, għalhekk, tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat il-ksur tal-libertà msemmija hawn fuq mil-liġi Belġjana fit-8 ta' Ġunju 2017 u fis-27 ta' Marzu 2023 wara l-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Belġju f'Lulju 2023. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
8. Mobbiltà u Trasport
(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Anna Wartberger – Tel.: +32 229 82054)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lil 17-il Stat Membru biex japplikaw l-iskema ta' prestazzjoni u ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2024)2075), liċ-Ċekja (INFR(2024)2026), lid-Danimarka (INFR(2024)2086), lill-Estonja (INFR(2024)2087), lill-Irlanda (INFR(2024)2090), lil Spanja (INFR(2024)2088), lill-Kroazja (INFR(2024)2024), lill-Italja (INFR(2024)2091), lil-Latvja (INFR(2024)2092), lill-Ungerija (INFR(2024)2076), lil Malta (INFR(2024)2093), lill-Awstrija (INFR(2024)2085), lill-Polonja (INFR(2024)2027), lill-Portugall (INFR(2024)2094), lir-Rumanija (INFR(2024)2095), lis-Slovakkja (INFR(2024)2028), u lill-Finlandja (INFR(2024)2089) talli naqsu milli japplikaw b'mod korrett ċerti dispożizzjonijiet tal-iskema ta' prestazzjoni u ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SES, Single European Sky). Ir-Regolamenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 u r-Regolament (KE) Nru 550/2004) jirrikjedu li l-Istati Membri jallokaw kostijiet komuni bejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru bejn ir-rotta u t-terminal b'mod proporzjonali abbażi ta' metodoloġija trasparenti. Fil-pjanijiet ta' prestazzjoni tagħhom, l-Istati Membri jridu jinkludu wkoll skemi ta' inċentivi biex jappoġġaw l-ilħuq tal-miri ta' prestazzjoni. Il-kwistjonijiet identifikati jikkonċernaw il-livell jew l-allokazzjoni mhux xierqa tal-kostijiet imposti fuq il-linji tal-ajru kif ukoll l-inċentivi finanzjarji insuffiċjenti għall-fornituri tas-servizzi. L-implimentazzjoni skorretta tar-regoli tal-UE għandha impatt mhux biss fuq id-dħul tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru iżda wkoll fuq il-livell tal-imposti mħallsa mil-linji tal-ajru, bħala klijenti ta' dawk il-fornituri tas-servizzi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil dawn is-17-il Stat Membru, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA u lil-LUSSEMBURGU biex jistabbilixxu reġim effettiv ta' sanzjonijiet għall-Ajru Uniku Ewropew
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2024)2190) u lil-Lussemburgu (INFR(2024)2191) talli naqsu milli jistabbilixxu reġim ta' sanzjonijiet effettiv u proporzjonat li jkopri l-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004. Fl-Italja, ir-reġim ta' sanzjonijiet ma jinkludi bis-sħiħ la l-proġetti komuni u lanqas l-iskema ta' prestazzjoni u ta' imposti. Fil-Lussemburgu, ir-reġim ma jkoprix lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, lil partijiet ikkonċernati oħra tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM, air traffic management) jew il-proġetti komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja u lil-Lussemburgu, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE
Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA u lill-IŻVEZJA biex ilaħħqu mal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija (INFR(2023)2054) u lill-Iżvezja (INFR(2023)2060) talli naqsu milli jimplimentaw is-soluzzjonijiet tekniċi previsti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/116). Iż-żewġ Stati Membri pprovdew informazzjoni addizzjonali fit-tweġiba tagħhom għall-ittra ta' intimazzjoni inizjali mibgħuta mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2023. Wara li evalwat mill-ġdid l-istat ta' implimentazzjoni fiż-żewġ Stati Membri, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien għad hemm tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija u lill-Iżvezja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA, lill-KROAZJA, lill-UNGERIJA u lill-AWSTRIJA biex iħarsu r-regoli tal-UE dwar il-votazzjoni fil-Kummissjoni tad-Danubju
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Ġermanja (INFR(2022)0246), lill-Kroazja (INFR(2022)0247), lill-Ungerija (INFR(2022)0248) u lill-Awstrija (INFR(2022)0245) talli naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont it-trattati tal-UE meta jiġu biex jadottaw, fi ħdan il-Kummissjoni tad-Danubju, ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw ir-regoli tal-UE jew ibiddlu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Matul is-sessjoni plenarja tal-14 ta' Diċembru 2021, dawn il-pajjiżi vvutaw favur deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ekwipaġġ tal-bastimenti, li taqa' taħt id-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna (id-Direttiva (UE) 2017/2397) u d-Direttiva dwar il-miżuri ta' tranżizzjoni għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-pajjiżi terzi (id-Direttiva (UE) 2021/1233). Huma ma kinux awtorizzati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk kienu qed jiksru l-kompetenza esterna esklużiva tal-UE u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Fil-15 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet avviżi formali lil dawn l-Istati Membri, li kkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tweġibiethom fil-15 ta' Novembru 2022. Wara li kkunsidrat l-argumenti tagħhom, il-Kummissjoni ssostni li l-Ġermanja, il-Kroazja, l-Ungerija u l-Awstrija kisru l-Artikolu 4(3) tat-TUE dwar il-kooperazzjoni ġusta, l-Artikolu 3(2) tat-TFUE dwar il-kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali, u l-Artikolu 218(9) tat-TFUE dwar il-proċedura għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' ftehim. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja, lill-Kroazja, lill-Ungerija u lill-Awstrija, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
9. Ekonomija diġitali
(Għal aktar informazzjoni: Thomas Regnier — Tel.: +32 229 91099; Patricia Poropat – Tel. +32 2 298 04 85)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU, lil SPANJA, lill-KROAZJA, lil-LUSSEMBURGU, lin-NETHERLANDS, u lill-IŻVEZJA biex jikkonformaw mal-Att tal-UE dwar is-Servizzi Diġitali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2024)2164), lil Spanja (INFR(2024)2165), lill-Kroazja (INFR(2024)2166), lil-Lussemburgu (INFR(2024)2168), lin-Netherlands (INFR(2024)2163) u lill-Iżvezja (INFR(2024)2169). Dawk l-Istati Membri jew ma nnominawx l-awtoritajiet kompetenti, l-hekk imsejħa Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, biex jimplimentaw l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, jew inkella ma tawx is-setgħa lil dawn l-awtoritajiet biex iwettqu l-kompiti meħtieġa mill-Att, jew it-tnejn li huma. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu l-għan li jagħmel l-ispazju online aktar sikur. L-Istati Membri kellhom sas-17 ta' Frar 2024 biex jinnominaw dawn l-awtoritajiet skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jissorveljaw l-intermedjarji online (bħall-pjattaformi online) stabbiliti fit-territorji tagħhom u huma l-ewwel punt ta' kuntatt għaċ-ċittadini u għan-negozji biex isolvu l-ilmenti relatati magħhom. L-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjonijiet motivati.
Il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA biex tikkonforma mal-Att tal-UE dwar il-Governanza tad-Data
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2024)2189) peress li ma nnominatx lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw l-Att dwar il-Governanza tad-Data. L-Att dwar il-Governanza tad-Data jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data bejn is-setturi u bejn il-pajjiżi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kumpaniji. Dan iżid il-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data billi jistabbilixxi r-regoli għan-newtralità tal-intermedjarji tad-data, jistimula l-kondiviżjoni volontarja tad-data u jiffaċilita l-użu mill-ġdid ta' ċerta data miżmuma mis-settur pubbliku. Dan ilu japplika mill-24 ta' Settembru 2023. L-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data (permezz tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data iċ-ċittadini u n-negozji jagħtu l-kunsens/il-permess tagħhom biex id-data li jiġġeneraw issir disponibbli għall-objettivi ta' interess ġenerali, pereżempju, il-proġetti ta' riċerka medika) u tan-notifika tal-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data. L-Irlanda għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tikkonforma mal-libertà li tipprovdi servizzi moqrija flimkien mad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2017)4092) minħabba li l-liġi Taljana dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati qed tikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif definit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mad-Direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur (id-Direttiva 2014/26/UE). Il-Kummissjoni qiegħda tappella lill-Italja biex tindirizza l-esklużjoni ġenerali tagħha tal-entitajiet ta' mmaniġġjar indipendenti milli jipprovdu servizzi ta' intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja. Deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea enfasizzat li l-leġiżlazzjoni Taljana tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li teskludi l-entitajiet ta' mmaniġġjar indipendenti minn Stati Membri oħra milli jipprovdu s-servizzi ta' mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja. L-Italja issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 29 Lulju 2024
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta