
Tliet snin ilu r-Russja bdiet il-gwerra ta' aggressjoni illegali u fuq skala sħiħa kontra l-Ukrajna. Il-gwerra brutali tar-Russja qed timmira apposta fuq l-infrastruttura ċivili u kritika. Il-poplu Ukren wera qlubija fid-difiża tal-pajjiż tiegħu u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali. Aħna nagħtu ġieħ lil dawk kollha li taw ħajjithom u li tilfu l-maħbubin tagħhom għall-indipendenza u l-libertà tal-Ukrajna.
Ir-Russja u t-tmexxija tagħha waħedhom iġorru r-responsabbiltà għal din il-gwerra u l-atroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni Ukrena. Aħna nkomplu nappellaw għall-akkontabbiltà għal kull reat tal-gwerra u delitt tal-gwerra li twettaq. Nilqgħu l-passi reċenti li saru lejn it-twaqqif ta’ Tribunal Speċjali għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna.
L-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha aġixxew malajr u uniti biex jappoġġaw lill-Ukrajna. L-Unjoni Ewropea pprovdiet assistenza ekonomika, umanitarja, finanzjarja u militari lill-Ukrajna ta’ EUR 135 biljun, li minnhom EUR 48.7 biljun kienu assistenza militari. L-Unjoni Ewropea se tkompli tipprovdi lill-Ukrajna b’appoġġ finanzjarju regolari u prevedibbli, inkluż ir-rikostruzzjoni tal-pajjiż wara l-gwerra.
Ir-Russja u n-nies tagħha qed iħallsu prezz għall-azzjonijiet tal-mexxej tagħhom. Flimkien ma’ sħabna, imponejna sanzjonijiet mingħajr preċedent kontra r-Russja u dawk kompliċi fil-gwerra, u nibqgħu lesti li nżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex nillimitaw l-abbiltà tagħha li tmexxi gwerra. Diġà qegħdin nużaw il-profitt mhux mistenni mill-assi ffriżati Russi biex nappoġġaw l-industrija tad-difiża u l-irkupru tal-enerġija tal-Ukrajna. Illum, adottajna s-sittax-il pakkett ta' sanzjonijiet biex inkomplu nżidu l-pressjoni kollettiva fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra ta' aggressjoni tagħha.
Fl-istess ħin, ħadna azzjonijiet mingħajr preċedent fil-livell tal-UE biex nintensifikaw il-produzzjoni fl-industrija Ewropea tad-difiża, u se nkomplu nżidu l-kapaċità tagħna. Dan se jippermettilna nintensifikaw l-appoġġ u l-kooperazzjoni militari mal-Ukrajna waqt li nsaħħu l-istat ta' tħejjija fir-rigward tad-difiża tagħna u s-sovranità Ewropea.
L-Ukrajna hija parti mill-familja Ewropea tagħna. L-Ukreni esprimew ix-xewqa tagħhom għal futur fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Aħna dan irrikonoxxejnieh billi tajna l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna u nedejna n-negozjati tal-adeżjoni. L-Ukrajna għamlet progress sinifikanti fir-riformi relatati mal-adeżjoni fl-iktar ċirkostanzi diffiċli. Diġà qed nintegraw lill-Ukrajna fis-suq uniku Ewropew. Il-futur tal-Ukrajna u taċ-ċittadini tagħha huwa fl-Unjoni Ewropea.
F’ambjent internazzjonali u ġeopolitiku diffiċli, nisħqu fuq l-importanza li nżommu solidarjetà trans-Atlantika u globali mal-Ukrajna. Nenfasizzaw il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali żżomm ruħha ffukata fuq l-appoġġ għall-Ukrajna biex tikseb paċi komprensiva, ġusta u dejjiema, imsejsa fuq il-formula ta' Paċi Ukrena.
Nibqgħu sodi, spalla ma’ spalla mal-Ukrajna, u ntennu li l-paċi, is-sigurtà, u l-ġustizzja se jirbħu.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 Frar 2025
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta