Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 4 Marzu 2021
  • 4 min qari

Ngħaqqdu l-forzi biex nipproteġu l-bijodiversità mad-dinja kollha: Il-Kummissjoni taġixxi biex timpenja aktar sostenituri

protect_biodiversity.jpg
© EU
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ispeċijiet Selvaġġi, il-Kummissjoni għal darb'oħra stiednet lill-istituzzjonijiet dinjin biex isemmgħu leħinhom bil-għan li jirranka l-pass favur in-natura u jgħinu biex jikkonvinċu lill-gvernijiet ikunu ambizzjużi waqt il-Ħmistax-il Laqgħa kruċjali tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika  (CoP 15) iktar tard din is-sena.

Eżattament sena mindu l-Kummissjoni nediet il-Koalizzjoni Dinjija tagħha “Magħqudin għall-Bijodiversità”, 'il fuq 200 istituzzjoni mid-dinja kollha – parks nazzjonali, ċentri tar-riċerka u universitajiet, mużewijiet tax-xjenza u tal-istorja naturali, akkwarji, ġonna botaniċi u żoos – diġà ngħaqdu biex nieħdu ħsieb it-telfien tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni ngħaqdet ukoll mal-Koalizzjoni intergovernattiva ta' Ambizzjoni Kbira (HAC) għan-Natura u għan-Nies, li tnediet waqt is-Summit Pjaneta Waħda f'Jannar ta' din is-sena, fejn attivament qed tappoġġa l-mira li tikkonserva mill-inqas 30% tal-art u l-baħar sal-2030.

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew Frans Timmermans qal: “L-umanità qed teqred in-natura b'rata iktar dejjem iktar mgħaġġla minn qatt qabel, u qed nirriskjaw li nitilfu mal-mijun speċi. Din hija theddida diretta għal saħħitna u l-benessri tagħna, għax aħna niddependu tabilħaqq mill-katina tal-ħajja rikka tal-pjaneta tagħna. Irridu nreġġgħu lura b'urġenza l-bilanċ fir-relazzjoni tagħna man-natura u nġibu lura t-telfien tal-bijodiversità. L-azzjoni tibda bis-sensibilizzazzjoni u l-ħidma li ssir permezz ta' koalizzjonijiet bħal “Magħqudin għall-Bijodiversità” hija kruċjali biex tpoġġi l-ambjent naturali tagħna fi triqtu lejn l-irkupru.”

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius, qal: “Fil-jum Dinji tal-Ispeċijiet Selvaġġi ta' din is-sena, aħna u niċċelebraw l-ewwel anniversarju mit-tnedija tal-Koalizzjoni Dinjija “Magħqudin għall-Bijodiversità”, qed nenfasizzaw ukoll kemm għandna x'nitilfu f'dinja mingħajr natura. Huwa għalhekk li qed naġixxu b'kull mezz possibbli biex ikollna iktar sħab mid-dinja kollha u li qed insejħu lin-nazzjonijiet biex jingħaqdu mal-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira aħna u noqorbu lejn il-CoP 15 deċiżiv.”

Sa mit-tnedija tagħha fl-Istitut Oċeanografiku ta' Monaco eżattament sena ilu, 205 istituzzjoni minn 47 pajjiż approvaw il-wegħda komuni tal-koalizzjoni, filwaqt li talbu lil kulħadd biex jaġixxi – min-negozji sal-muniċipalitajiet, miċ-ċittadini sal-gvernijiet. Il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid l-għadd tal-organizzazzjonijiet parteċipanti għal aktar minn 500.

Bil-kollezzjonijiet, bil-programmi ta' edukazzjoni u ta' konservazzjoni tagħhom, dawn l-istituzzjonijiet li jiffurmaw parti mill-koalizzjoni dinjija huma ambaxxaturi importanti biex jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar l-effetti drammatiċi tal-kriżi tal-bijodiversità li għaddejjin minnha. Fl-Ewropa, fost is-sħab insibu istituzzjonijiet bħal: il-Mużewijiet tal-Istorja Naturali ta' Berlin, ta' Pariġi, ta' Vjenna, u ta' Madrid, ir-Riżerva tal-Bijosfera tad-Delta tad-Danubju fir-Rumanija u l-park nazzjonali tal-Lag Kerkini fil-Greċja, il-Ġonna Botaniċi ta' Porto, ta' Ruma u ta' Copenhagen, u għexieren ta' żoos u akkwarji madwar l-UE, minn Dublin sa Riga, minn Barċellona sa Odense u minn Stuttgart sa Beauval. Wara bosta talbiet mill-komunità tar-riċerka, l-koalizzjoni kienet infetħet ukoll għaċ-ċentri tar-riċerka u għall-universitajiet, u l-Università ta' Bergen fin-Norveġja hija proprju tal-ewwel li ssieħbet.

F'kontinenti oħra, l-ewwel membri jinkludu l-park nazzjonali Gorongosa fil-Mozambique, u d-19-il riżerva ġestiti fi 11-il pajjiż minn Parks Afrikani, il-Mużew tax-Xjenza ta' Puerto Rico, iż-żoo ta' São Paulo fil-Brażil, iż-żoo ta' Central Park fl-Istati Uniti, iċ-Ċentru Angkor għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità fil-Kambodja u l-Akkwarju ta' Cape Town fl-Afrika t'Isfel.

Il-koalizzjoni hija appoġġata wkoll minn 36 organizzazzjoni inklużi assoċjazzjonijiet mid-dinja kollha, Ewropej u nazzjonali ta' żoos, akkwarji u ġonna botaniċi, assoċjazzjonijiet tal-mużewijiet, organizzazzjonijiet ta' riċerka, assoċjazzjonijiet ta' gvernijiet lokali, soċjetajiet ta' konservazzjoni u NGOs. 

Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità tal-UE, li għandu l-għan li jpoġġi l-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq tal-irkupru sal-2030. Hija timpenja ruħha li tistabbilixxi network akbar madwar l-UE kollha ta' żoni protetti li jkunu ġestiti b'mod effettiv li jkopru 30 % tal-art u 30 % tal-ibħra, b'terz ta' din iż-żona li tkun strettament protetta. Il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq kriterji ta' gwida għall-istabbiliment ta' dawk iż-żoni. L-Istrateġija tixhed ukoll id-determinazzjoni biex timmobilizza l-għodod kollha tal-azzjonijiet esterni u s-sħubijiet internazzjonali biex tgħin fl-iżvilupp ta' Qafas Globali ambizzjuż u ġdid tan-NU tal-Bijodiversità. Il-Kummissjoni se tkun qed issegwi l-Istrateġija għall-Bijodiversità b'bosta azzjonijiet u inizjattivi. Dan se jinkludi Strateġija tal-UE għall-Foresti, Strateġija tal-UE għall-Ħamrija, Pjan ta' Azzjoni kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, kif ukoll miri ta' restawr tan-natura li jkunu legalment vinkolanti.https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_884

Sfond

Qabel il-CoP15, ir-ritmu politiku kien irranka, bil-Wegħda ta' Impenn tal-Mexxejja għan-Natura mnedija f'Settembru li għadda qabel l-ewwel Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità fil-marġini tal-75 Assemblea Ġenerali tan-NU. Bħalissa 84 pajjiż u l-Unjoni Ewropea impenjaw ruħhom li jreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità sal-2030 għall-iżvilupp sostenibbli.

Ix-xahar li għadda, fir-rapport il-ġdid tal-UNEP “Making Peace with Nature” [Nagħmlu Paċi man-Natura], kofinanzjat mill-UE, reġa' tpoġġa dawl fuq l-isfidi li qed tiffaċċja l-umanità minħabba t-telfien tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u t-tniġġis.

Għal aktar informazzjoni

Il-Koalizzjoni Dinjija “Magħqudin għall-Bijodiversità”

Lista ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet fil-Koalizzjoni

L-istituzzjonijiet interessati jistgħu jikkuntattjaw lil ec-biodiversity-coalitionatec [dot] europa [dot] eu

Semma' leħnek fuq il-midja soċjali ma' #UnitedforBiodiversity (bil-lingwi kollha) & #CoP15

Il-wegħda ta' impenn tal-mexxejja għan-natura

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Marzu 2021